Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19717 u jgħid kemm kien il-vot allokat għall-kunċett Eko Għawdex għas-snin 2012, 2013, 2014 u 2015 rispettivament?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-allokazzjoni fil-vot Kapitali għall-kunċett Eko Għawdex kienet ta’ €4,000,000 fis-sena 2012; €2,000,000 fi-sena 2013; €1,410,000 fis-sena 2014 u €1,200,000 fis-sena 2015.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19722 jgħid f'termini ta' kilometri, kemm toroq ingħataw wiċċ ġdid ta' tarmak mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2015? Jista' jelenka lista ta' toroq involuti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill l-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Fil-frattemp nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru diversi xogħolijiet ta' asfaltar mifruxa madwar il-lokalitajiet kollha ta' Għawdex. Dawn jinkludu l-Fontana, n-Nadur, r-Rabat, Għajnsielem, Sannat, Xagħra, Għarb, San Lawrenz, Qala, Rabat u Xewkija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19951 u ċjoe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19719, fejn il-Ministru ġie mistoqsi jgħid kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq il-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, fejn fit-tweġiba ngħad li l-ispiża fuq il-Bord tal-Gozo Channel fl-2010, 2011 u 2012 kienet ta' €272,454.87 u li fl-2012 biss l-ispiża kienet ta' €51,714.82, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawn l-ispejjeż imsemmija fit-tweġiba? Jista' jgħid kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet (ħlasijiet lill-membri tal-Bord) fuq il-Bord tal-Gozo Channel għas-snin 2012, 2013 u 2014, kif fil-fatt ġie mitlub fil-mistoqsija oriġinali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li dawn l-ispejjeż jinkludu d-dħul kollu ta’ kull membru tal-bord, liema nformazzjoni nġabret mid-dokumenti tal-FS3 ta’ kull individwu.
L-ispiża tal-ħatriet (ħlasijiet lill-membri tal-Bord), fuq il-Bord tal-Gozo Channel kienu ta’ €51,714.82 fis-sena 2012, ta’ €41,614.97 fis-sena 2013 u ta’ €48,686.15 fis-sena 2014.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19952 u ċjoè: B'referenza għal-laqgħa mis-sensiela "Gvern li Jisma’", li saret fit-23 ta' Ġunju 2015, fejn intqal li "sa nofs din il-leġiżlatura l-Gvern diġà nvesta €14-il miljun fi proġetti infrastrutturali u xogħlijiet li qed isiru fuq diversi toroq fosthom l-asfaltar ta' 10 kilometri bejn il-Qala u Ta' Ċenċ u sitt kilometri oħra minn fondi nazzjonali" jista' l-Ministru jelenka dawn il-proġetti infrastrutturali u jgħid kemm kien investit fuq kull proġett li fuqhom qed jingħad li ġie investit total ta' €14-il miljun? Jista' jgħid kemm tlestew mill-10 kilometri mit-triq bejn il-Qala u Ta' Ċenċ? Jista' jgħid liema huma t-toroq li fihom qed jingħad li ngħataw sitt kilometri ta' asfaltar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li saru diversi xogħolijiet ta' asfaltar mifruxa madwar il-lokalitajiet kollha ta' Għawdex. Dawn jinkludu l-Fontana, n-Nadur, r-Rabat, Għajnsielem, Sannat, Xagħra, Għarb, San Lawrenz, Qala, Rabat u Xewkija.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkun lest il-park fil-Qortin tax-Xagħra li hu ppjanat li jsir fuq il-post fejn qabel kien hemm il-miżbla? Fejn waslu x-xogħlijiet fuq dan il-park? Liema xogħlijiet jonqos u meta hu mistenni li jibda jintuża mill-pubbliku?
