Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Public Transport Services –overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ overtime li sar mill-uffiċjali ta’ Transport Malta li issa ġew trasferiti mal-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport Services, f’Jannar u Frar 2014, separatament għal kull persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8532. Il-gradi taż-żewġ ħaddiema li ġew sekondati mal-Malta Public Transport ma jikkwalifikawx għall-overtime.

Smart City — trasport

Question

In vista tal-fatt li se jkun hemm żieda fit-trasport lejn Smart City mill-ibliet u l-irħula tal-madwar, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi qed jittieħdu u xi pjanijiet qed jiġu preparati għas-sajf, sabiex ma jkunx hemm inkonvenjenti żejda u konġestjonijiet ta’traffiku fl-inħawi bla bżonn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport għandha qafas ta’ Closed Circuit Cameras u Variable Message Signs li huwa ppjanat sabiex jintuża għall-immanniġġjar tat-traffiku aħjar fit-toroq li l-aktar li se jiġu effettwati mill-proġett ta’ SMART CITY. Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta fix-xhur li ġejjin.

Transport Malta – Chief Officer Corporate Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-persuna li preżentament hi ċ-Chief Officer Corporate Services ta’ Transport Malta? Din il-persuna kemm ilha taħdem ma’ Transport Malta u f’liema karigi u dipartimenti kienet, sena b’sena mill-bidu tal-impjieg tagħha ma’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Il-persuna li preżentament tokkupa l-kariga ta’ Chief Officer Corporate Services hija Ms Jeannette Axisa li ilha f’din il-kariga sa minn Awwissu 2013. Din il-persuna ilha taħdem ma’ Transport Malta sa mit-twaqqif tagħha fis-sena 2010 fejn kienet involuta fit-kitba ta’ numru estensiv ta’ public call for tenders. Qabel it-twaqqif ta’ Transport Malta, Ms Axisa kienet impjegata mal-Malta Maritime Authority fil-pożizzjoni ta’ Administration Manager.

Transport Malta – Chief Officer Corporate Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji intgħażlet iċ-Chief Officer Corporate Services il-ġdida ta’ Transport Malta li nħatret fl-aħħar ġimgħat wara interview li għalih lanqas biss kien involut id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani iżda kienu biss involuti diretturi speċifiċi tal-Bord ta’ Transport Malta? Xi kwalifiki akkademiċi għandha din il-persuna biex ħadet din il-pożizzjoni fi Transport Malta? Peress li l-impjegati ta’ Transport Malta li jaqgħu taħt din il-persuna qed jilmentaw minn attitudni negattiva u arroganti lejhom u saru diversi lmenti minn bosta ħaddiema ta’ Transport Malta maċ-Chairman, jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Chairman qattx iddiskuta miegħu l-attitudni ta’ din il-persuna ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li c-Chief Officer Corporate Services ntagħżlet wara sejħa nterna għall-applikazzjonijiet u wara li ġew evalwati l-kriterji mitluba skont il-job description ta’ din il-pożizzjoni fir-rigward ta’ kull applikant/a. Il-persuna magħżula ggradwat fl-Ekonomija u l-Kummerċ fis-sena 1992 u wara kompliet l-istudji tagħha f’diversi kulleġġi u universitajiet barra minn Malta dejjem fil-qasam tal-management u Business Administration. Ma waslulix rapporti rigward l-allegazzjonijiet li qiegħed jagħmel fil-konfront ta’ din l-impjegata iżda ninfurmah li fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn impjegati speċjalment fejn jikkonċernaw differenzi fil-karattru, dawn jiġu diskussi nternament bejn l-individwi kkonċernati.

Toroq residenzjali — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 7628, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-toroq residenzjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta u li se jingħatalhom it-tarmak ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jerġa jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 7628.

Grand Harbour Regeneration Corporation – progetti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7643, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta hu maħsub li jkunu konklużi l-evalwazzjonijiet ta’ proġetti relatati mal-Grand Harbour Regeneration Corporation?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Gvern se jkun qed iħabbar proġetti ġodda li se tagħmel il-GHRC fiż-żmien li ġej. Kull proġett jitħabbar meta x-xogħol preparatorju jkun tlesta.

