Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Triq Ġdida fi Triq il-Ħelsien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija s-sitwazzjoni llum fir-rigward tal-ftuħ ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien, Qormi, biex din it-triq taqbad ma' Triq Ħammieri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal domanda parlamentari Nru. 2620, jien infurmat li għad irid isir aktar żvilupp biex din it-triq tinfetaħ.

Qormi — Triq il-Ġdida

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2620, re: Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien, Ħal-Qormi, jaf il-Ministru li t-triq imsemmija u li hu qal li hija asfaltata, m'hi asfaltata xejn u li għad fadal ftit xogħol mhux ħażin qabel ma din tkun tista' tissejjaħ triq? Jista' l-Ministru jindika meta dan ix-xogħol se jsir biex meta tagħmel ix-xita r-residenti ma jibqgħux jgħaffġu fl-għadajjar u t-tajn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta` P.Q. Nru. 6272.

Posta Ltd. — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' Posta Ltd. mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi posta tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-amministrazzjoni tal-Maltapost plc taqa` taħt il-Ministeru ta` l-Affarijiet Ekonomiċi. Għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub li jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tal-Liċenzji — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Liċenzji mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jew ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma kien hemm ebda mpjieg ta` ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Liċenzji bejn l-1 ta` Jannar sas-26 ta` April, 1999.

PTA — Impjgati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku f`April kienet impjegata skrivana wara li l-ewwel saret applikazzjoni interna, imbagħad kienu intervistati persuni mibgħuta mill-ETC, u wara, peress li minn dawk li ntbagħtu mill-ETC ma nstab ħadd bl-esperjenza meħtieġa, kien pubblikat avviż fil-ġurnali ta` kuljum fi Frar li għadda. Il-persuna impjegata kienet fost dawk li applikaw wara l-pubblikazzjoni ta`l-avviż fil-Ġurnali.

Awtorita' Marittima — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' Marittima mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Awtorita` Marittima mpjegat tlett (3) ħaddiema ġodda bejn l-1 ta` Jannar 1999 u 26 t`April 1999 - żewġ (2) Flag & Port State Control Inspectors u Registrar. L-ewwel Inspector irraporta għax-xogħol għall-ewwel darba fit-18 ta` Jannar 1999 u t-tieni wieħed irraporta għall-ewwel darba fit-22 ta` Jannar 1999. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet saret fil-gazzetti lokali f`Awissu 1998. It-tielet impjegat, dak ta` Registrar, imtela` minn persuna li ġiet `detailed` mill-Public Service. Dan irrapporta għall-ewwel darba fit-2 ta` Jannar 1999`.

Avjazzjoni Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma kien hemm ebda impjieg ta` ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili bejn l-1 ta` Jannar 1999 u s-26 ta` April 1999.

Qormi — Triq iċ-Ċawsli - Ilmijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu d-dipartiment responsabbli biex tiġi megħluba l-problema ta' l-ilmijiet fi Triq iċ-Ċawsli, Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq qed jaħdem biex jitwettaq ix-xogħol f`Imdina Road u fil-Bypass li ser jinkludi bini ta` `culverts` għall-ilma. Għalhekk b`dan il-proġett hu maħsub li jonqsu l-ilmijiet li jaqgħu aktar l-isfel fiż-żona ta` Triq iċ-Ċawsli. Meta x-xogħol isir wieħed ikun jista` jiddeċiedi aħjar fuq x`miżuri oħra ikun hemm bżonn jittieħdu biex il-problema ta` l-ilmijiet fi Triq iċ-Ċawsli tkun ikkontrollata.

Qormi — Valletta Road

Question

Jista' l-Ministru jara kif jista' jiġi megħlub il-periklu li hemm f'Valletta Road, Qormi (fuq il-pont tal-wied) kemm għal karozzi kif ukoll għal nies mexjin, forsi permezz ta' zebra crossing jew pellican lights?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipatrtiment tat-Toroq biex jara x`jista` jsir.

Xandir — Frekwenzi tar-radju vakanti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3980 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jgħid kemm hawn frekwenzi tar-radju vakanti bħalissa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Malta għad għandha erba` frekwenzi fil-VHF FM li għadhom mhumiex okkupati mill-frekwenzi allokati lilha mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekommunikazzjonijiet.

