Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – Skema Nirranġa d-Dar Tiegħi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm se ddum magħluqa l-iskema tal-Awtorità tad-Djar Nirranġa d-Dar Tiegħi li għandha l-għan li tgħin lis-sidien anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom? Tista’ tgħid kemm anzjani bbenefikaw minn din l-Iskema u kemm kienet l-ispiża totali? Kemm hemm każijiet pendenti li għad irid isir ix-xogħol fuqhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Iskema Nirranġa d-Dar Tiegħi kienet inħarġet fil-28 ta’ Mejju 2012 u skond il-kundizzjonijiet kellha tibqa in vigore għal perijodu ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Gazzetta tal-Gvern. Kien għalhekk li din l-Iskema ingħalqet wara li għaddew ix-xahrejn i.e Lulju 2012. Huwa ppjanat li din l-Iskema terġa tinfetaħ is-sena d-dieħla. L-istatus prezenti ta’ din l-iskema huwa kif jidher hawn taħt:- Stat tal-Applikazzjonijiet Numru ta’ Applikazzjonijiet Fil-proċess min-naħa tal-Awtorita’ tad-Djar – Fazi inizjali 14 Fil-proċess min-naħa tal-Awtorita’ tad-Djar – Ix-Xogħlijiet ser isiru mill-Awtortia’ tad-Djar 36 Fil-proċess min-na]a tal-applikanti – ser jagħmlu ix-xogħlijiet huma stess 64 Finalizzati 12 Irtirati mill-Applikanti 18 Invalidi 21 TOTAL 165 L-ispiża totali s’issa kienet ta’ € 53,985.24.

Awtorità tad-Djar – skemi biex sidien anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika u l-istrateġija tal-Awtorità tad-Djar biex tgħin lis-sidien anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal dan il-għan qed isir ħafna xogħol mhux biss mill-Awtorita’ tad-Djar iżda ukoll mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali ukoll. Minn naħa tal-Awtorita’ tad-Djar, sidien anzjani b’diżabilita’ jew problemi ta’ mobilita’ jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll teknika sabiex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ titjib relatati mal-bżonnijiet tagħhom. Barra minnhekk fil-futur, l-Awtorita’ tad-Djar ser tniedi skemi ohra bhal dik li toffri għajnuna finanzjarja għal xogħlijiet ta’ rranġar u għal xogħlijiet sabiex ir-residenza tkun aktar aċċessibbli għall-persuni anzjani.

Awtorità tad-Djar – persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika u l-istrateġija tal-Awtorità tad-Djar biex tgħid lill-persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jibqa’ kommess li jissalvagwardja d-dritt li persuni b’ dizabilita’ jkollhom l-ghazla li jibqghu jghixu fil-komunita’ anke kif inhu kommess li jaghmel skond il-UN CRPD. Ghaldaqstant il-Gvern ghandu diversi skemi fosthom dawk ‘sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib relatati mad-diżabilità tagħhom fir-residenzi okkupati minnhom’, skema t’ ‘installazzjoni ta’ Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta’ tal-Gvern’ u ‘skema ta’ sussidji’, fost ohrajn. Ma’ dan tajjeb wiehed izomm in konsiderazzjoni li l-Agenzija SAPPORT permezz tad-diversi servizzi li tipprovdi taghmel hilitha biex tizviluppa servizzi madwar il-persuna u tipprovdi l-ghajnuna kollha mehtiega f’ forma ta’ servizzi fil-komunita’ u dawk residenzjali apparti l-fond ddedikati ghal persuni b’ dizabilitajiet kumplessi imma li xorta jixtiequ jibqghu jghixu fil-komunita’ (SAC). Il-Gvern jibqa’ kommess u hija priorita’ fil-politika tieghu li persuni b’ dizabilita’ jkollhom l-oghla kwalita’ ta’ hajja u dan f’ impenn biex jibqghu jghixu fil-komunita’ u fejn il-Gvern iservi ta’ pont fejn ikun hemm id-diffikultajiet.

