Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7832 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Qali - Permess għal party

Question

Jista' l-Ministru jgħid bl-ismijiet min kienu l-organizzaturi li ngħataw il-permess li jorganizzaw party f'Ta' Qali nhar il-Ħadd 6 ta' Ġunju, 1999?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7583.
Leg 9 PQ #7847 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Qali - Party

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-party li sar f'Ta' Qali nhar il-Ħadd 6 ta' Ġunju, 1999 inqabdux persuni li fil-pussess tagħhom kellhom id-droga? Jekk inqabdu, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta'persuni, x'sustanzi ta' droga kellhom fuqhom u x'inhu l-ammont tad-droga li nqabad?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-party li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-Pulizija żammet sitt persuni fuq suspett ta' pussess ta' droga. Fuq tlieta minnhom instabu drogi. F'din l-operazzjoni ġew elevati 20 pillola ecstasy u tlett biċċiet raża tal-Cannabis.
Leg 9 PQ #7872 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vice squad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Vice Squad se tittrasloka għal post ġdid 'il barra mid-Depot? Sa meta huwa maħsub li jitlesta dan il-proġett?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li l-Victim Support Unit, li tifforma parti mill-Vice Squad tiġi msaħħa u tibda topera mill-bini l-ġdid ta' l-għassa ta' l-Imtarfa.
Leg 9 PQ #7873 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Prison Regulations ta' l-1995

Question

Peress illi l-Prison Regulations ta' l-1995 jipprovdu għall-għoti tal-prison leave lil dawk li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali u mhux sentenzjati sabiex dawn jagħmlu drug rehabilitation programme, kif tinkwadra ruħha d-deċiżjoni riċentissima tad-Direttur tal-Ħabs li mhux se jibqa' jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu għall-prision leave għal dan l-iskop u se jirrikjama lura l-ħabs lil dawk li qed jagħmlu tali programmi jekk dawn ma jingħatawx il-bail mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-artikolu 61 (1) tar-Regolamenti ta' l-1995 dwar il-Ħabs, leave mill-ħabs jista` jingħata mid-Direttur tal-Ħabs, filwaqt li l-artikolu 61 (5) jipprovdi li kull priġunier li jingħata leave taħt l-artikolu 61 jista` jsejjaħ lura l-ħabs f'kull ħin sew jekk il-kundizzjonijiet tal-leave tiegħu ikunu nkissru jew le. F'ċerti każi l-Qorti ma tagħtix il-liberta` proviżorja lill-priġunier iżda tagħmel rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex l-istess priġunier jattendi programm ta' rijabilitazzjoni mid-droga. Minkejja li f'każi bħal dawn il-priġunier ma jkunx ingħata l-liberta` proviżorja, dan jista` jkun qiegħed barra mingħajr ebda sorveljanza għax hekk jitolbu programmi bħal dawn. Barra minnhekk il-perijodu ta' żmien li l-istess priġunier jagħmel fil-programm jitqies daqs li kieku qattgħu fil-Faċilita` u jitnaqqaslu mis-sentenza jekk u meta dan jiġi misjub ħati mill-Qorti. Dan, fl-opinjoni tad-Direttur, jista` jagħti lok għal abbużi u kien għalhekk li ħa deċiżjoni li jirrikjama lura l-ħabs lil dawk il-priġunieri mhux issentenzjati li bħalissa qed jattendu tali programmi. Dawn ġew avżati jagħmlu rikors biex jingħataw il-liberta` proviżorja sabiex ikomplu jattendu l-programm. S'issa għadu ma ssejjaħ ħadd lura l-Ħabs għaliex huwa prudenti li dawn jingħataw żmien raġjonevoli biex jagħmlu tali rikors.
Leg 9 PQ #7908 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Mellieħa - Popeye Village

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-art li fuqha hu mibni Popeye Village fil-Mellieħa minn min hi amministrata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sit li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti huwa mmexxi mill-Anchor Bay Leisure Ltd.
Leg 9 PQ #7937 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Reġistrazzjoni ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li ġew reġistrati din is-sena li kellhom unknown father?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tan-numru ta' tfal li jiġu reġistrati li kellhom 'unknown father'.
Leg 9 PQ #7954 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Proprjeta' Popeye Village

