Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi Soċjali — Abbużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jabbużaw minn xi servizz soċjali u/jew benefiċċju u kemm kien in-numru ta' persuni li abbużaw mid-diversi benefiċċji li hawn? Kemm kien l-ammont ta' flus involut f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20077 f'Seduta 395.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li persuni bla xogħol jibdew jiġu obbligati jagħmlu xi xogħol fil-kommunita' biex ikunu intitolati għall-ħlasijiet ta' benefiċċji soċjali? Meta se tibda titwettaq din l-inizjattiva, jekk hemm il-ħsieb li ssir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sallum, il-Gvern mhux qiegħed jikkunsidra din il-proposta.

Djar — Akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita hemm li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata post diċenti peress li qed tgħix f'miżerja kbira f'kamra bla faċilitajiet sanitarji liema kamra ser taqa' u minkejja li għandha ħafna points (71) u saru diversi inspections baqgħet bla post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qiegħed jiġi kkunsidrat bħal ma' qiegħed isir f'każijiet oħra simili. Irrid ngħid li l-fond indikat la hu proprjeta' tal-Gvern u lanqas rekwiżizzjonat.

Djar — Akkomadazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita' hemm li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li għandha ħafna points, tingħata l-fond li hija indikat fil-Floriana, peress li din il-persuna qed tgħix f'fond mingħajr ebda faċilitajiet sanitarji u dan il-fond qed jaqa' biċċiet u li huwa ta' periklu għaliha u għall-familja tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta d-Dipartiment ikollu f'idejħ post battal jiġu kkunsidrati dawk kollha li jkollhom applikazzjoni pendenti. Ma tingħata ebda preferenza lil min ikun indika xi post partikolari.

Birzebbuga — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk kienx hemm jew hemmx il-ħsieb li ssir Dar ta' l-Anzjani f'sit li jinsab bejn Triq il-Freeport u Triq tal-Papa, B'Buġia? Jekk le, hemm il-ħsieb li ssir x'imkien ieħor f'B'Buġia? Jekk iva, fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li s'issa m'hemm l-ebda ħsieb li l-Gvern jibni Dar ta' l-Anzjani f'Birżebbuġa.

Mistoqsijiet Parlamentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru mistoqsijiet parlamentari s'issa f'din il-legislatura)? Kemm minn dawn saru minn Membri tal-Gvern? Kemm-il-dokument tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'din il-leġislatura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

PQ 21123 Matul din il-leġislatura, sal-lum (14.11.00) saru 21,246 mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali u 210 mistoqsija parlamentari għal tweġiba bil-miktub. Minn dawn saru 2,745 minn Membri tal-Gvern. Sallum, f'din il-leġislatura tqiegħdu 2,865 dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.

Drittijiet tal-Bniedem — Surveillance Camera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sid ta' fabbrika jistax jagħmel surveillance camera fuq il-post tax-xogħol bl-iskop li jkun jaf il-ħin kollu ċ-ċaqliq tal-ħaddiema? Jista' dan il-fatt jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jista' jkun hemm diversi raġunijiet għaliex employer jiddeċiedi li jagħmel sistema ta' closed-circuit monitoring, uħud minnhom anke biex jissalvagwardjaw aspetti ta' saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, it-Tweġiba għal din il-Mistoqsija ma tistax tingħata għaliex kull każ jista jvarja minn ieħor.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħat separatament tistax tiġi kkunsidrata għal għajnuna soċjali minħabba l-problemi ta' depression li tbati minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Djar — Xiri ta' dar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li applikat sabiex tixtri r-residenza tagħha u anke għamlet il-konvenju sitt xhur ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li jumejn wara li l-pesuna ndikata mill-Onor. Interpellant iffirmat il-konvenju, l-Awtorita' tad-Djar talbet lid-Dipartiment ikkonċernat għall-informazzjoni dwar il-provenjenza ta' l-art li fuqha hu mibni l-post in kwistjoni biex ikun jista' jsir il-kuntratt. L-Awtorita' tad-Djar għadha tistenna li tirċievi l-informazzjoni mitluba.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi kkonsidrata mill-aktar fis l-applikazzjoni għall-apparat mat-telephone għal min huwa nieqes mis-smiegħ ta' koppja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-urġenza tal-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu provdut mit-Taqsima TAFDA tal-Maltacom, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Djar — Ta' Xbiex

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk hemmx ħsara ġewwa l-flat tal-gvern, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, billi l-art qed tirbombja ħafna u hemm ħafna umdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Xiri ta' dar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li tħajret tixtri d-dar li għandha mikrija lilha hijiexqed tintalab prezz tajjeb peress li l-prezz huwa ferm differenti minn dak li qed jintalab ħaddieħor? Il-persuna hija pensjonanta.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-fond indikat mill-Onor. Interpellant ġie evalwat minn perit imqabbad mill-Awtorita' tad-Djar. Ninsab infurmat ukoll li l-inkwilin, li jikkwalifika għal 50% bħala sussidju fuq l-ewwel Lm15,000 tal-valur tal-fond skond l-iskema relattiva, ġie mogħti appuntament għas-17 ta' Novembru 2000 biex jiffirma l-kuntratt.

