Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx bżonn aktar muturi fis-sezzjoni tat-traffic tal-pulizija? Jekk iva, hemm xi ħsieb li jinġiebu/jinxtraw aktar muturi għal din is-sezzjoni tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Iva, hemm ħtieġa li jkun hemm aktar muturi disponibbli għat-Taqsima tat-Traffiku.
Fil-fatt għadu kemm ingħata kuntratt għax-xiri ta' seba` muturi li mistennija jaslu qabel Settembru. Hu maħsub li aktar muturi jkomplu jinxtraw matul is-snin li ġejjin.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7477, jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet inqabdu l-40 persuna li ma kenux għadhom għalqu s-16-il sena u li nstabu f'postijiet ta' divertiment fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?
Jista' jgħid ukoll f'liema lokalitajiet saru l-1,340 spezzjoni mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma żżommx statistika hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, iżda skond id-Distrett jew Sezzjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bit-tagħrif disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel bil-bini tal-gvern li preżentement qiegħed jitwaqqa' bin-numri minn 16 sa 23 ta' Srejdek Lane, Bormla? Għaliex qed jitwaqqa'? Lil min se jingħata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fondi li qegħdin jiġu esproprijati fi Srejdek Lane, Bormla, huma dawk minn numri 20 sa n-numru 23. Dawk qegħdin jitwaqqgħu minħabba proġett ta' Slum Clearance.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferiha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' federazzjonijiet, għaqdiet nazzjonali, soċjali, eċċ li fil-mument qed jitolbu lid-Dipartiment ta' l-Artijiet sabiex jiġu pprovduti b'faċilitajiet ta' head quarters, eċċ tagħhom? Meta hu mistenni li jiġu onorati dawn it-talbiet sabiex l-għaqdiet rispettivi jkomplu bil-ħidma volontarja tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba.
Ninsab infurmat ukoll li talbiet mill-għaqdiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant jiġu mistħarrġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u, fejn hu possibli, jiġu milqugħa.
B'riferenza għar-rapport f'The Malta Independent on Sunday tat-13 ta' Ġunju, jista' l-Ministru jikkonferma li ġurnalisti ġew miċħuda aċċess għall-immigranti llegali f'Ta' Kandja għal raġunijiet ta' sigurta'? In vista ta' inċident li kien inqala' f'Ta' Kandja xi ġranet qabel, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex ikun żgurat, b'mod indipendenti, li fl-inċident imsemmi ma ntużatx forza eċċessiva u li n-nies miżmuma f'Ta' Kandja kienu qed jinżammu taħt kondizzjonijiet raġonevoli u aċċettabbli qabel ma nqala' l-inċident?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mhix il-prattika li ġurnalisti jkollhom aċċess għal postijiet ta' detenzjoni bħalma hu ta' Kandja. Dwar l-inċidenti li nqala` f'Ta Kandja xi ġranet ilu, infurmat li qed issir investigazzjoni interna. Il-Korp tal-Pulizija qiegħed jagħmel minn kollox sabiex l-immigranti llegali jinżammu f'atmosfera konfortabbli kemm jista` jkun. Il-kondizzjonijiet ta' dawn l-Immigranti ġewwa Ta' Kandja huma aċċettabli u raġonevoli.
Nieħu pjaċir ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Pulizija tal-Immigrazzjoni irnexxielha tnaqqas sostanzjalment in-numru ta' immigranti llegali billi ħadet ħsieb li jiġu ripatrijati - ħaġa mhux dejjem faċli peress li dawn il-persuni ma jkollhomx dokumenti.
Jista' l-Ministru jikkonferma huwiex minnu jew le li l-overtime tal-pulizija li jkun imisshom xogħol il-Qorti apparti l-ħinijiet normali tagħhom, mhux se jibqa' jitħallas?
Response (BORG, TONIO)
Le.