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' titolu fuq il-proprjeta' għandhom l-operaturi preżenti ta' Popeye Village, Anchor Bay?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanti għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3487 irrid inżid li ninsab infurmat li fil-fatt is-sejħa għall-offerti għall-kiri tas-sit ħarġet u tagħlaq fl-1 ta' Lulju 1999.
Leg 9 PQ #8016 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tkeċċew membri mill-Korp tal-Pulizija għax inqabdu jagħmlu atti kriminali f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jgħid kemm membri mill-Korp tal-Pulizija nqabdu jagħmlu atti kriminali f'dawn l-aħħar sitt xhur u ma tkeċċewx? Jekk kien hemm u ma tkeċċewx, għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sitt xhur tkeċċa membru wieħed tal-Korp fiwaqt li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti ħames membri oħra akkużati b'atti kriminali. Il-każ ta' erba` minnhom għadu pendenti quddiem il-Qorti filwaqt li każ ieħor għadu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #8017 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bejjiegħa tal-Monti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tiegħu dwar il-bejjiegħa tal-Monti li jarmaw kull nhar ta' Ħadd barra Bieb il-Belt u fil-foss ta' San Ġakbu meta jsir il-proġett ta' Bieb il-Belt? Veru li dawn se jitneħħew minn hemm? Jekk fl-affermattiv, fejn se jmorru?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1745.
Leg 9 PQ #8063 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Road blocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru road blocks, xahar b'xahar, fis-sena 1998? Jista' jgħid f'liema lokalita' saru, u x'riżultat kellu kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1998 il-Pulizija għamlet dawn ir-roadblocks, f'diversi lokalitajiet madwar Malta kif jidher hawn taħt : - Jannar 260 Lulju 258 Frar 266 Awissu 217 Marzu 315 Settembru 188 April 278 Ottubru 241 Mejju 251 Novembru 233 Ġunju 265 Diċembru 201 Ninsab infurmat ukoll li waqt dawn ir-roadblocks numru ta' persuni nstabu qed jiksru r-regolamenti tat-traffiku, filwaqt li f'żewġ roadblocks instabet id-droga.
Leg 9 PQ #8077 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bini llegali

Question

Wara li l-persuna mill-Gudja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qabad u tella' ħajt madwar plot proprjeta' tal-Joint Officer, tant li l-Planning Authority ħarġet Enforcement Order ECF 97/98 fi Frar 1998, jista' l-Ministru jieħu dawk il-passi neċessarji u jagħti dawk il-provvedimenti opportuni sabiex dan il-ħajt ifittex jitwaqqa'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ħadet passi skond l-Att 1 ta' l-1992 dwar l-Iżvilupp kontra l-okkupant ta' l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kif ukoll kontra l-Joint Office. Fin-nuqqas li dawn jonqsu li jirrimedjaw skond il-liġi, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar tieħu l-passi hi a spejjeż tagħhom. Il-każ huwa ndikat biex tittieħed azzjoni fi żmien qarib.
Leg 9 PQ #8083 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Vjal il-Ħaddiema - Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir investigazzjoni dwar kif inhuwa possibbli li titjieb is-sistema tat-traffiku fi Vjal il-Ħaddiema, ir-Rabat Malta? Peress li ftit tal-jiem ilu ttajjara wkoll tifel minn fuq iz-zebra crossing, jista' l-Ministru jikkonsidra wkoll mal-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiddawwal aktar din it-triq?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #7801 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Immigranti llegali — Deportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' immigranti llegali li bħalissa qed jistennew d-deportazzjoni minn Malta? F'liema postijiet qed jinżammu? X'inhi l-kapaċita' massima ta' dawn il-postijiet ta' kustodja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fid-19 ta' Ġunju, 1999, in-numru ta' barranin li kienu qed jistennew biex jiġu deportati minn Malta kien ta' 61, li minnhom 6 huma nisa. In-nisa qegħdin jinżammu fil-Kumpless ta' Lyster Barracks, filwaqt li l-irġiel qegħdin jinżammu fil-Kumpless ġewwa ta' Kandja. Dawn qegħdin jinżammu f'żewġ dormitorji illi jesgħu 72 post.
Leg 9 PQ #7803 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' l-armi tan-nar

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li hija anomalija li filwaqt li wieħed jista' jkollu licence to keep u licence to carry fil-konfront t'armi tan-nar, dan jista' jkollu biss licence to keep fil-konfront t'air gun, aktar u aktar meta l-isport ta' l-isparar bl-air gun huwa rikonoxxut mill-International Olympic Committee?

