Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il membru kellha Heritage Malta fis-sena 2013 u 2014? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-memberships tqassmu b’xejn u x’kienet ir-raġuni għaliex dawn tqassmu b’xejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li fl-2013 Heritage Malta kellha 739 membri ġodda, li minnhom 153- il memberships ingħataw b’xejn, filwaqt li fl-2014 kien hemm 675 membri ġodda li minnhom 163 ingħataw b’xejn. Fis-sentejn imsemmija s-sħubija ngħatat mingħajr ħlas lill-istaff akkademiku, studenti, donaturi, voluntiera, sponsors, staff ta’ Heritage Malta li jkun irtira, u oħrajn li b’xi mod kienu qed jikkollaboraw u/jew joffru s-servizzi tagħhom lill-Agenzija. Irrid ngħid illi fl-2011 kien hemm 820 sħubija ġdida, li minnhom 171 ingħataw mingħajr ħlas Fl-2012 kien hemm 650 sħubija ġdida, li minnhom 165 ingħataw mingħajr ħlas.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – container fil-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’użu għandu container ta’ 40 pied li hemm abbandunat fl-inħawi tal-parkeġġ ta’ Triq il-Port Ruman f’San Pawl il-Baħar? Ta’ min hu dan il-container? Minn min tpoġġa hemm? X’użu għandu dan l-istess container?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-imsemmi container ta’ 40 pied li jinsab fl-inħawi tal-parkeġġ ta’ Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar, sa nhar it-23 ta’ April 2015 kien jintuza’ sabiex fih jitpoġġa l-kartun li jinġabar mill-istabbilimenti kummerċjali tal-lokalità sabiex imur għar-riċiklaġġ għal Green MT. Il-container huwa propjetà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Ħal Qormi – Triq tal-Bajjada – tindif, qtugħ ta’ ħaxix u xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir tindif, qtugħ ta’ ħaxix u x-xogħlijiet meħtieġa fuq il-bankini fi Triq tal-Bajjada f’Ħal Qormi peress li jinsabu fi stat ħażin b’inkonvenjent u periklu għar-residenti ta’ din it-triq u tal-madwar?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li ma hemm l-ebda telqa fit-toroq msemmija. Il-kundizzjoni tat-triq u l-bankini li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali jinsabu fi stat aċċettabbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ritratti li bgħat il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li juru dan. Intant, fir-rigward ta’ qtugħ ta’ ħaxix dan sar ftit tal-jiem ilu. L-unika parti li tinsab f’telqa hija art privata.

Forti Sant’ Iermu – strutturi ta’ żmien l-Ingliżi — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Heritage Malta għandha l-ħsieb li tibda r-restawr fuq l-istrutturi ta’ żmien l-Ingliżi li hemm fid-daħla ta’ Forti Sant’ Iermu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-istrutturi msemmija ma kienux parti mill-proġett ko-finanzjat mill-ERDF. Ninsab infurmat ukoll li xogħol fuqhom ikun jista’ jibda fil-mument opportun skont kif jippermettu l-prijoritajiet tal-aġenzija.

Katakombi tas-Salini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex il-ħsieb li l-Katakombi tas-Salini jinfetħu għall-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-Katakombi tas-Salini, bħal numru ta’ siti oħra, huma aċċessibbli għall-pubbliku b’appuntament minn qabel.

Heritage Malta – statwa tal-mara r-rieqda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex il-ħsieb li l-istatwa tal-mara r-rieqda (sleeping lady) titteħidx lura għall-wiri fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni ladarba jispiċċa x-xogħol fuq l-istess sit?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-istatwa tal-mara r-rieqda qatt ma kienet għall-wiri fl-Ipoġew, izda dejjem fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Ninsab infurmat li ser tibqa eżibita għall-pubbliku f’dan il-Mużew flimkien mal-iżjed artefatti importanti tal-preistorja Maltija.