Ir-Rabat (Għawdex) – Pjazza San Franġisk – servizz ta’ librerija pubblika
Question
B’referenza għall-ittra lill-editur li dehret fil-gazzetta “In-Nazzjon” tat-13 ta’ Jannar 2016 (paġna 11) fejn ġie allegat li impjegat fil-librerija pubblika f’ Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex iżżufjetta b’persuna bi bżonnijiet speċjali waqt li dan kien qed jieħu servizz, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu biex jiġi iddentifikat l-impjegat in kwistjoni u jekk ittieħdux passi kontrih kif ukoll x’passi ttieħdu biex dan l-allegat aġir ma jerġax jiġri?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru l-verifiki opportuni, nstab li din l-ittra anonima kienet waħda bla bażi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21592 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-espressjoni ta’ interess biex tinbena pixxina ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux ser jiffinanzja xi parti minn din il-pixxina u jekk le, allura l-privat kif ser idaħħal lura l-investiment li ser jagħmel? Jista’ jgħid kemm-il siegħa fil-ġimgħa din il-pixxina ser tkun tista’ tintuża mill-Għawdxin b’xejn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull kumment huwa superfluwu sakemm jagħlaq il-perjodu tar-Request for Proposals. Aktar informazzjoni tingħata 'il quddiem.
Ngħarraf lil Onorevoli Interpellant ukoll, illi dan il-Ministeru se jagħmel dak kollu possibli biex dil-Pixxina ssir realta' u b'hekk inwettqu dak li Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem wegħdu u qatt ma wettqu.
Jista' l-Ministru jgħid min ġie magħżul biex jagħti pariri legali u pariri oħra lill-Ministeru tiegħu fuq il-PSO li l-kumpanija Gozo Channel għandha mal-Gvern? Kif intgħażlu? Xi tħallsu s'issa? Lestew ix-xogħol tagħhom u jekk le meta hu mistenni jkun lest? X'kienu l-pariri li ngħata l-Ministeru għal Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda konsulenti ma ġew appuntanti minnu biex jagħtu pariri lil Ministeru ta' Għawdex dwar il- PSO tal-Gozo Channel.
Għawdex – Yacht Marina u Cruise Liner Terminal — konsorzju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi magħżul il-konsorzju li se jibni l-yacht marina u l-cruise liner terminal f’Għawdex? Meta hu mistenni jibda x-xogħol u meta hu mistenni li dan il-proġett jibda jilqa’ fih l-ewwel yacht u l-ewwel cruise liner?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess miexi u qiegħed quddiem il-Pivatision Unit.
Ix-Xagħra Għawdex – xogħlijiet fuq il-miżbla tal-Qortin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol biex dik li kienet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex tiġi konvertità f’park tal-familja ma tkompliex, issa li din il-miżbla ilha aktar minn seba’ snin li ngħalqet? Meta hu maħsub li jitkompla dan ix-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-Mistoqsija lil Ministeru kkoncernat.
Jista’ l-Ministru jgħid hux se jkun hemm varjazzjonijiet mill-baġit oriġinali li kien maħsub li jintefaq fuq il-proġett taċ-Ċittadella f’Għawdex? Kemm hu maħsub li se jkunu dawn il-varjazzjonijiet u kemm minnhom se jitħallsu minn fondi nazzjonali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea disponibbli għall-proġett taċ-Cittadella jammonta għal €11,669,586. Sal-aħħar tas-sena 2015, minnhom intefqet is-somma ta’ €10,537,015.13 li jammontaw għal 90.3% tal-fondi allokati. Kif jaf l-onorevoli interpellant, waqt it-twettiq tax-xoghol instabu numru konsiderevoli ta’ fdalijiet arkeoloġiċi li rriżultaw f’diversi tibdiliet fil-proġett biex dawn setgħu jiġu priservati u integrati fil-proġett. Bħalissa qegħdha issir evalwazzjoni tax-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru mill-fondi Nazzjonali biex dan il-proġett jiġi konkluż.
