Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – stallazzjoni ta’ lifts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitkompla l-programm ta’ stallazzjoni ta’ lifts? Kemm twaħħlu lifts mill-Awtorità tad-Djar matul is-snin? Kemm huwa previst li l-Awtorità tinstalla lifts kull sena għal dawn il-ħames snin li ġejjin?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ser tkompli bil-programm ta’ installazzjonijiet ta’ lifts. Dwar jekk hemmx il-ħsieb li jitkompla l-programm ta’ stallazzjoni ta’ lifts li sal-lum din l-iskema għadha miftuħa. L-informazzjoni dwar kemm twaħħlu lifts mill-Awtorità tad-Djar matul is-snin qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Dan juri lista ta’ liftijiet installati mill-Awtoritá tad-Djar u mid-Dipartiment ta’ Tiswija u Bini tad-Djar fis-Snin Elfejn sena b’sena. Dwar kemm huwa previst li l-Awtorità tinstalla lifts kull sena għal dawn il-ħames snin li ġejjin, din hija kwistjoni li qed tiġi studjata u għalhekk l-informazzjoni rikjesta għadha mhix stabbilita’ u evalwata anke fil-kuntest tal-financial capital outlay li hemm bzonn għal dan il-għan.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lir-refuġjati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar għal dawn il-ħames snin li ġejjin rigward is-servizz lil persuni li għandhom uffiċjalment l-istatus ta’ refuġjati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jgawdi minn status ta’ refuġjati jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi kollha li għandha l-Awtorita’tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lir-refuġjati — akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm refuġjati fuq il-lista għall-akkomodazzjoni soċjali? Qatt ingħata akkomodazzjoni soċjali lil persuni bl-istatus ta’ refuġjat minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar għandha 23 applikazzjoni minn refuġjati. L-Awtorita’ tad-Djar qatt ma’ allokat postijiet lil persuni bl-istatus ta’ refuġjati kemm minn qabel Marzu, 2013 kif ukoll minn wara Marzu 2013.

Awtorità tad-Djar – politika dwar koppji tal-istess sess

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar rigward koppji tal-istess sess? Kemm hemm talbiet minn dawn il-koppji?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għalkemm ma tezistiex policy speċifika fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar rigward koppji tal-istess sess, bħalissa żewġ persuni tal-istess sess jistgħu japplikaw:- § għas-sussidju tal-kera jekk dawn it-tnejn jkunu l-inkwilini konoxxuti flimkien tal-fond; u § għal rifuzjoni tal-VAT f’każ li dawn it-tnejn flimkien ikunu xtraw il-post flimkien; § għal sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini. Din is-sena għall-ewwel darba l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 2 applikazzjonijiet għall-iskema fuq Għotja lis-Sidien fil-Bini, Irranġar u/jew Tkomplija tal-Ewwel Residenza (VAT refund)minn żewġ persuni tal-istess sess. L-aplikazzonijiet ġew milqugħa u ingħatat l-għotja ukoll. Taħt l-Iskema tas-sussidju tal-kera l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 21 applikazzjoni minn żewġ persuni tal-istess sess. 11 minnhom għadhom qegħdin jibbenefikaw waqt li l-10 l-oħra ġew magħluqa għal raġunijiet varji. Sa issa l-Awtorita’ tad-Djar ma’ rċeviet l-ebda applikazzjoni minn żewġ persuni tal-istess sess taħt l-Iskema tas-sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini.

Awtorità tad-Djar – politika dwar strutturi illegali fil-binjiet tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar rigward l-istrutturi illegali fil-binjiet tal-Gvern? Kemm għandha każijiet quddiemha ta’ strutturi illegali li trid tieħu passi fuqhom u f’liema lokalità u binja? Kemm tneħħew strutturi illegali minn fuq il-bjut minn Marzu 2013 ’l hawn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-2012 il-blokok tal-Gvern kwaŻi kollha kienu amministrati mid-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern. Fl-2012 xi blokok ġew trasferiti lill-Awtorita’ u id-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern ħa ħsieb li l-biċċa l-kbira ta’ l-istrutturi llegali li kien hemm f’dawn il-blokok jiġu mneħħija qabel isir it-trasferiment. L-Awtorita’ tad-Djar ma għandiex is-setgħa li tieħu azzjoni fuq strutturi llegali fi blokok trasferiti lilha sakemm isir it-tibdil meħtieġ fil-liġi. Azzjoni fi blokok oħra tittieħed mid-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern.