Kien fiż-żmien l-Amministrazzjoni li tagħha kien jifforma parti l-Onorevoli Interpellant, li ġara dak allegat minnu stess li llum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu persuni kaġun ta' overdose ta' droga mill-1980 sal-lum? X'eta' kellha kull persuna u minn fejn kienet? Jista' jgħid ukoll, f'kull każ, jekk l-investigazzjonijiet wasslux sabiex xi ħadd tressaq il-qorti b'involviment f'dawn l-imwiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għaliex id-detail ta' l-uffiċjali tal-ħabs ittieħdet mingħand uffiċjal tal-ħabs bir-rank ta' supervisor u ngħata lil Surġent tal-Pulizija li jiġu rank anqas?
Jista' l-Ministru jgħid kif dan jinkwadra fil-policy dikjarata tal-gvern li l-ħabs irid jitmexxa bl-uffiċjali korrettivi u jħossx li din il-miżura tista' tidher bħala vot ta' sfiduċja fil-korp tal-gwardjani tal-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Peress li riċentement infetħet it-taqsima l-ġdida taż-żgħażagħ, inħasset il-ħtieġa li uffiċjal fi grad ta' Supervisor jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta' din it-taqsima. Dan sar sabiex il-programm li ġie mfassal jiġi attwat għal benefiċċju tar-residenti li hemm fl-istess taqsima.
Ninsab infurmat li s-supervisor li kien jieħu ħsieb id-detail ta' l-uffiċjali tal-Ħabs ġie mogħti r-responsabbilita` ta' l-amministrazzjoni ta' din it-taqsima ġdida filwaqt li r-responsabbilita` tad-detail ta' l-uffiċjali ġiet mogħtija lill-surġent li jaħdem fil-Ħabs u li għandu esperjenza ta' dan ix-xogħol.
Għandu jingħad li kull min jaħdem fil-Faċilita`, kemm jekk hu membru tal-Korp tal-Pulizija u kemm jekk hu gwardjan, huwa uffiċjal tal-ħabs u m'għandux ikun hemm distinzjoni bejn wieħed u l-ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid taħt liema parti mill-kuntratt tax-xogħol tagħhom bħala Assistant Manager fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, żewġ Assistant Managers għandhom l-użu ta' karozza tal-gvern li jużawha għall-bżonnijiet personali u familjarji tagħhom, jeħduha u jżommuha magħhom meta jispiċċaw mix-xogħol u l-ispejjeż huma kollha mħallsa minn fondi pubbliċi?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm inħela petrol b'dawn il-karozzi allokati lill-Assistant Managers mill-1 ta' Jannar, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li m'hemm xejn stipulat fil-kuntratt tax-xogħol tal-Assistant Managers li dawn ikollhom l-użu ta' karozza tal-Gvern. Fil-preżent hemm żewġ Assistant Managers li qed jużaw il-karozza tas-servizz biex imorru d-dar wara x-xogħol u jiġu lura għax-xogħol u mhux għall-bżonnijiet personali u familjari tagħhom. Dawn il-karozzi ma jintużawx esklussivament minn dawn l-Assistant Managers iżda jintużaw ukoll għal xogħol ieħor.
Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta' petrol li ġie użat bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena hu kif ġej : -
Vettura Jannar Frar Marzu April Mejju
------- ------ ---- ----- ----- -----
GVN 268 124.05 87.23 92.31 88 70.72
Opel Kadett litru litru litru88 litru litru
GVN 328 101 105.55 30.76 90 68.84
Renault 5 litru litru litru litru litru
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħataw sponsorships għal korsijiet (degrees) fulltime lill-membri tal-pulizija fl-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm kien hemm parteċipanti f'kull kors? Kif inhu kostitwit il-bord ta' l-għażla? Fuq liema kriterji ssir l-għażla? Liema korsijiet intgħażlu għal Ottubru 1999 u kemm-il kandidat se jintbagħat isegwi dawn il-korsijiet? X'isir mill-kandidati li jtemmu b'suċċess il-korsijiet fl-Universita'? Huwa minnu li jkunu trasferiti minħabba l-kwalifiki l-ġodda li jiksbu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ħames snin ingħataw darba, f'Ottubru ta' l-1997, sponsorships għall-korsijiet (degrees) fulltime fl-Universita` lill-Membri tal-Korp. Dawn l-isponsorships kienu 4 għal B.A. Legal, 2 għal B.A. Communications u 1 għal B.A. Commerce.