Tas-Silġ – skavi – rapporti arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ppublikati r-rapporti arkeoloġiċi relatati mal-iskavi f’Tas-Silġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Preżentement hemm żewġ pubblikazzjoniet arkeoloġiċi dwar skavi li saru fis-sit ta’ Tas-Silġ, ġewwa Marsaxlokk. L-ewwel pubblikazzjoni hija dik tal-Universita ta’ Malta, u titratta dwar l-iskavi li għamlet ġewwa tas-Silġ mill-1996 sal-2005. Dan l-istudju għadu kif ġie ppubblikat iktar kmieni dan ix-xahar. It-tieni pubblikazzjoni hija dik tal- Missione Archeologica Italiana a Malta , u titratta ir-riżultati tax-xogħol li sar minn din l-entita ġewwa Tas-Silġ bejn l-1998 u 2011. Din il-pubblikazzjoni hija f’stadju avanzat u għandha toħroġ fl-2016.

Katakombi ta’ San Pawl, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji ta’ Ħal-Tarxien, il-banjijiet Rumani – rapporti arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu ppubblikati r-rapporti arkeoloġiċi relatati mal-iskavi riċenti li saru fil-katakombi ta’ San Pawl, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji ta’ Ħal-Tarxien kif ukoll fil-banjijiet Rumani ġewwa Għajn Tuffieħa?

Response (BONNICI, OWEN)

L-erba’ proġetti msemmija fil-mistoqsija parlamentari għadhom mhux kompluti, u għaldaqstant l-investigazzjonji u s-sorveljanza arkeoloġika fuq dawn l-erbgħa siti għadha għaddeja. L-investigazzjonijiet fuq dawn is-siti qed isiru b’kollaborazzjoni bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Heritage Malta. Meta jitlestew dawn il-proġetti ikun jista jibda ix-xogħol ta’ analiżi tar-riżultati miġbura waqt l-investigazzjoniet arkeoloġiċi. Dan ix-xogħol preparatorju huwa mistenni li jieħu tliet snin biex ikun jista’ jiġi ippublikat.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex iżuru Ħaġar Qim u l-Imnajdra l-Qrendi tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemm żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 113,885 persuna li żaru Ħaġar Qim u 80,123 persuna li żaru l-Imnajdra l-Qrendi bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org. Matul l-istess sena kien hemm 35 zjara organizzata minn tfal tal-iskola. B’kollox attendew 836 student tal-iskejjel primarji u 488 ohra minn skejjel sekondarji.

Ir-Rabat Malta – Katakombi ta’ San Pawl — viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw il-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat Malta tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemm żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 50,575 persuna li żaru l-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat Malta bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org. Matul l-istess sena kien hemm 54 żjara organizzata minn tfal tal-iskola. B’kollox attendew 908 student tal-iskejjel primarji u 147 oħra minn skejjel sekondarji.

L-Imġarr Malta – Ta’ Skorba –viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw Ta’ Skorba l-Imġarr tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemm żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 735 persuna li żaru Ta’ Skorba l-Imġarr bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org. Matul l-istess sena ma kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola f’dan is-sit.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ingaġġ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

L-individwu msemmi onora lill-Gvern meta kien aċċetta li jservi bħala wieħed mill-membri tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja. Il-ħlas ta’ dawn il-membri distinti tal-professjoni legali kien ġie reż pubbliku b’mod immedjat mal-ħatra tagħhom. Huwa onora l-Gvern wkoll meta aċetta li jservi bħala wieħed mill-membri tal-Kummissjoni għal Liġijiet li taqdi l-funzjonijiet indikati fil-Liġi. Bħala membru fuq il-Kummissjoni għal Ligijiet l-individwu indikat tħallas pagament wieħed ta’ ammont nett ta’ Ewro 2,400 li jkopri l-perjodu li għalaq fil-31 ta’ Mejju, 2015.

Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali — ingaġġ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru, f’isem is-Segretarju Parlamentari jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ebda Dipartiment, Direttorat u Entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Segretarjat Parlamentari għal Gvern Lokali ma ngaġġax taħt l-ebda kariga lill-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw fil-Mistoqsija Parlamentari

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni? Kemm daħlu każijiet fis-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-preżent hemm 8 każi pendenti quddiem il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni. Matul is-sena 2013 daħlu 3 każi ġodda waqt li matul is-sena 2014 daħal każ wieħed. Il-Kummissjoni qed tikkonsidra wkoll l-e-mails li kienu indirizzati lis-Segretarju matul is-sena 2013 (45) u 2014 (21) li fiha korrispondent jew korrispondenti jkunu għamlu xi allegazzjoni ta' korruzzjoni jew xi ilment.

Heritage Malta — blogs

Question

B’referenza għall-blog ferm interessanti u professjonali li Heritage Malta qed itella’ dwar l-Assedju l-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-istess Aġenzija mhux qed tagħti għarfien lill-persuna/i li qed jirriċċerkaw dan il-materjal? Jista’ jgħid għaliex l-isem tar-riċerkatur/i mhu qed jidher imkien? Jista’ jgħid min qed jikteb dawn l-artikoli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-interpretazzjoni li tiġi pprezentata lill-pubbliku tkun sforz kollettiv minn numru ta’ nies u għalhekk, kif isir f’każijiet simili, jingħata kreditu ġenerali lil Heritage Malta u mhux lill-individwu/i partikolari.

Heritage Malta — direct order fuq restawr tal-metall

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li Heritage Malta ħarġet direct order għar-restawr fuq xi artifatti tal-metal f’Sant’Iermu u Sant’Anġlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal kanuni storiċi fil-kollezzjoni ta’ Heritage Malta. Ninsab infurmat li dan sar għal raġunijiet tekniċi skont il-proċeduri stabbiliti u r-regolamenti tal-public procurement.

Birżebbuġa – Għar Dalam — viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw Għar Dalam f’Birżebbuġa tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm marru? Kemm kienu ż-żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 36,375 persuna li żaru Għar Dalam f’Birżebbuġa bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org. Matul l-istess sena kien hemm 46 żjara organizzata minn tfal tal-iskola. B’kollox attendew 1,211 student minn skejjel primarji u 311 oħra minn skejjel sekondarji.

Ir-Rabat Malta – Domus Romana — viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw id-Domus Romana fir-Rabat Malta tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat ta’ tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kienu ż-żjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 29,169 persuni li żaru d- Domvs Romana fir-Rabat Malta bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org. Matul l-istess sena kien hemm 23 żjara organizzata minn tfal tal-iskola. B’kollox attendew 678 student tal-iskejjel primarji u 59 oħra minn skejjel sekondarji.

Forti Sant’Iermu – Mużew tal-Gwerra — viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il viżitatur żar il-Mużew tal-Gwerra l-ġdid fil-Forti Sant’Iermu minn mindu infetaħ s’issa? Jista’ jgħid kemm-il viżitatur daħal fl-ewwel open day li ġiet organizzata f’dan is-sit?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mid-9 ta’ Mejju sat-30 ta’ Ġunju 2015 kien hemm 15,801-il persuna li daħlu fil-Mużew tal-Gwerra fil-Forti Sant’Iermu. Kif ġie rrapurtat fuq il-mezzi tax-xandir, kien hemm madwar 9,500 ruħ li żaru l-Forti fl-open day tal-10 ta’ Mejju filwaqt li kien hemm 6,301 li żaru l-mużew fi ġranet oħrajn.

Heritage Malta – external posts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-external posts relatati ma’ Heritage Mata mhux qed ikun hemm link għalihom fis-sit elettroniku tal-Aġenzija? Jista’ jassigura li meta joħorġu tali posts, id-Dipartiment tal-Human Resources jibgħat kopja bil-posta elettronika ta’ kif ikun se jidher ir-reklam fil-ġurnal lil kull impjegat ta’ Heritage Malta bħalma kien issir sa sena u nofs ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-aħħar darba li dawn il-posts dehru kien fi Frar 2014 u qabel din id-data,f’ Awwissu 2012. Ninsab infurmat li Heritage Malta se tieħu l-passi sabiex avvizi dwar external posts, li ilhom ma jiġu rriklamati b’dan il-mod għal numru ta’ snin, ikunu inklużi fil-website tal-Aġenzija.