Awtorità tad-Djar – politika dwar kontijiet tad-dawl tal-komun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tagħha fuq il-ħlas tal-kontijiet tad-dawl tal-komun fil-binjiet tal-Gvern fejn hemm lift u fejn ma hemmx lift?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sena li għaddiet ġew trasferiti lill-Awtorita’ numru ta’ blokok tal-Gvern. Fejn kien hemm lift u qiegħed fuq meter tad-dawl separat minn dak tal-komun, il-kont tad-dawl tal-lift jitħallas mir-residenti. Fejn il-lift u l-komun jaqsmu meter wieħed, il-policy tal-Awtorita’ hija li tiġi ffurmata assoċazzjoni tar-residenti biex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex id-dawl tal-lift jitħallas mir-residenti. Fil-blokok fejn m’hemmx lift imma meter tad-dawl tal-komun biss, l-Awtorita’ għada ssegwi l-policy tal-Dipartiment tal-Artijiet u l-kontijiet tad-dawl, li ilha stabbilita’, i.e. jitħallsu kollha mill-Awtorita’.

Awtorità tad-Djar – dewmien fi promozzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'kien l-eżitu ta' sejħa għall-promozzjonijiet fl-Awtorità tad-Djar li kienet ippubblikata lejn l-aħħar tas-sena oħra? Ladarba l-interviews saru f’Jannar li għadda u r-riżultati li kellhom l-approvazzjoni tal-bord u kellhom jitħabbru lejn nofs ix-xahar ta’ Marzu, u peress li issa qegħdin fil-bidu ta’ Ottubru, tista’ l-Ministru tgħid x’qed jikkawża dan id-dewmien?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-issue tal-promożżjonijiet kif ukoll dak tal-fteħim kollettiv li kien ilu pendenti tlett snin issa ġew riżolti.

Awtorità tad-Djar – ħatra ta’ kap eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom intagħżel il-kap eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar? Għalfejn ma kienx hemm sejħa pubblika kif kien hemm fil-passat? X’esperjenza għandha fil-qasam tal-housing il-persuna magħżula? Min kien dak li rrakkomanda lil persuna magħżula għal kap eżekuttiv lill-Bord tal-Awtorità tad-Djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minbarra nies li jifhmu fil-Housing, l-Awtorita tad-Djar ghandha bzonn ukoll nies li jifhmu fil-management u fil-finanzi. Il-persuna appuntata biex isservi fil-kariga li qed jirreferi ghaliha l-Onorevoli interpellant ghandha esperjenza tajba f’dawn iz-zewg oqsma li fihom kien hemm nuqqas kbir fis-snin li ghaddew tant li dan il-gvern wiret Awtorita f’sitwazzjoni finanzjarja ħazina, liema sitwazzjoni trid tkun indirizzata biex jinghata l-aqwa servizz.

Awtorità tad-Djar – kap eżekuttiv – kuntratt

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol, is-salarju, l-allowances u l-perkaċċi l-oħra kollha li ngħata l-kap eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-preżent is-CEO għandu €1,945.75 anqas minn ta’ qablu.

Awtorità tad-Djar – ħatra ta’ kap eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlet id-deputat kap eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar? Għalfejn ma kienx hemm sejħa? Xi kwalifiċi għandha l-persuna magħżula? Min kien dak li rrakkomanda lil persuna magħżula għal deputat kap eżekuttiv lill-Bord tal-Awtorità tad-Djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv hija kariga ta’ ‘position of trust’. Il-persuna magħżula għandha 17-il sena esperjenza fuq housing. Din ġiet rakkomandata mill-Bord tal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – tmexxija