Response (BORG, TONIO)

Qed jiġi kkunsidrat li jsiru arranġamenti biex wieħed ikollu liċenzja biex ikun jista` jġorr airgun għal-skopijiet ta' sport fuq ranges approvati.
Leg 9 PQ #7883 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

Bordijiet governattivi — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali taħt il-Ministeru ta' l-Intern hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7896 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Malta Standardisation Authority — Persuna fil-bord ta' l-intervisti

Question

Jikkonferma l-Ministru li persuna li kienet fil-bord ta' l-intervisti għar-reklutaġġ tal-Malta Standardisation Authority spiċċat biex imliet il-vakanza hi? Jidhirlu li dan etikament korrett?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #8050 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Riċerki testamentarji

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet għar-riċerki testamentarji mir-Reġistru Pubbliku mill-1 ta' Jannar, 1996 sa l-aħħar ta' Mejju 1999 sena b'sena u x'kien id-dħul tal-gvern mill-istess talbiet għar-riċerki?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar riċerki testamentarji mir-Reġistru Pubbliku, sena b'sena, bejn Jannar 1996 u l-31 ta' Mejju, 1999, hu kif ġej : - Malta Għawdex ----- ------- Sena Numru ta' Dħul Numru ta' Dħul riċerki riċerki 1996 3,239 Lm4,858.0 16 Lm24 1997 3,439 Lm5,158.50 17 Lm25.50 1998 3,289 Lm8,222.50 5 Lm12.50 1999 * 1,652 Lm4,130.50 xejn xejn * Sal-31 ta Mejju
Leg 9 PQ #8059 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru traffic accidents li ħallew imwiet, sena b'sena mill-1980 sal-lum? Minn fejn kienet kull persuna li tilfet ħajjitha u x'eta' kellha? Jista' l-Ministru jgħid ukoll, f'kull każ, jekk minħabba dawn l-imwiet tressaqx xi ħadd il-qorti mixli bi qtil?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li statisika tmur lura biss sa l-1990 filwaqt li ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija. 22.06.99 Seduta 127
Leg 9 PQ #7773 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Fortizza Sant'Iermu

Question

B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 4059, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx rapport fuq l-istat ta' l-hekk imsejħa Lower St Elmo u jekk ittieħdux passi biex il-post ikun jista' jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma sar ebda rapport reċenti dwar l-istat ta' l-hekk imsejjaħ Lower St. Elmo. B'danakollu huwa magħruf minn kulħadd li l-post huwa fi bżonn kbir ta' restawr. Dan ma jistax jibda qabel ma ttieħed deċiżjoni dwar l-użu futur tiegħu.
Leg 9 PQ #7794 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Programm ta' riabilitazzjoni — Ħlas ta' spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid min iħallas l-ispejjeż - Caritas jew l-Awtoritajiet tal-Ħabs - għall-individwu li jkun bil-prison leave u qed isegwi programm residenzjali ta' riabilitazzjoni fiċ-ċentru ta' San Blas tal-Caritas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond ftehim bejn il-Gvern u Caritas, preżentement il-Gvern iħallas Lm10 kuljum lil din l-Aġenzija għal kull priġunier li jkun qed isegwi programm ta' riabilitazzjoni fiċ-ċentru San Blas. Barra minnhekk il-Gvern qed iħallas lill-Caritas il-pagi ta' ko-ordinatur u erba` day-workers, li jammontaw għal Lm22,200 fis-sena. Fil-futur qarib, il-Gvern irid jibda jħallas lil din l-aġenzija l-pagi ta' żewġ day workers oħra u jipprovdi żewġ Uffiċjali Korrettivi biex jaħdmu fl-Annex ta' San Blas. Dan ifisser li, kull sena, l-Gvern ikun qed iħallas lill-Caritas is-somma ta' Lm37,845 apparti Lm10 kuljum għal kull priġunier li jkun qed isegwi l-programm.