B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 20200, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista ta' dawk li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-medium u tal-large?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport magħmul mill-konsulenti Irlandiżi FAS lill-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tar-Risposta għall- Mistoqsija Parlamentari Numru 16643 li jien tajt f'Seduta 307, ninfurmaħ li b'Risposta għall-Mistoqsija Numru 21024, ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Business Plan ta' l-ETC għas-snin 2000-2003, li ħareġ mill-eżerċizzju tal-konsulenti Irlandiżi.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx xi żviluppi dwar il-każ b'riferenza 1633/5807 tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B'Diżabilita', Servizz Għajnuniet Speċjali, peress li l-familjari tal-persuna b'diżabilita' għandhom problemi ta' saħħa u jeħtieġu l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għall-każ tagħha l-Onor. Interpellant diġa' ġiet mogħtija għajnuna mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fil-passat permezz ta' sussidju fuq xiri ta' self propelled shower chair. Dan minbarra li l-wheel chair li qed tuża din il-persuna kien ġie mogħti mill-isptar Zammit Clapp.
Ninsab infurmat ukoll li saret applikazzjoni minn din il-persuna għal powered wheelchair, liema applikazzjoni ġiet ipproċessata mill-Bord ta' l-Għajnuniet Speċjali tal-Kummissjoni f'Awissu ta' din is-sena. Filwaqt li l-Bord ħa konsiderazzjoni ta' l-aspetti kollha tal-każ, inkluż ir-rapport ta' home visit li sar minn professjonista, il-punti li ġiebet din il-persuna ma kienux jikkwalifikawha għall-għajnuna immedjatament u l-applikazzjoni tqegħdet fuq il-waiting list. Tali applikazzjonijiet jibqgħu validi sa tnax il-xahar mid-data li jkunu ġew ipproċessati mill-imsemmi Bord.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid, peress li l-garage bl-indirizz Block 12, Door 16 Gardenia Street, Santa Luċija, mogħti b'kiri, ilu ma jintuża għal ħafna żmien, tistax l-Awtorita' tad-Djar terġa' tallokah b'tender?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-garage indikat fil-Mistoqsija mhux proprjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li residenti ta' Dockyard Terrace ta' l-Isla li għandhom ix-xewqa li jixtru d-dar se jkun possibli li jagħmlu il-kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tipproċedi bl-applikazzjonijiet għax-xiri tal-postijiet li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti wara li tirċievi l-awtoriżżazzjoni meħtieġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li d-dar ta' l-anzjani fl-Imtarfa jinbnielha sular ieħor sabiex tinlaħaq aħjar u tittaffa xi ftit id-domanda ta' l-anzjani għal residenza fi djar tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, meta jaħseb li jista' jinbeda dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx il-ħsieb li jinbena sular ieħor fid-Dar ta' l-Anzjani ta' l-Imtarfa fil-futur qarib.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġewx iffurmati jew hemmx il-ħsieb li jiġu ffurmati, sezzjonijiet, units jew xorta ta' gruppi oħrajn fid-dipartimenti, soċjetajiet kummerċjali, segretarjati u entitajiet oħrajn kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jew li fihom il-gvern għandu xi forma ta' interess u li liema units, sezzjonijiet etc għandhom xogħol konness jew relatat mal-politika tal-Gvern li jsieħeb lil Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew fl-addozzjoni ta' l-aquis?
X'jisimhom jew x'ser ikun jisimhom dawn il-units etc?
X'tip ta' xogħol mistenni jew qiegħed isir min dawn il-units?
Kemm hemm nies jaħdmu f'kull wieħed min dawn il-units?
Min huma, kif intgħażlu u xi grad għandhom?
X'pagi, kundizzjonijiet u benefiċċji oħrajn igawdu minnhom persuni li huma ingaġġati ma' dawn il-units?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma twaqqfet ebda unit, sezzjoni jew xorta ta' gruppi fid-Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi kif imsemmi fil-mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex tixtri id-dar residenzjali tagħha fil-Belt li d-dettalji tal-post qed jintbagħtu separatament (Ref number 6HA84/2000)
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkwilin ta' dan il-post mhux il-persuna indikata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li talba għal benefiċċju taċ-children's allowance li qed nibgħat separatament tiġi approvata?