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex l-Awtorità tad-Djar issa qed titmexxa minn tliet persuni eżekuttivi li huma ċ-chairperson, il-kap eżekuttiv u d-deputat kap eżekuttiv? Kemm qed tiswa komplessivament din it-tmexxija ġdida inkluż is-salarji, allowances, onorarji, karozzi, mobiles, petrol, health allowance u perkaċċi oħra? Kif tikkumpara din n-nefqa ta’ issa fuq it-tmexxija ma’ qabel Marzu li għadda, fejn kienet tistrieħ fuq chairman u kap eżekuttiv? Kemm hi fil-fatt iż-żieda antiċipata fin-nefqa ta’ din it-tmexxija għall-ħames snin li jmiss? Tista’ tagħti spjegazzjoni għaliex inħass il-bżonn li l-Awtorità tad-Djar tonfoq daqstant fit-tmexxija tagħha meta l-Ministru ddikjarat f’okkażjonijiet oħra li l-Awtorità għandha nuqqas ta’ flus?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Filwaqt l-informazzjoni dwar salarji, allowances, onorarji, karozzi, mobiles, petrol, health allowance qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Sadanittant il-ħtieġa li jissaħħah il-management ezekutiv ta’ l-Awtorità tad-Djar, inħasset minħabba s-sitwazzjoni prekarja li nstabet fiha l-Awtorità.

Awtorità tad-Djar – ingaġġ ta’ persuni

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li minbarra ż-żieda fl-istaff li sar parti mit-tmexxija u ż-żieda ta’ kull waħda mill-karigi f’dawk li huma salarji u perkaċċi hemm ukoll segretarja ma’ kull kariga fl-amministrazzjoni? X’inhu s-salarju u l-pakkett ta’ kull waħda minn dawn is-segretarji?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ma kelliex żidiet fil-ħaddiema. Is-salarji annwali u l-pakketti finanzjarji huma kif indikat hawn taħt: Segretarja tal-kap e ż ekuttiv – Salarju €23,017.44 Allowances: €700 Qualification Allowance €1,300 Allowance Mobile Service Private Health Scheme 5% Performance Bonus Segrtarja tal- Deputat Kap Eżekuttiv: Salarju €12,600 Medical Health Scheme Segretarja tac-Chairman: Salarju €19,954.48 Allowances: €350 Qualification Allowance €1,300 Allowance €432 Mobile Allowance Medical Health Scheme

Awtorità tad-Djar – kap eżekuttiv – remunerazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi ż-żieda f’salarju, perkaċċi u kundizzjonijiet oħra li qiegħed jieħu l-kap eżekuttiv il-ġdid meta kkumparat ma’ dak ta’ qablu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W118.

Awtorità tad-Djar – chairperson – remunerazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi ż-żieda fl-onorarja, perkaċċi u kundizzjonijiet oħra li qed tieħu ċ-chairperson il-ġdida meta kkumparat ma’ dak ta’ qabilha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-fuel ta’ Chairman ta’ qabel ma kienx hemm capping, dan ma jistgħax jiġi kkalkulat bl-eżatt filwaqt li ż-żieda annwali fuq l-onorarja hija ta’ €1,694.40 u dan għaliex Ms Vassallo hija prattikament full-time u mhux bħal Chairperson preċedenti. Chairperson – Ms. Antoinette Vassallo Annual Honoraria €18,000 Mobile Phone Service Annual Fuel Allowance €2,100 Chairman – Dr. Saviour Gauci Annual Honoraria €16,305.60 Mobile Phone Service Annual Fuel Allowance €2,100

Awtorità tad-Djar – ftehim kollettiv

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li l-Awtorità tad-Djar għadha ma għalqitx il-ftehim kollettiv mal-ħaddiema tagħha meta dan il-ftehim skada fl-2010? X’qiegħed iżomm lill-Awtorità milli tagħmel dan?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tal-Awtorità Djar qablu mal-Ftehim Kolletiv il-ġdid fil-11 ta’ Ottubru 2013. Dan ha jiġi ffirmat dalwaqt.

