Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni valida għaliex iċ-ċittadin ma jgawdix mill-faċilitajiet li għandhom l-avukati u n-nutara li jottjenu u jħallsu għal ċertifikati ta' tfittxija, eċċ. fid-dipartiment tar-reġistru pubbliku? Jistgħu tali faċilitajiet jiġu estiżi biex jonqos l-inkonvenjent li għandu l-pubbliku preżentement u b'hekk it-taxpayer jieħu servizz aħjar? Meta hu mistenni li tali dokumenti jkunu jisrtgħu jingħataw u jitħallsu direttament fuq is-servizz ta' l-e-gov?
Response (BORG, TONIO)
Nifhem li l-Onor. Interpellant b'"ċertifikat tat-tfittxija" qiegħed jirreferi għar-riċerki uffiċjali u ċertifikati tat-testamenti pubbliċi li jinħarġu mir-Reġistru Pubbliku. L-ordni u l-ħlas għal dawn ir-riċerki u ċertifikati jistgħu jsiru minn kulħadd li jfisser li l-pubbliku għandu l-faċilitajiet li jordna dawn ir-riċerki u ċertifikati.
Hija policy tal-Gvern li d-Dipartimenti jagħtu servizzi on-line inkluż il-ħlas għalihom. Fil-fatt fil-bidu tas-sena 2003 din is-sistema diġa' ġiet introdotta b'suċċess fis-Sezzjoni ta' l-Istat Ċivili ta' l-istess dipartiment fejn ċertifikati tat-twelid, żwieġ u mewt jistgħu jiġu ordnati u mħallsa on-line billi jintuża l-internet address: www.ċertifikati.gov.mt. Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant li l-ordni u l-ħlas ta' riċerki uffiċjali u ċertifikati tat-testmenti jingħataw on-line se jiġi kkonsidrat.
Attard — Triq Ferdinandu Inglott - Sinjali tat-Traffiku
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6378, jista' il-Viċi Prim Ministru jiżgura li jkun hemm sorveljanza tal-pulizija f'dawn l-inħawi, issa li bdiet l-iskola u diversi ġenituri b'vetturi għal darba oħra mhumiex jobdu s-sinjali tat-traffiku b'konsegwenza li jpoġġu l-ħajja ta' oħrajn f'riskju?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ngħid, kull meta l-eżiġenzi tas-servizz jippermettu, il-Pulizija jattendu fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-regolamenti dwar tipjip f'bars u restaurants japplikawx ukoll għal bars li jifformaw parti integrali minn każini sportivi, soċjali jew politiċi?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex żewġ motoċikletti, wieħed minnhom b'teddy bear fuqu u li ma jintużawx u li qed jokkupaw spazju ta' karozza, ma tneħħewx la mill-pulizija u lanqas mill-gwardjani lokali meta ilhom ipparkjati hekk ġo Ta' Xbiex Seafront, Imsida, għal aktar minn sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi ż-żewġ muturi msemmija mill-Onor. Interpellant huma liċenzjati skond il-liġi sabiex jintużaw fit-triq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kunsilli li spiċċaw is-sena finanzjarja b'deficit is-sena l-oħra? Liema huma u kemm kien id-deficit?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali li spiċċaw is-sena finanzjarja 2003 – 2004 b’deficit fil-working capital tagħhom kienu sebgħa. Dawn kienu:
Kunsill Deficit
Birgu Lm 6, 727
Rabat (Għawdex) Lm 12, 605
Għasri Lm 1, 518
Pembroke Lm 5, 416
San Pawl il-Baħar Lm 10, 761
Swieqi Lm 14, 342
Xewkija Lm 2, 254
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-kriterju wżat mill-ministeru jew l-aġenziji tiegħu, jew fund apposta sabiex bniedem li jiġi aggredit waqt ix-xogħol tiegħu in konnessjoni ma' l-istess, jiġi debitament ikkumpensat?
Response (BORG, TONIO)
Ma jeżisti l-ebda fond apposta sabiex bniedem li jiġi aggredit waqt ix-xogħol tiegħu, in konnessjoni ma’ l-istess, jiġi debitament ikkompensat.