Djar — Periti

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinforma lil Kamra kemm hemm impjegati bħala periti fuq full jew part time basis ma' l-Awtorita' tad-Djar, x'inhu r-remuneration ta' l-istess? X'ħin huma l-working hours tagħhom? U meta dawn jiltaqgħu man-nies fuq problemi relativi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għandha żewġ periti mpjegati magħha; wieħed fuq bażi part-time u ieħor fuq reducd hours. Wieħed jaħdem madwar 25 siegħa fil-ġimgħa u jitħallas b'rata ta' Lm4 fis-siegħa u l-ieħor jaħdem 30 siegħa fil-ġimgħa u jitħallas Lm5,000 fis-sena. Dawn il-periti jaraw lill-pubbliku bl-appuntament skond il-bżonn.

SVPR — Infermiera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex nurses S.N.U.E.N li jaħdmu part-time ġewwa S.V.P.R u li kienu jidħlu fil-Ħdud bħala xogħol twaqqfu ħesrem milli jagħmlu dan biex flokhom qiegħdin jidħlu nurses minn dipartimenti oħra? Jista' l-Ministru jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħataw l-ebda ordnijiet biex infermiera (part-time) jitnaqqsulhom xi siegħat ta' Ħdud jew Festi Pubbliċi fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

B'Buġia — Triq il-Qroll - Garaxxijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fi Triq il-Qroll, f'B'Buġia hemmx xi persuna li ħadet żewġ garaxxijiet? Jista' jgħid jekk dawn ingħatawx b'offerta jew le? Jekk iva, kemm kien hemm persuni li tefgħu l-offerta tagħhom u b'kemm ġew mogħtija? Jista' jgħid il-garaxxijiet li ma kenux abbinati mal-maisonettes saritx xi talba lill-awtorita' jew lid-dipartiment sabiex isir xi żvilupp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'dan il-post l-Awtorita' tad-Djar ħarġet żewġ garaxxijiet għall-bejgħ b'offerti. Għall-garaxx minnhom irċeviet erba' offerti u l-għola offerta kienet ta' Lm6,800.28 u għall-ieħor kien hemm offerta waħda li kienet Lm9,100. L-istess persuna kienet l-ogħla offerent f'żewġ każi u għalhekk ġew allokati lilu. Fil-fatt saru l-kuntratti tat-trasferiment favur din il-persuna. L-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda talba għall-iżvilupp f'dawn ż-żewġ garaxxijiet.

Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sal-lum saru spezzjonijiet fi djar ta' dawk il-persuni li qegħdin japplikaw għall-akkomodazzjoni alternattiva? Kemm fadal minn dawn l-ispezzjonijiet? X'kien ir-riżultat ta' l-ispezzjonijiet li saru s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi kien hemm madwar 3100 spezzjonijiet biex isiru. Dawn qiegħdin isiru in konnessjoni ma' skema ġdida ta' punti. Hu maħsub li l-ispezzjonijiet kollha jsiru sa l-aħħar tas-sena.

Djar — Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jara li ħaddiema tal-gvern jispezzjonaw post li kien sar xogħol fih u li reġa' beda jqattar u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Xiri

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni tal-inkwilini ta' A2, Fl 5, Ta' Xbiex Housing Estate (HA 48/99) biex jixtru l-fond tagħhom għadha pendenti minkejja li l-konvenju relevanti ilu madwar għaxar xhur li sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar u l-inkwilini ta' dan il-fond iffirmaw il-konvenju fit-18 ta' Jannar 2000. L-għada 19 ta' Jannar 2000 l-Awtorita' tad-Djar talbet lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex jgħaddilha l-provenjenza ta' l-art li fuqha hemm mibni dan l-appartament biex tkun tista tiffinaliżża l-kuntratt tat-trasferiment.

Djar — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-djar ta' San Mark, Bormla hemmx ħsieb li jittwaqqgħu? Jekk iva, meta? X'se jsir mir-residenti li preżentament joqgħodu f'dawn id-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif ġa kelli l-opportunita' inwieġeb qabel, id-deċiżjoni jitwaqqgħux jew le jiddependi jekk joħroġx il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Aktar kmieni din is-sena saret applikazzjoni biex id-djar li jinkludu 32-42, Triq San Mark, Bormla jitwaqqgħu. Jekk u meta joħroġ il-permess inkun f'pożizzjoni li nwieġeb it-tieni parti tad-domanda. Biss infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern bħalissa qiegħed jiżviluppa 69 unit fl-inħawi ta' Triq San Ġwann u hemm possibilita' li wieħed minn dawn il-units jintużaw għall-evictees mill-Proġett tat-tielet fażi ta' Triq Sta Liena u li tinkludi d-djar ta' Triq San Mark.