Karozzi tal-linja – fire extinguishers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7978, jista’ l-Ministru jindika x’inhi l-proċedura li tiġi segwita mix-xufiera meta dawn jiċċekkjaw il-fire extinguishers? Jista’ jgħid x’jiġi ċċekkjat waqt din l-ispezzjoni u x’tagħlim jingħata lix-xufiera sabiex dawn ikunu jistgħu jiċċekjaw u jkunu kapaċi jagħmlu użu minn dawn il-fire extinguishers?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, ix-xufiera, bħala parti mill-proċedura utilizzata mill-kumpanija fl-iċċekjar tal-fire extinguishers, jaraw li: · il-locking pin u is-siġill tiegħu m’huwiex minsus; · jikkonfermaw li l-indikatur tal-pressa jkun qed jimmarka fejn suppost; · jiċċekkjaw il-piż billi jassiguraw li l-fire extinguisher huwa mimli; · jiċċekkjaw id-data tas-service li jmiss fuq it-tabella li tkun imwaħħla mal-fire extinguisher biex ikun assigurat li l-apparat jingħata s-service kif suppost. Infurmat ukoll li x-xufiera, sa mill-ewwel ġurnata ta’ taħriġ li jingħataw mill-kumpanija, jiġu mgħallma dwar l-importanza li x-xarabank tiġi ċċekjata ta’ kuljum. Parti minn dan il-proċess jinkludi tagħlim dwar kif wieħed għandu jiċċekkja l-fire extinguisher, kif ukoll tagħmir ieħor relatat mas-sigurtà tal-vettura fit-triq. Din is-sena, l-operatur tat-trasport pubbliku ħareġ ċirkulari lill-ħaddiema nvoluti fl-operat, li jinkludi x-xufiera u l-ħaddiema tekniċi sabiex ifakkarhom dwar l-importanza li jsiru spezzjonijiet ta’ kuljum fuq ix-xarabanks skont il-proċeduri tal-kumpanija, liema spezzjonijiet jinkludu l-iċċekjar tal-fire extinguisher.

Karozzi tal-Linja – Fire Extinguishers

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7978, jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-kumpanija l-ġdida (Malta Public Transport Services) sabiex tassigura li l-ispezzjonijiet fuq il-fire extinguishers qed isiru kif suppost mix-xufiera? Jista’ jikkonferma li qabel ma seħħ l-inċident f’Burmarrad, l-uniċi spezzjonijiet fuq il-fire extinguishers kienu jsiru mix-xufiera? F’każ li xufier jinsa jirrapporta li l-fire extinguisher mhux qed jaħdem jew ma jindunax li l-fire extinguisher huwa vojt, hekk kif ġara fil-każ ta’ Burmarrad, jista’ jikkonferma li l-passiġġieri li jkunu abbord ix-xarabank ikunu qed jużaw is-servizz b’riskju għas-sigurtà tagħhom? Wara l-istess inċident f’Burmarrad, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet minn nies kwalifikati fuq dan l-istess apparat ta’ sigurtà u sarx xi tibdil fil-proċeduri ta’ kif jiġu ċċekjati l-fire extinguishers?

Response (MIZZI, JOE)

Kif diġa’ spjegajt fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 7978, mill-informazjoni miġbura mill-operatur tat-trasport pubbliku, il-fire extinguishers jiġu ċċekjati ta’ kuljum bħala parti mill-ispezzjoni li ssir mix-xufiera li jkunu qed jagħmlu użu mix-xarabank qabel ma’ din tinħareġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn ix-xufiera huma mħarrġa, kwalifikati u responsabbli biex jagħmlu din l-ispezzjoni. F’ka¿ li fire extinguisher ma jilħaqx il-kriterji mitluba, dan jinbidel immedjatament u jintbagħat għall-manutenzjoni neċessarja. Wara li seħħ l-inċident ta’ Burmarrad, l-operatur tat-trasport pubbliku ħareġ ċirkulari lill-ħaddiema kollha sabiex ifakkarhom dwar l-importanza li jsiru dawn l-ispezzjonijiet, li jinkludi ċċekkjar fuq il-gauge tal-fire extinguisher. Barra minn hekk, Transport Malta għamlet eżerċizzju fejn ġew iċċekkjati il-fire extinguishers kollha sabiex jiġi assigurat li kollha qed jaħdmu sew. Barra minn hekk, konxju mill-importanza li dawn il-Fire Extinguishers ikunu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni wara l-incident ta’ Burmarrad, l-operatur tat-trasport pubbliku introduċa ¿ewġ proċeduri ġodda sabiex jassigura li l-fire extinguishers qed jiġu iċċekjati kif suppost. Dawn huma hekk kif ġej: · Xarabanks li jidħlu fl-engineering depots minħabba bżonnijiet ta’ manutenzjoni jew tiswija qed ikollhom il-fire extinguishers iċċekkjati u; · Il-managers ta’ kull depot qed jagħmlu spezzjonijiet frekwenti fuq ix-xarabanks sabiex jiġi assigurat li l-fire extinguishers jkunu fi stat tajjeb ta’manutenzjoni. Fil-każi fejn dawn il-Fire Extinguishers ma jinstabux f’kundizzjoni tajba, dawn jiġu sostitwiti immedjatament. Infurmat ukoll li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, qabel it-2 ta’ Jannar 2014, l-uniċi spezzjonijiet fuq il-fire extinguishers kienu jsiru mix-xufiera kif huma mħarrġa u kwalifikati biex jagħmlu bħala parti mid-dover tagħhom.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet lill-individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet, anki ta’ Segretarju) ? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-persuna li id-dettalji tagħha qed jingħataw separatament serva ta’ segretarju tal-bord tad-diretturi tal-ADT , MMA, Transport Malta u ta’ Transport Malta Audit Committee bejn l-2008 u l-2013, u tħallas is-somma totali ta’ €58,821. Informazzjoni dettaljata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħ'Attard — Triq St. Anthony - one way