Jista' jinformani x'diffikultajiet qed jikkawżaw id-dewmien biex tintlaqa' din it-talba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata post fejn tgħix minħabba li m'għandiex post fejn toqgħod u bosta drabi, minħabba ċirkustanzi varji, spiċċat barra minn fejn kienet qed tgħix?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jelenka għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm nies twaqqfu milli jieħdu l-assistenza medika?
Jekk kien hemm żieda fis-sena 2000 fin-numru ta' nies li nqatgħatilhom l-assistenza medika jista' jagħti r-raġunijiet għal dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18047.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li t-talba għal benefiċċju taċ-children's allowances minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi rimedjata?
Jista' jinformani x'diffikulta' qed jikkawżaw id-dewmien biex tintlaqa' din it-talba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Dwar l-applikazzjoni Ref: 5HA 111/2000 fejn ġie deċiż li skond Skema 5 l-assistenza tkun ta' Lm619, tikkunsidra l-Awtorita' tad-Djar li l-assistenza tkun għallinqas Lm800 minħabba l-ispiża qawwija tax-xogħlijiet meħtieġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li jagħmel spezzjoni fuq il-post, il-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar jagħmel rapport fejn jiġi ndikat ix-xogħol meħtieġ u l-istima. Ir-rati wżati biex issir l-istima huma dawk li jkunu għaddejjin fis-suq.
Fil-każ indikat mill-Onor Interpellant, meta l-perit ta' l-Awtorita' mar fuq il-post, l-applikant indika li xtaq jagħmel xi xogħolijiet li ma kienux imniżżla fl-applikazzjoni oriġinali iżda dawn ġew approvati wkoll.
Ninsab infurmat li sallum l-applikant għadu ma ssottomettiex l-irċevuti tax-xogħolijiet magħmula, liema xogħolijiet iridu jiġu kkonfermati mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar wara li din tirċievi l-irċevuti msemmija.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru.19892, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti ċ-ċifra ta' kemm intefqu flus f'hospitality u jagħti breakdown ta' kif intefqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persentaġġ ikkwotat fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19892 jirreferi għaċ-ċifra allokata għal vot ta' hospitality fl-Estimi Ġenerali u għalhekk huwa faċli għall-Onor. Interpellant li joħroġ iċ-ċifra li talab.
Dwar breakdown ta' kif intefqet iċ-ċifra m'għandix x'inżid mat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19179 fuq l-istess suġġett.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema lokalita' ġejjin l-anzjani residenti fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' wkoll jagħti lista, lokal b' lokal, tal-persuni fuq il-waiting list biex jidħlu f'din id-dar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir ix-xogħol neċessarju mal-faċċata tal-Blk Numru 1 Hubbard Flats, Bormla peress li minħabba l-ħsara li hemm ir-residenti qed igergru li jidħollhom ir-riħ u l-ilma meta tkun ix-xita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Dipartiment taċ-Childrens' Allowance — Talbiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li hemm quddiem id-Dipartiment taċ-Childrens' Allowance fil-mument?
Kemm ilha pendenti l-aktar talba u x'qed jikkawża dan id-dewmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li n-numru ta' talbiet għall-Allowance tat-Tfal li għadhom pendenti huwa ta' 1622.
Madwar 510 każ għadhom pendenti jew għaliex meta bagħatu l-applikazzjoni ma mlewx id-dettalji kollha jew minkejja li bagħatu għalihom mill-Uffiċċji Distrettwali dawn baqgħu ma marrux biex jagħtu l-informazzjoni mitluba. Oħrajn, madwar 652 applikazzjoni, għadhom pendenti għax applikaw tard, fosthom numru li applikaw riċenti, minkejja li kienu mitlubin fuq il-formola biex japplikaw sa' l-aħħar ta' April.
Hemm madwar 460 każ ta' applikazzjonijiet ġodda li daħlu fl-aħħar tlett xhur u li bħalissa qegħdin jinħadmu.
Ma tinħassx il-ħtieġa li d-Dipartiment joqgħod juża r-riżorsi tiegħu biex idur kull applikazzjoni pendenti waħda waħda biex jiġi stabilit liema waħda ilha l-aktar pendenti.
Jista' l-Ministru jinformani bl-investigazzjoni li saret dwar l-allegazzjonijiet li tqajjmu mill-Onor. Tony Abela, dwar ir-raġel tas-sindku ta' l-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.