Dipartiment tat-Telegrafija — Reception tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Telegraphy huwiex konxju mill-interferenza li qiegħed ikollu r-reception tat-TV f'Malta minħabba xi ħsarat minn wieħed mill-istazzjonijiet tat-TV lokali? X'passi qiegħed jieħu dan id-dipartiment u liema ordni ġiet mogħtija lil dan l-istazzjon li jirregolarizza kemm l-apparat fuq l-antenna kif ukoll fuq apparat ieħor? Tista' kull korrispondenza fuq dan il-każ titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Matul l-ewwel jiem ta` Mejju d-Dipartiment tat-Telegrafia mingħajr Fili daħlulu diversi ilmenti dwar interferenzi minn stazzjon tat-televiżjoni lokali. Id-Dipartiment ħa l-passi neċessarji u ġie ikkonfermat illi l-interferenzi kienu kkaġunati minn stazzjon lokali. L-istazzjon ikkonċernat ġie nfurmat b`dan sabiex jirranġa s-sitwazzjoni ħalli l-interferenzi jieqfu. Billi din il-materja tikkonċerna ix-xandir, ġiet infurmata ukoll l-Awtroita` tax-Xandir biex hi wkoll tieħu dawk il-passi neċessarji kemm-il darba is-sitwazzjoni ma tiġix għan-normal fl-iqsar żmien possibli. Jien infurmat li l-Awtorita` tax-Xandir, flimkien mad-Dipartiment tat-Telegrafija minghajr Fili għadhom isegwu l-każ.

Marsa — Church Wharf - Asfaltar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6826 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u cioe': Jista' l-Ministru jara li d-daħla quddiem il-principal gate tal-Korporazzjoni Enemalta f'Church Wharf, Marsa tiġi asfaltata kif inhu xieraq? Għaliex qegħda titħalla għadira daqshekk kbira li konsegwenza ta' hekk jinġabru għadd ta' insetti li jistgħu jkunu nfettati? X'passi se jieħu d-dipartiment b'mod spedit?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant essenzjalment huwa parti mir-responsabbilita` tal-Kunsill Lokali tal-lokal. Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jitkellem mal-Kunsill u l-Enemalta sabiex tinstab soluzzjoni għal dan l-ilment.

Sptar Monte Carmeli — Dħul/ħruġ

Question

Peress li d-dħul u l-ħruġ ta' l-Isptar Monte Carmeli huwa perikoluż ħafna u spiss jiġru nċidenti tat-traffiku, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jiġi attwat il-pjan li hemm biex din il-problema tiġi solvuta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għadhom kif ingħataw il-kuntratti neċessarji biex dan ix-xogħol isir u l-kuntrattur li jrid jaħdem l-ewwel qed jipprepara biex jagħmel dan ix-xogħol.

Crash barrier

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3660 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Interu u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' jara li titwaħħal crash barrier quddiem id-dar li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ktieb li ġie ppubblikat li jindika l-miżuri li jridu jittieħdu mill-kuntratturi meta jkunu qed jagħmlu xogħlijiet fit-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-miżuri li jridu jittieħdu mill-Kuntratturi meta jkunu qed jagħmlu xogħlijiet fit-toroq huma bbażati fuq ` standards` u ` code of practice` kif applikati f`pajjiżi oħra.

Toroq — Patching

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' materjal jintuża biex jiġu patched it-toroq? Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi wara ftit li jiġu patched it-toroq ix-xogħol li jkun sar jinqala'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-materjal li jintuża għat-tiswija tat-toroq jikkonsisti, f`taħlita ta` żrar u qatran li jkun imħallat lest mill-fabbrika. Biex il-kwalita` ta` dan il-materjal ikun konsistenti, l-esperti Ġermaniżi għamlu rakommandazzjonijiet ta` kif dan għandu jitħallat u wieħed jispera li `l quddiem il-`performance` ta` dan il-materjal ikun aħjar. Irid ukoll wieħed iżid illi t-tiswija tat-toroq mhux mill-materjal biss tiddependi iżda wkoll minn kif isir ix-xogħol, u jekk dan ma jsirx sew, anki jekk jintuża materjal tajjeb ir-riżultat ma jkunx dak li wieħed jixtieq.

Luqa — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema parti ta' Qormi Road, Luqa se jitwaħħlu l-pelican lights li ġew approvati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-Traffic Control Board qabel li jsiru żewġ `Pelican Lights` fi Triq Ħal Qormi, Luqa, waħda fil-viċinanzi ta` l-istitut tal-Agrikoltura u l-oħra ħdejn l-ufficji tal-Korporazzjoni ta` l-ilma. Bħalissa qed jiġu kkonsidrati il-lokalitajiet eżatti fejn dawn il-`Pelican Lights` għandhom fiżikament isiru.

Santa Venera — Triq il-Palazz l-Aħmar

Question

Jaf il-Ministru li l-problema ta' l-ilma fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera għadha ma ġietx solvuta minkejja ż-żewġ irqajja li ġew patched fit-triq? Jista' l-Minstru jara kif din il-problema tista' tiġi solvuta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru 2623.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies seconded mal-Ministeru tiegħu u minn liema entita' ġejjin? Jista' l-Ministru jgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment? Jista' l-Ministru jgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Ms Carmen Burlo` hija l-unika persuna mislufa mill-Universita ta` Malta. Din qiegħda mad-Department of Corporate Services u għandha salarju ta` LM4561.