Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel tal-Kottonera — Għalliema li ngħataw transfer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm heads, teachers u facilitators ingħataw transfer u telqu mill-iskejjel tal-Kottonera f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Persuni magħżula għal seminar "European summer school" fi Franza

Question

Jista’ il-Ministru jinvestiga u għaliex fl-interviews li saru ftit ilu fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex jintgħażlu żewġ persuni għal seminar imsejjaħ European Summer School fil-belt ta' Sèvres fi Franza (dettalji dwar il-bord ta’ l-għażla qed jintbagħtu separatament), waħda mill-magħżulin hi ħafna inqas kwalifikata minn kandidati oħrajn li ma ntgħażlux u huwa fatt magħruf li hija ħabiba kbira ta’ persuna oħra li kienet membru tal-bord ta' l-għażla? Jista’ il-Ministru jara wkoll kif l-istess persuna f'bord ieħor xi żmien ilu li kien ippresedut mill-istess persuna li isimha qed jintbagħat separatament, intgħażlet bħala subject co-ordinator tal-Franċiż u qed titħalla tieħu kważi kollox hi fejn jidħol il-Franċiż minkejja li l-kwalifiki tagħha huma anqas minn ta’ persuni oħra? Ma jidhirlux il-Ministru li dawn l-affarijiet m’humiex aċċettabbli u m’humiex ġusti fil-konfront ta’ persuni oħra li għandhom aktar kwalifiki?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żewġ persuni li intgħażlu huma t-tnejn kwalifikati sew skond il-kriterji stabbiliti. Infurmat ukoll li waqt l-interview l-erba' membri tal-Bord ta' l-għażla aġġixxew b'mod professjonali fil-qadi ta' dmirijiethom. Il-persuna li ġiet nominata minn naħa Franċiża, aġixxiet ma' kulħadd b'mod imparzjali u professjonali. Is-subject coordinator tal-Franċiż ma ngħatat xejn speċjalment min naħa tad-Diviżjoni f'dawn l-aħħar snin.

FTS — Sejħiet għall-offerti

Question

Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ sejħiet għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għall-perjodu bejn l-ewwel ta’ Jannar 2003 sa l-aħħar ta’ Frar 2004? Għal kull tender, jista’ jindika d-data tal-ħruġ ta’ l-offerti u dik ta’ l-għeluq? Jista’ jgħid ukoll min rebaħ it-tender u l-prezz ta’ l-offerta magħżula għal kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. membru li hi suġġett ta' verifika mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika li qed tħejji rapport fuq l-operat tal-FTS.

FTS/FES — Financial statements

Question

Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Financial Statements – Year Ending 31 December 2003 taż-żewġ fondazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jiġifieri l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dokumenti mitluba ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fill-futur qarib.

Malta professional & vocational awards council — Membri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Malta Professional and Vocational Awards Council? X’ħidma jwettaq dan il-Kunsill? Kif ġew jew jiġu minfuqa l-Lm15,000 li hemm ivvutati għal din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsaxlokk — Bini ta' sala fl-iskola primarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-problema sabiex tinbena s-sala fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk? X’inhu jżomm milli dan ix-xogħol jinbeda u jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-applikazzjoni ta' żvilupp għal bini ta' sala ġdida fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk għadha pendenti. Għaldaqstant ix-xogħol ma jistax jinbeda qabel ma jinħarġu l-permessi meħtieġa.

ETC — Persuni jirreġistraw fuq Part 2

Question

Bħalissa jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw fuq Part 2 għax min issensjahom ddikjara li telqu volontarjament mix-xogħol meta dan mhuwiex minnu?

Response (GALEA, LOUIS)

Fuq it-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad hemm 174 persuni li skond il-formola tat-tmiem l-impjieg dawn telqu minn jeddhom mix-xogħol. Il-Korporazzjoni m'għandiex informazzjoni kemm minn dawn fil-fatt ma kienux telqu imma ġew itterminati minħabba raġuni oħra.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' — Kors tal-BEduc

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma/jiċħad rapporti li wasluli li l-kors tal-BEduc fl-Universita' se jitwaqqaf għal numru ta' snin peress li qiegħed jingħad li hawn wisq għalliema gradwati?

Response (GALEA, LOUIS)

Niċħad ir-rapporti msemmija. Il-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni qatt ma kellha, u l-anqas għandha, pjani biex il-kors tal-B.Ed (Hons.) jitwaqqaf għal numru ta' snin minħabba n-numru ta' għalliema gradwati.

Razzett tal-Ħbiberihja — Servizz lit-tfal ta' l-iskola

Question

Jista' il-ministeru jgħaddi fondi lir-Razzett tal-Ħbiberija għas-servizz tajjeb li qed joffri lil ħafna tfal ta' skejjel differenti minħabba li d-diffikultajiet finanzjarji tar-razzett jistgħu jwasslu biex dan is-servizz ma jibqax jingħata u t-tfal jiċċaħdu minn servizz tant essenzjali għalihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Fl-Estimi tal-Ministeru m'hemmx vot għal dan l-iskop. Bħala NGO fil-qasam ta' disabilita' ir-Razzett tal-Ħbiberija jaqa' fil-parametri tal-politika soċjali. Talbiet għal għajnuna għandhom jitressqu lil dan il-Ministeru.

Skejjel — Eta' ta' l-iskola obbligatorja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib l-eta' ta’ l-iskola obbligatorja titla’ għal 18–il sena?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa ma jidhirx li hemm ħsieb li titla' l-eta' obbligatorja tal-iskola għal 18-il sena fil-futur qarib. Iżda l-Gvern irid jinkoraġixxi liż-żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni anki wara is-16 il-sena.

Studenti li jkunu temmew l-edukazzjoni sekondarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'qed tagħmel id-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni biex tħajjar aktar studenti jkomplu l-istudji tagħhom wara li jkunu spiċċaw l-edukazzjoni sekondarja tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed isir kull sforz biex titjieb il-kwalita' ta' l-edukazzjoni bażika u jitjiebu is-servizzi ta' pariri vokazzjonali li jgħinu l-istudenti jifhmu l-importanzi ta' żvilupp edukattiv sħiħ.

Skejjel statali — Fifth formers

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw tfal mill-iskejjel statali (Form 5) fl-aħħar ta' din is-sena skolastika? Kemm minnhom huma bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

In-numru ta' studenti (Form 5) illi huwa stmat li se jispiċċaw mill-iskejjel statali fl-aħħar ta' din is-sena skolastika huwa: Subien Bniet Total Malta 1,610 1,716 3,326 Għawdex 168 241 409 Total 1,778 1,957 Total Malta u Għawdex: 3,735

Skejjel tal-Knisja — Fifth formers

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw studenti mill-iskejjel tal-Knisja wara li jkunu temmew il-Form 5 fl-aħħar ta' din is-sena skolastika? Kemm huma bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li mill-iskejjel tal-Knisja (Form 5) huwa smat li fl-aħħar ta' din is-sena skolastika sa jispiċċaw 1470 student minnhom hemm 653 bniet.

Skejjel privati — Fifth formers

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw studenti mill-iskejjel privati (Form 5) fl-aħħar ta' din is-sena skolastika? Kemm huma bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li mill-iskejjel Indipendenti Privati (Form 5) huwa smat li fl-aħħar ta' din is-sena skolastiku se jispiċċċaw 397 student minnhom hemm 189 bniet.