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li Triq St. Anthony f'Ħ'Attard wara l-palazz ta' San Anton u li tgħaqqad Ħ'Attard ma' Ħal Lija u Ħal Balzan issir one way fid-direzzjoni ta' Ħal Balzan peress li din hi triq dejqa ħafna u ġieli jkun hemm konġestjoni kbira tat-traffiku filwaqt li hi ta' perikolu għall-persuni li jkunu deħlin fil-Kitchen Garden tal-President?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Triq Sant’Antnin li tagħmel mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Balzan hija diġa one-way lejn k/m Triq Annibale Preca/Triq il-Kbira. Triq Sant’Antnin tkompli ma’ Triq San Anton fejn tagħmel mal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard. Din it-talba sabiex Triq San Anton issir f’direzzjoni waħda mhux possibbli li tintlaqa’ minħabba li tippreġudika ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fl-inħawi.

Transport Malta — Espressjonijiet ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min se jkun kompost il-bord li se jevalwa l-espressjonijiet ta’ interess li ġew sottomessi fil-ħin nhar is-7 ta’ April 2014? Xi rwol għandhom dawn il-persuni fi Transport Malta? Dawn il-persuni għandhom l-esperjenza neċessarja biex jaqdu l-funzjoni tagħhom f’dan il-bord? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-proċess tal-evalwazzjoni tal-espressjoni t’interess għadu mhux konkluż, din l-informazzjoni ma tistax tingħata f’dan l-istadju.

Transport Malta — Espressjonijiet ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jassigura li min se jkun fuq il-bord li jevalwa l-espressjonijiet ta’ interess li ġew sottomessi fil-ħin nhar is-7 ta’ April 2014 mhu se jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-bord t’evalwazzjoni għall-espressjonijiet ta’ interess li ġew sottomessi fil-ħin nhar is-7 ta’ April 2014, iffirmaw dikjarazzjoni t’imparzjalita’ u kunfidenzjalita’ hekk kif inhi l-prassi għal kull bord t’evalwazzjoni.