Awtorità tad-Djar – awditjar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li bħalissa qiegħed isir awditjar/rapport ieħor tal-operat u r-riżorsi umani tal-Awtorità tad-Djar? Min qed jagħmel dan ir-rapport? Għaliex inħass il-bżonn li jsir rapport ieħor f’daqstant qasir żmien?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar mhix qed tagħmel awditjar tar-riżorsi umani, iżda bħalissa għaddej studju biex tiġi identifikata l-istrateġija tal-Awtorità tad-Djar, li sal-lum ma teżistix. Dan l-istudju għandu jistabilixxi strateġija ċara, u għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru 2013.

Awtorità tad-Djar – trasferiment ta’ ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu li rapporti li ġew ikkummissjonati minn bord ġdid tal-Awtorità tad-Djar se jservu ta’ ġustifikazzjoni għal numru ta’ trasferimenti ta’ impjegati li qed jiġu ppjanati fl-istess Awtorità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diversi rapporti, li l-Bord tal-Awtorità tad-Djar, għamlet jirrigwardaw il-process review tal-istess Awtorità u m’ghandhom x’jaqsmu xejn ma’ trasferimenti ta’ impjegati.

Awtorità tad-Djar – kap eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tiġġustifikax id-deċiżjoni tal-bord maħtur minnha li kap eżekuttiv fl-Awtorità tad-Djar b’salarju ta’ madwar €36,000 titneħħa mill-uffiċċju tagħha, u titnaqqsilha r-responsabbiltà għal taqsima waħda tal-iskemi? Tista’ tgħid x’inhi l-motivazzjoni wara dan kollu u jekk dan hux ikkunsidrat bħala value for money?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kap Eżekuttiv tneħħiet mill–uffiċċju tagħha minħabba kwistjoni loġistika u xejn aktar. Tant li fil-preżent għandha uffiċċju ġdid. Ir-responsabilità ma tnaqsitx iżda fl-fatt, minbarra is-sezzjoni tal-Iskemi fejn jiġu ppoċessati l-applikazzjonijiet kollha ta’ sussidju jaqaw ukoll taħt r-responsabilitajiet tagħha l-Uffiċċju tal-Customer Care u s-Sezzjoni tar-Registry. Tifforma parti wkoll minn żewg gruppi li qed jagħmlu stħarriġ sabiex l-Awtorita’ tkun tista’ tagħti u taqdi l-persuni vurberabbli li huma homeless u eżer`izzju fuq ir-reviżjoni tal-kera.

Awtorità tad-Djar – procurement section

Question

Tista’ l-Ministru tagħti r-raġuni għalfejn il-procurement section tal-Awtorità tad-Djar ma għadhiex taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kap ta’ dik it-taqsima? Min huma l-membri tal-procurement board u lil min qegħdin jirrispondu issa? Tista’ tikkonferma jekk il-bord isegwix il-procurement regulations?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Procurement ma baqgħetx taqa’ taħt ir-responsabilità tal- Kap tas-Sezzjoni li kienet qabel sabiex ikun hemm segregation of duties. Il-procurement regulations fil-passat inkisru diversi drabi u għalhekk l-Awtorità tad-Djar issa qed timplimenta proċeduri ġodda biex dan ma jibqax isir, u dan wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Kuntratti. L-Awtorità tad-Djar m’għandhiex Procurement bord imma Evaluation Committee, li l-membri tiegħu huma l-Perit Felix Sciberras, Charles Vella, Aldo Ellul, Emile Lauria u MaryLou Borg. Waqt li x-xogħol kollu qed jsir mis-Sezzjonijiet Techniċi, il-Procurement issa ġie jirrispondi dirett liċ-Chairperson u liċ-Chief Executive Officer.

Awtorità tad-Djar – spejjeż

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-ispiża, item item tal-spejjeż amministrattivi kollha tal-Awtorità tad-Djar minn Marzu s’issa? Tista’ tikkonferma li ma kienx hemm żieda fl-ispejjeż tal-Awtorità għall-amministrazzjoni? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-cash flow report għal din is-sena, xahar b’xahar sal-lum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Cash Flow Report juri li ma kienx hemm żieda fl-ispejjeż għall-amministrazzjoni wara Marzu. Il-kopja tal-cash flow report għal din is-sena, xahar b’xahar sal-lum tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari numru 5152.