Ninsab infurmat ukoll li m'hemmx Bord ta' l-Għażla permanenti, peress li dan ikun kostitwit għal kull sejħa. Għal korsijiet li jibdew f'Ottubru, 1999, saret sejħa għal-korsijiet ta' B.A. Legal u B.A. Commerce. Din is-sejħa għalqet fit-12 ta' Ġunju, 1999 u l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu pproċessati.
Rigward dawk li jtemmu b'suċċess il-kors fl-Universita`, ninsab infurmat li dawn jingħataw l-allowance relattiv, u jkunu mitluba li jaqsmu l-edukazzjoni li jkunu kisbu mal-Membri l-oħra tal-Korp fl-Akkademja tal-Pulizija. Naturalment, il-Korp jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-gradwati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-pulziija li huma gradwati b'diploma, baċellerat, masters, u dottorat? Kemm minn dawn il-pulizija gradwati ġabu dawn il-kwalifiki qabel daħlu fil-Korp? Kemm minn dawn il-pulziija gradwati ġabu l-kwalifiki wara li daħlu fis-servizz? F'liema sezzjonijiet tal-Korp huma stazzjonati dawn il-gradwati? Kemm mill-gradwati huma taħt il-35 sena? Kemm mill-gradwati huma nisa? X'ranks jokkupaw il-gradwati kollha fil-Korp? X'mertu jingħata lill-kwalifiki simili fl-għażla għall-promozzjoni? Hu veru li l-promozzjoni fil-Korp għadha bbażata esklussivament fuq is-seniority? Hemm membri tal-Korp li ġew promossi f'dawn l-aħħar ħames snin minħabba kwalifiki għolja universitarji? X'impenn għandu l-gvern sabiex skond ir-riforma tas-Servizz Civili jqiegħed pulizija gradwati u eżemplari f'xogħolhom f'ranks għoljin sabiex ikattar il-fiduċja tal-pubbliku fil-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' Membri tal-Korp tal-Pulizija li huma gradwati b'Diploma jew Baċellerat hu ta' 18 (3 nisa u 15 irġiel) u li 8 minnhom huma taħt il-35 sena. Minn dawn it-18, hemm 3 li kellhom il-kwalifiki qabel ma daħlu fil-Korp, filwaqt li l-15 l-oħra kisbu l-kwalifiki li kienu fil-Korp.
Ninsab infurmat ukoll li l-karigi li dawn jokkupaw huma : Supretendent - 1, Spettur - 13, Surġent - 3, Kuntistabbli - 1, u dawn huma stazzjonati hekk : 5 fid-Distretti, 10 f'Taqsimiet Speċjalizzati u 3 qed jattendu kors ta' kadett.
Dwar il-promozzjonijiet, infurmat illi sal-kariga ta' Spettur, dawn isiru wara sejħa għall-applikazzjonijiet, filwaqt li minn Supretendent il-fuq ikun ikkunsidrat is-seniority kif ukoll il-mertu. Ma jirriżultalix li kien hemm xi membri tal-Korp li f'dawn l-aħħar ħames snin ġew promossi a bażi ta' kwalifiki universitarji. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, il-Korp tal-Pulizija huwa impenjat li jgħolli l-livell ta' edukazzjoni tal-membri. Dan jidher kemm mill-kriterji mitluba fis-sejħiet għall-reklutaġġ ta' Kuntistabbli u Spetturi, kif ukoll mill-faċilitajiet li jingħataw lill-membri sabiex isegwu studju kemm fil-livell sekondarju kif ukoll fl-Universita`.