Ministeru għall-Għawdex – għoti ta’ kuntratti lil individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew lill-uffiċċju legali tiegħu, mill -entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li fil-perjodu imsemmi, il-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ma għamlux użu mix-xogħol jew servizzi tal-individwu msemmi jew tal-uffiċċju legali tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid il-proprjetà li hemm fuq l-għassa ta' Marsalforn f'Għawdex fiex tikkonsisti? Jista' jgħid issa li se jieħu din il-proprjetà mingħand il-Kunsill taż-Żebbuġ għaliex se tintuża? Jista' jgħid jekk infurmaw lill-kunsill bid-deċiżjoni tiegħu li jieħu din il-proprjetà f'idejn il-Ministeru għal Għawdex? Il-Kunsill taż-Żebbuġ se jkun involut f'dak li se jsir b'din il-proprjetà?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx x’inżidu mar-risposta 21518.
Jista’ l-Ministru jgħid minn huma dawk il-professjonisti li għandhom priority pass biex jitilgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jista’ jgħid x’inhu l-kriterju li jintuża mill-kumpanija biex tagħti dan il-priority pass lil dawn il-professjonisti? Din is-sistema għadha tintuża sal-lum u jekk iva jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-kriterji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet 21602 u 21603. M’hemmx x’inżidu.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mal-plot li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ilu diversi xhur li nbeda x-xogħol fuq bankina però dan ma tkompliex? Meta hu maħsub li jitkompla dan ix-xogħol fuq din il-bankina?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bankina msemmija qiegħda fil-lista tax-xogħlijiet ippjanati.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet tal-Appell, taħt kwalsiasi isem jew titolu, li jinsabu fid-dekasteru tiegħu u b’liema liġi hu mwaqqaf kull Bord jew Tribunal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma għandu ebda Bordijiet ta’ l-Appell jew Tribunal li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Gozo Sports Board? Min għażel dawn in-nies u f’liema data ntgħażlu? Kemm jgħaddi flus dirett lill-Gozo Sports Board il-Ministeru għal Għawdex kull sena? Kemm hemm ħaddiema sekondati ma’ dan il-bord min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex u kemm jiswew dawn il-ħaddiema kull sena lill-Ministeru għal Għawdex? X’inhu x-xogħol ta’ kull ħaddiem li hemm mal-Gozo Sports Board?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Sports Board hu kompost kif muri hawn taħt. L-uffiċċjali tal-Bord ġew magħżula mill-laqgħa ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2013 u l-membri jiġu magħżula mill-kumitati rispettivi tagħhom. L-ammont ta’ €49,000 jgħaddu dirett lill-Gozo Sports Board mill-Ministeru għal Għawdex kull sena. Hemm ħaddiem wieħed sekondat ma’ dan il-bord min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex u dan jiswa €18,810 (skala 11) kull sena lill-Ministeru għal Għawdex. Ix-xogħol ta’ kull ħaddiem li hemm mal-Gozo Sports Board hu kif ġej:
· Kap Eżekuttiv
· PA tal-Kap Eżekuttiv (fuq bażi partime)
· Ħaddiem - Koordinatur mal-għaqdiet Sportivi
· Żewg ħaddiema - Skola Sport u attivitajiet
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull direct order, kienet ta’ liema valur kienet, li ta kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, matul is-sena 2015? Jista’ jgħid f’kull każ x’inxtara jew x’servizz ingħata, kif ukoll il-valur u min ġie mħallas?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Triq Għajn Qasab fin-Nadur - dik il-parti li tibda minn ma’ Triq Ramla sa ħdejn il-Playing Field tan-Nadur? Jista' jgħid minn ingħata l-kuntratt biex jagħmel dan ix-xogħol u fiex se jkun jikkonsisti x-xogħol? Jista' jgħid kemm se jkun il-valur tax-xogħol li se jsir?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proess biex tinħareġ is-sejħa u x-xogħlijiet huma mistennija li jkunu lesti sa nofs din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li ċ-Child Care Centre li nbena fiż-żona industrijali tax-Xewkija jibda jopera? Meta hu mistenni jibda jopera, minn min ser jitħaddem u kemm hu mistenni li jilqa’ tfal fih?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.