Awtorità tad-Djar – Skema Riġenerazzjoni tal-Oqsma tal-Binjiet tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Awtorità tad-Djar se terġa’ tiftaħ l-iskema mal-kunsilli lokali msejħa Riġenerazzjoni tal-Oqsma tal-Binjiet tal-Gvern? Liema kunsilli lokali bbenefikaw mill-bidu ta’ din l-iskema s’issa u x’kien l-investiment globali tagħha? Ma’ liema kunsilli qed tħejji li terġa’ tiftaħ din l-iskema?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ qiegħda tindirizza xi ħlasijiet pendenti lill-Kunsilli Lokali li kienu skedati li jisru fis-sena 2012 iżda ix-xogħlijiet tkomplew din is-sena. Min naħa l-oħra dawk il-Kunsilli li kienu identifikati għal-din is-sena għadu ma sar l-ebda ftehim magħhom. L-Awtorita qiegħda taħdem sabiex l-ewwel tgħalaq il-każijiet pendenti mill-Amministrazzjoni preċedenti, imbagħad tindirizza każijiet ġodda. Madanakollu mill-bidu tal-Iskema s’issa ibbenefikaw kif indikat hawn taħt: Kunsilli Lokali li bbenefikaw fl-2011 11-il Kunsill Lokali ibbenefika fl- 2011: B’Bugia, Birgu, Gudja, Kirkop, Luqa, Mellieha, Qormi, Rabat (Gozo), San Gwann, Santa Lucija, Valletta L-investiment globali għall-Kunsill Lokali kien ta €75,000. Kunsilli Lokali li bbenefikaw fl-2012 14-il Kunsill Lokali ibbenefika fl-2012: Attard, B’kara, Floriana, Kalkara, Mgarr, Mtarfa, Rabat (Malta), San Giljan, Senglea, Ta’ Xbiex, Zejtun, Zurrieq, Bormla and Sta. Venera. Il-Kunsilli Lokali ta’ Bormla u Santa Venera li kienu jiffurmaw parti mill-grupp għall-2013, esprimew ix-xewqa li jagħmlu x-xogħol fl- 2012 u t-talba tag]hom ġiet milqugħa. L-investiment globali għall-Kunsill Lokali kien ta €75,000. Fir-rigward tal-2013, kien hemm lista preliminarja li tinkudi: Ghaxaq, Hamrun, Marsa, Mqabba, M’Xlokk, Paola, Pieta’, Sta. Venera, Tarxien and Haz-Zebbug. Fuq dan il-grupp ma kien hemm l-ebda deċiżjoni uffiċjali finali.

Awtorità tad-Djar – manutenzjoni ta’ binjiet tal-gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Awtorità se terġa’ tiftaħ l-iskema tal-manutenzjoni tal-komun tal-binjiet tal-Gvern? Tista’ tgħid jekk hemmx diġà xi commitment ma’ xi kunsilli lokali jew residenti biex terġa’ tiftaħ din l-iskema? Tista’ tgħid kemm kien hemm komuni u liema huma l-komuni u l-lokalitajiet li bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-verita’ l-iskema tal-manutenzjoni tal-komun tal-binjiet tal-Gvern qatt ma għalqet iżda ix-xogħlijiet għadhom għaddejin. l-Awtorita’ qiegħda tindirizza xi ħlasijiet pendenti lill-Kunsilli Lokali li kienu skedati li jisru fis-sena 2012 u ma sarux, iżda ix-xogħlijiet tkomplew din is-sena. Min naħa l-oħra dawk il-Kunsilli li kienu identifikati għal-din is-sena għadu ma sar l-ebda ftehim magħhom. L-Awtorita qiegħda taħdem sabiex l-ewwel tgħalaq il-każijiet pendenti, li tħallew mill-ammistrazzjoni preċedenti, imbagħad tindirizza każijiet ġodda. Minn din l-iskema total ta’ 1208 blokka kellhom jibbenefikaw fuq perjodu ta’ 6 snin bejn l-2011 u l-2016. L-informazzjoni dwar l-lokalitajiet u blokkok li bbenefikaw jew għadhom se jibbenefikaw mill- Iskema 2 tal-Kunsilli Lokali fl-2011 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – amminstraturi ta’ binjiet tal-Gvern