Għaliex fit-tweġiba li tajtni għall-mistoqsija parlamentari numru 6720 dwar applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' lukandi ġodda m'hemmx inkluża dik sottomessa mill-Costa del Sol PA 2551/94 meta l-istess applikazzjoni ssemmiet fi tweġiba li ngħatatli fil-31 ta' Jannar, 1996 għall-mistoqsija parlamentari numru 30679?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-14 ta' Awissu 1998, fuq rikunsiderazzjoni, il-Bord tad-D.C.C. irrifjuta l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant u għalhekk l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma setgħetx tibqa` tqis din l-applikazzjoni bħala pendenti quddiema wara l-imsemmija data.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ntgħażlet il-kumpannija Entec UK Ltd biex tfassal Minerals Subject Plan tal-gżejjer Maltin għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kien hemm kumpanniji oħra interessati biex ifasslu dan il-pjan? Min għamel l-għażla tal-kumpannija Entec UK Ltd? Kemm hu mistenni jqum ix-xogħol ta' din il-kumpannija għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-sejħa għat-tenders għall-Minerals Subject Plan inħarġet f'Lulju ta' l-1998 u kien hemm 11-il kumpanija li wrew interess biex ifasslu dan il-pjan. Is-sottomissjonijiet kollha ġew eżaminati mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u r-rakkomandazzjoni ġiet riferuta lit-Tender Evaluation Committee ta' l-istess Awtorita`, kif ukoll lill-Kumitat tal-Kuntratti. L-evalwazzjoni tat-tender saret abbażi ta' kriterji pre-stabbiliti li evalwaw is-sottomissjonijiet kollha mill-punto di vista ta' l-esperjenza tal-kumpaniji f'dan il-qasam, it-tim ta' esperti li ġew identifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol, jekk is-sottomissjoni kenitx konformi mat-tender document, it-tip ta' konsultazzjoni pubblika li kienu qed jipproponu, kif ukoll il-prezz ta' l-offerta.
Ninsab infurmat ukoll li dan l-eżerċizzju ta' ranking wera li l-kumpanija Entec UK Ltd kienet tidher li hi l-aħjar kumpanija li setgħet tipprovdi dan ix-xogħol u li kienet il-kumpanija li ssottomettiet l-irħas offerta, li kienet tammonta għal GBP 43,795 (c. Lm. 26,000).
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati nies fil-fire and safety mill-gvern mill-elezzjoni 'l hawn? Hemm xi ħsieb li jsir xi inġagg simili? Jekk iva, ta' kemm nies? F'liema gradi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li minn Settembru, 1998 'l hawn ġew ingaġġati mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien ta' 58 fil-grad ta' Assistance & Rescue Officers; dawn kollha ġew ingaġġati minn fost persuni li ġa` kienu impjegati tal-Gvern.
Ninsab infurmat ukoll li preżentament 35 membri tal-Korp tal-Pulizija għaddejjin b'kors ta' taħriġ bil-għan li dawn jiġu trasferiti mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Barra minn dawn, hemm 11-il membru tal-Korp tal-Pulizija oħra li qegħdin jistennew li jiġu trasferiti għad-dipartiment imsemmi u li jiġu appuntati Leading AROs.
Billi llum ħadd ma għandu permess "to carry an airgun for sporting purposes" u ma hawnx permess biex ranges ta' dan l-isport joperaw, jista' l-Ministru jispjega kif, filwaqt li fil-prattika kull Malti li jgħix Malta ma jistax jiprattika dan l-isport b'mod legali, il-Kumitat Olimpiku Malti bagħat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar żewġ Maltin biex jirrappreżentaw lil Malta f'din id-dixxiplina sportiva li sal-lum f'Malta hija illegali? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi konsultazzjoni bejnu u l-Kumitat Olimpiku Malti fuq din il-kwestjoni u jekk iva, jista' jispeċifika? Jista' l-Ministru jgħid jekk waqt l-għażla ta' dawn il-kompetituri hemmx xi ksur tal-liġi? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-persuni kellhomx xi permess speċjali biex jittrenjaw fir-range tal-Bidnija u jekk le sarx ksur tal-liġi waqt it-training tagħhom? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba għall-ħruġ ta' permess tax-xogħol (work permit) għall-coach mit-turkmenistan li nġib apposta biex jittrenja lil dawn il-persuni? Jista' l-Ministru jispjega għaliex din il-persuna ngħatat permess biex tikkowċja sport li sal-lum għadu kontra l-liġi? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija tatx permess biex isir sparar ta' airguns fil-fiera ta' l-isports and leisure li saret fin-Naxxar, ġewwa l-iskola St Martins l-week-end li għadda u ġewwa l-lunapark tal-Blata l-Bajda? Jekk le, x'passi ħadet wara li kien hemm sparar kontra l-liġi f'dawn il-postijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex qed tinvestiga ritratt li deher f'"The Times" nhar it-Tnejn 7 ta' Ġunju fejn persuna qed tikser il-liġi billi tispara arma kontra l-liġi? X'passi ħa l-Ministru jew qed jieħu biex jassigura li fir-ranges li hawn u li minkejja li ilhom lesti tliet snin għad ma hemmx permessi biex jintużaw, biex ma jsir ebda sparar kontra l-liġi? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq dan l-isport u meta l-gvern beħsiebu jagħti l-permessi meħtieġa biex il-Maltin ikunu jistgħu jużaw l-airgun for sporting purposes? Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Ministeru u l-Pulizija biex joħorġu l-permessi ħalli r-ranges jintużaw? Hija proċedura normali li biex tittieħed deċiżjoni fuq sport illi huwa prattikat mad-dinja kollha fi tliet snin għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni? Jista' l-Ministru jgħid jekk permess to "carry a firearm for sporting purposes" jikkwalifikax lil dak li jkun biex juża airgun waqt xi forma ta' kaċċa? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Din id-domanda ma messha qatt saret għaliex hi ksur ċar tal-Ordnijiet Permanenti. Ma jistax ikun li jsiru dstatax (19)-il domanda f'domanda waħda! Ma nsib l-ebda oġġezzjoni li nwieġeb domandi dwar dan is-suġġett, meta jsiru skond l-Ordnijiet Permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jsegwu l-programm ta' rijabilitazzjoni mid-droga wara li ngħataw il-prison leave? F'liema ċentri qed isegwu dawn il-programmi? Meta kienet intużat għall-ewwel darba l-prison leave għal dan l-iskop? S'issa kemm ibbenefikaw individwi mill-għoti tal-prison leave?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tmintax-il priġunier li ngħataw il-prison leave biex jattendu programm ta' rijabilitazzjoni mid-droga fl-Aġenzija tal-Caritas u dik ta' Sedqa.
Ninsab infurmat ukoll li l-ewwel darba li kien ingħata l-prison leave għal dan l-iskop kien fit-23 ta' Ottubru, 1996, u minn din id-data s'issa, kien hemm 57 priġunier li bbenefikaw mill-għoti ta' Prison Leave għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim biex il-kunvent tas-sorijiet tal-Birgu jeħdux il-gvern?
Jekk iva, x'se jsir mill-bini? Jista' jgħid jekk hux se jingħata lil xi ħadd?
Response (BORG, TONIO)
Peress li fil-Birgu hemm aktar minn kunvent wieħed tas-sorijiet, nitlob lill-Onor. Interpellanti tindikali għal liema kunvent qed tirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nissan huts fl-area magħrufa bħala l-foss ta' Notre Dame Bormla, limiti ta' Verdala? Min qed jokkupa dawn il-huts? Jista' l-Ministru jara li jkun hemm kontrolli fuq id-dħul bejn l-area fejn hemm dawn il-huts?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li fil-foss magħruf bħala ta' San Klement u li jiġi taħt is-sur ta' Notre Dame, hemm għaxar huts.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija t-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid u jikklassifika t-trasferimenti, mhux biss ta' proprjeta' imma wkoll ta' drittijiet, li saru mill-Joint Office matul l-1995, l-1996, l-1997, u l-1998 u sal-31 ta' Mejju, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt għamel trasferimenti ta' proprjeta` u drittijiet kif jidher hawn taħt :
Sena Bejgħ ta' Fidi ta' ċens Fidi ta' ċens Fidi ta' ċens
proprjeta` perpetwu perpetwu mhux temporanju
rivedibbli rivedibbli
1995 xejn xejn xejn 17
1996 1 xejn xejn 12
1997 280 5 204 21
1998 63 34 55 4
1999 13 57 xejn 9
(sal-31 ta Mejju)
TOTAL 357 96 259 63