Kiri ta’ karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li bil-kiri ta’ 45 karozza tal-linja low floor, Euro V u bl-A/C hi ammissjoni ċara tan-nuqqasijiet kbar fil-provvista ta’ dan is-servizz minn meta l-Gvern ħa l-operat tat-trasport pubbliku f’idejh fil-bidu ta’ din is-sena? Kif jiġġustifika li għalkemm 62% ta’ dawk li jużaw dan is-servizz tat-Trasport Pubbliku qalu li dan is-servizz jew baqa’ fl-istat li kien jew addirittura mar għall-agħar, hu bħala l-Ministru responsabbli minn dan is-servizz baqa’ jinsisti li l-operat tas-servizz pubbliku mar ’il quddiem u l-complaints naqsu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li minkejja li donnu jrid jibqa jippersisti bil-kritika distruttiva sabiex kontinwament jipprova jfixkel il-ħidma ta’ dan il-Gvern li qed jaħdem biex itaffi kemm jista mill-problemi li l-poplu ilu jsofri wara d-diżastru li ħalla warajh Gvern preċedenti fis-settur tat-trasport pubbliku, nerġa intenni li ninsab infurmat li filwaqt li l-ilmenti dwar id-dewmien, f’Jannar tal-2012 kienu jammontaw għal 40% u żdiedu għal 42% fl-2013, matul l-ewwel xahar li ħa l-operat tat-trasport pubbliku f’idejh il-Gvern, jiġifieri matul Jannar tal- 2014, dawn l-istess ilmenti naqsu għal 39%. Ninfurmah ukoll li rigward l-ilmenti tal-pubbliku dwar l-attitudni tax-xufiera, f’Jannar tal-2012 kienu jammontaw għal 20%, f’Jannar tal-2013 telgħu għal 34% iżda reġgħu naqsu għal 20% f’Jannar ta’ din is-sena, matul l-ewwel xahar tal-operat tal-Malta Public Transport Services. Insemmi wkoll l-ilmenti dwar tibdil li sar fir-rotot, fejn f’Jannar tal-2012, kienu jammontaw għal 15%, f’Jannar tal-2013 naqsu għal 7% u f’Jannar ta’ din is-sena baqgħu neżlin għal 5%.

ATP – garanzija tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-garanzija ta’ xogħol għal għaxar snin li kienu ngħataw il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-ATP hux se tiġi onorata mill-Gvern u ċjoè li dawn il-ħaddiema jiġu trasferiti mal-operatur il-ġdid hekk kif dan jieħu f’idejh l-operat tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Il-għan ewlieni tal-Gvern huwa li il-ħaddiema kollha jibqgħu fl-impjieg tagħhom hekk kif it-trasport pubbliku jgħaddi f’ idejn il-privat. Fi żmien qrib ser jinfetħu in-negozjati ma’ l-operatur li ser ikun magħzul u ser inkun qiegħed insegwi mill-qrib dak kollu li jkun għaddej.

Arriva — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema kollha li kienu jaħdmu mal-Arriva hux se jingħataw garanzija ta’ xogħol mal-operatur tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8987.

Gżira — Triq Testaferrata - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-pjan li kellha Transport Malta biex tiġi rranġata Triq Testaferrata fil-Gżira li bħalissa tinsab fi stat diżastruż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu primarju ta’ Transport Malta huwa l-manutenzjoni ta’ toroq arterjali u distributorji u l-bini għall-ewwel darba ta’ toroq ġodda. It-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ma taqax taħt dawn il-kategoriji u allura l-obbligu ta’ manutenzjoni tagħha ma taqax taħt l-Awtorita’. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.

Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura — PR u media events – nefqa totali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8719, jista’ l-Ministru jagħti t-tweġiba sħiħa għall-informazzjoni miltuba u jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 4508 u 8719.

Traffic Management Unit – approvazzjoni ta’ billboards

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ billboards li ġew approvati mit-Traffic Management Unit ta’ Transport Malta, mid-9 ta’ Marzu sal-lum, imqassma b’lokalitajiet, b’site plans u bl-ismijiet tal-applikant/i?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika id-9 ta’ Marzu ta’ liema sena qiegħed jirreferi għaliha.

Trasport Malta – permessi għal jumbo screen

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi li hemm minn Transport Malta għall-jumbo screen li jinsab quddiem l-istudios tal-One u li jagħti għal fuq it-triq, u speċifikament jindika jekk hemmx limitu fuq il-luminosity levels tal-iscreen u jekk hemmx permess biex dan jipproġetta moving images (videos) apparti still pictures?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma toħroġx permessi. Infurmat ukoll li n-No Objection maħruġa minn Transport Malta tistipula luminance levels u li l-istampa hija statika.

Triq Diċembru 13 – flashing lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx illi l-flashing lights mal-blokki tal-konkos li saru ħdejn l-isliproad li minn Triq Diċembru 13 tieħu għar-Regional Road, fejn trid tagħżel jekk tmurx għall-Belt Valletta jew għar-Regional Road, ilhom ma jaħdmu sew diversi ġimgħat b’periklu għas-sewwieqa fil-ħinijiet meta jidlam?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flashing lights mal-blokki tal-konkos li kienu saru ħdejn l-islip road li minn Triq Diċembru 13 tieħu għal Regional Road ilhom li tneħħew għax it-triq tlestiet u infetħet għat-traffiku.