Min jiġi aggredit għandu, apparti l-proċeduri kriminali, id-dritt li jfittex lill-aggressuri tiegħu quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont dovut ta' ċitazzjonijiet tat-traffiku għal karozzi li huma wżati minn impjegati tal-gvern? X'passi qiegħed jieħu l-ministeru biex dawn il-multi jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. It-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kumpanniji liċenzjati f'Malta li joffru servizz ta' sigurta'? Kemm hawn gwardjani liċenzjati biex joffru dan is-servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi fil-preżent hawn 14-il aġenzija liċenzjata sabiex tipprovdi xi servizzi ta' gwardjani privati skond l-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389), filwaqt li hawn 886 persuna li għandhom liċenzja ta' gwardjan privat skond l-istess Att.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-gvern milli jagħti l-kumpens lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsb infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kienet qiegħda tokkupa din il-proprjeta’ tal-Gvern b’ titolu ta’ encroachment, u għal daqstant ma hemm ebda kumpens dovut lilha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' persuni li tressqu fuq reati konnessi ma' prostituzzjoni sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena, tressqu quddiem il-Qorti 60 persuna, uħud minnhom diversi drabi, fuq reati konnessi ma' prostituzzjoni.
Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' appelli li saru lill-Immigration Appeals Board, imwaqqaf taħt l-Att ta' l-Immigrazzjoni, minn immigranti li kien deċiż mill-Principal Immigration Officer li jkunu deportati? X'kien l-eżitu ta' dawn l-appelli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' appelli li ġew deċiżi mill-Immigration Appeals Board taħt l-Att tal-Immigrazzjoni, kien ta' ħdax. L-ebda wieħed minn dawn l-appelli ma ġie milqugħ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-pulizija li qegħdin għassa mal-klandestini f'Ħal Far mhumiex jitħallsu overtime?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li jagħmlu għassa fiċ-ċentri ta' Immigrazzjoni li jaħdmu fuq shift ta' 12, 12, off (day, night rest), liema shift ilu jeżisti fil-Korp tal-Pulizija. Kull meta jkun meħtieġ li jinħadmu sigħat aktar minn dan is-shift, dawn jiġu ikkumpensati bħala sahra. Dan is-shift jinħadem ukoll f'sezzjonijiet oħra tal-Korp. Infurmat ukoll illi l-membri tal-Korp li jaħdmu f'dawn iċ-ċentri, jiġu mibdula kull 4 ġimgħat.
Translation and Law Drafting Unit — Xogħol lil ditti/kumpanniji privati
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħata xogħol mit-Translation and Law Drafting Unit tal-gvern lil ditti jew kumpanniji privati? Min kienu d-ditti jew kumpanniji privati? Jista' jagħti d-dettalji dwar kemm tħallsu mill-ġurnata meta bdiet taħdem din it-taqsima? Kif intgħażlu dawn id-ditti jew kumpanniji privati?
Response (BORG, TONIO)
Ix-xogħol kollu ta’ traduzzjoni/reviżjoni tat-Translation and Lawdrafting Unit konness ma’ l-Acquis Communitaire ingħata lil ditti/kumpaniji privati/individwi, kollu fuq bażi part-time. Id-ditti jew kumpaniji privati (barra mill-individwi) li ħadu dan ix-xogħol mill-2001, jiġifieri minn mindu twaqqaf il-Unit, kienu:
· CDF Advocates
· Euris Consult
· Global Translations Solutions
It-traditturi kollha intagħżlu bejn Ġunju u Diċembru ta’ l-2001 wara li kienu ngħataw kampjun ta’ leġislazzjoni Ewropea għal traduzzjoni u dawn it-traduzzjonijiet kienu ġew eżaminati minn panel kompost mill-Imħallef V. Caruana Colombo u l-Prokoratur Legal Victor Cauchi mill-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali. Naturalment fil-każ ta’ ditti/kumpaniji privati kienu l-individwi inkarigati li għamlu dan ix-xogħol ta’ traduzzjoni.
Ninsab infurmat illi minn mindu din it-Taqsima saret tagħmel parti mid-Dekasteru tal-Ġustizzja u l-Intern, il-pagamenti li saru kienu kif ġej:
2003
Lm
2004
Lm*
CDF Advocates
10,867.50
11,325.18
Euris Consult Ltd
7,767.68
53,898.89
Global Translations Solutions Ltd
1,279.00
23,153.80
* pagamenti sal-bidu ta’ Awissu.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 6575 u 6944, minkejja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, peress li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi għad-diversi istituzzjonijiet tagħha u cioe' sew għall-Kummissjoni, sew għal First Chamber u sew għal Grand Chamber, bħal tribunali, hemm ħsieb li fil-Qrati Maltin it-tribunali jiġu kkonsidrati bħala qorti u li għandha ssir emenda fil-liġijiet Maltin biex tali tribunali jiġu kkonsidrati wkoll bħala qorti?
Peress li ċittadini li jkollhom kawżi pendenti dwar esproprju ta' proprjeta' li jkunu ilhom snin twal pendenti quddiem Tribunal ta' l-Arbitraġġ biex jingħataw kumpens xieraq, (u fi żmien raġjonevoli) riżultat ta' deċiżjoni bħal dik referita, se jkollhom iressqu l-każ tagħhom għall-konsiderazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, li jinvolvi ħafna spejjeż u dan biex l-istess każ jitressaq quddiem l-istess qorti, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jinstab xi rimedju għal din is-sitwazzjoni? Jista' il-Viċi Prim Ministru jinnota li huwa kontra l-politika tal-Qorti Ewropea li tali kawżi jiġu riferuti fi Strasbourg meta tali każi għandu jingħatalhom smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli fil-Qrati Nazzjonali?
Peress li kien l-istess Avukat Ġenerali li ressaq l-Appell li minnu ħarġet is-sentenza li t-Tribunali mhumiex Qorti, il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jkun xieraq li l-Parlament jieħu inizjattiva u jilleġisla biex il-liġijiet ikunu konformi ma' dawk tat-Tribunali Ewropej?
Response (BORG, TONIO)
Kif ingħad fid-domandi preċedenti l-Avukat Ġenerali ma jidhirlux li hemm il-ħtieġa ta' emenda fuq il-kwistjoni tar-referenza ta' punt kostituzzjonali minn tribunal.
Għar-rigward it-tieni parti tad-domanda l-liġi tagħna diġa' tippreskrivi rimedju kostituzzjonali għad-dewmien fir-rikorsi li jinsabu quddiem kwalunkwe tribunal. Huwa minnu li hemm xi pajjiżi li għażlu toroq oħra ta' rimedji li ma humiex kostituzzjonali għad-dewmien tal-kawżi. Dan qiegħed jiġi eżaminat u studjat.
Għar-rigward it-tielet parti tad-domanda ma jidhirx li hemm il-konflitt li qiegħed jiġi indikat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex meta l-gwardjani tal-ħabs jiġu rrapportati lill-Bord tal-Ħabs, l-istess assistant manager li jressaq dan ir-rapport ikun preżenti fuq l-istess bord waqt id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-konfront tal-gwardjani nvoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li meta uffiċjal jiġi rrapurtat mill-Assistant Manager li qiegħed fuq il-Bord tad-Dixxiplina, dan jastjeni milli jieħu sehem kemm fit-trattazjoni kif ukoll fid-deċiżjoni li tittieħed.
F'każi bħal dawn huwa jaqra biss l-akkuża.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex hemm xi gwardjani fil-ħabs li qed jiġu sfurzati jaħdmu aktar mill-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom permezz ta' l-overtime?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dak l-overtime li jkun neċessarju fil-ħabs, post li għandu esiġenzi partikolari, jitqassam permezz ta' roster. Safejn hu possibli l-uffiċjal jitħalla fil-liberta' jaħdimx dak l-overtime huwa stess jew jagħtih lill-uffiċjal ieħor.
Infakkar l-Onor. Interpellant illi wara kollox l-uffiċjali tal-Ħabs jaħdmu f'korp dixxiplinat.