Question

Fl-iskema tal-manutenzjoni tal-komun tal-binjiet tal-Gvern, peress li l-Awtorità tad-Djar titlob lir-residenti biex jiffurmaw l-assoċjazzjoni tar-residenti fejn huma jagħżlu l-amministratur tagħhom u peress li l-Awtorità toffri kumpens finanzjarju fis-sena lill-amministratur għas-sehem tiegħu fit-tmexxija tal-bini, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm amministraturi fil-preżent u f’liema binja u lokalità? Kemm hija l-għotja? Huwa minnu li dawn l-amministraturi mhumiex se jibqgħu jingħataw din l-għotja?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — Infill Sites

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Gvern fuq il-bini ta’ dawk imsejħa infill sites u artijiet oħra li għandha l-Awtorità tad-Djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qed tieħu ħsieb li dawk is-siti imsejħa bħala infill sites huma mnadffa minn xi materjal li jkun inġabar ġo fihom u jinbena ħajt madwarhom ta’ xi tmien filati għoli. Dawn is-siti qed jigu kkunsidrati ghal skopijiet vari fosthom biex jintuzaw ghal bini b’zero energy u skopijiet ohra skond il-htigijiet tal-Awtorità.

Awtorità tad-Djar – bini ta’ proprjetajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorità tad-Djar tibni aktar proprjetajiet? Jekk iva, sar xi pjan u studju jekk hawnx lok għal aktar bini meta wieħed jara tant bini vojt? Jekk iva, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju jew pjan?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument l-Awtorita’ tad-Djar qed tiffoka fuq; a) tkomplija ta’ proġetti diġa’ mibdija u/jew allokati mill-Awtorita’ tad-Djar taħt avviżi legali ta’ bejgħ ta’ propjeta, b) irranġart ta’ propjetajiet eżistenti tal-Gvern/Aworita’ li ġew vakanti u li jistgħu jerggħu jiġu allokati, c) kiri ta’ propjetajiet mis-Settur Privat permezz ta’ Skema Kiri.

Awtorità tad-Djar – politika dwar first time buyers

Question

Peress li matul is-snin l-Awtorità tad-Djar kellha diversi skemi ta’ sussidju fuq l-interessi meta wieħed jieħu self mill-bank għall-first time buyers biex ikun hemm affordable housing u anke bejgħ ta’ proprjetà sussidjata bħal Skema Darek Faċli, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika l-ġdida għall-first time buyers? Meta se tibda titwettaq?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għaddejja b’diskussjonijiet sabiex skemi bħal-dawn jerġgħu joħorġu fil-futur, iżda ta min ifakkar fil-mizura’ mħabbra fil-Budget fejn first time buyers se jiffrankaw fuq €5000.

Postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika l-ġdida li se jsegwi fir-rigward tal-postijiet li jinsabu taħt l-ordni tar-rekwiżizzjoni, b’mod partikolari postijiet li huma anke użati bħala dipartiment tal-Gvern? Tista’ tgħid kemm baqa’ postijiet taħt dan l-ordni ma’ Malta u Għawdex u f’liema lokalitajiet jinsabu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-propjetajiet li għadhom milquta’ b’Ordni tar-Rekwizizzjoni huma każijiet fejn is-sidien ma rrikonoxxewx lill-inkwilini, fejn il-kirjiet qegħdin jiġu ddepożitati fil-Qorti ta’ Malta jew ġewwa l-Awtorita’ tad-Djar, fejn il-propjeta’ hija mikrija mhux bħala residenza ordinarja ċioe’ lid-Dipartimenti tal-Gvern u Każini, u fejn l-allokazzjonijiet u r-rikonoxximenti saru wara l-1995 u ghalhekk l-inkwilini mhumiex protetti bil-liġi tal-kera. Il-postijet li għadhom rekwizizzjonati huma murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni li qed jintużaw mid-Dipartiment tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk il-postijiet ta’ rekwiżizzjoni li qed jintużaw minn dipartimenti tal-Gvern?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-postijiet taħt Ordni ta’ Rekwiżizzjoni li qed jintużaw minn dipartimenti tal-Gvern huma kif jidher hawn taħt RO Address Use of property 39871 "Capa" 6 Harper Lane Floriana Primary Health Care Department 41460 14, Summit Square, B'Bugia Polyclinic Health Department 15649 13, Our Lady of Mercy Str Zejtun Social Security Department 17806/16529 43, 44, 45, Parish Priest Street, Nadur Social Security Department 14535 89, Pawlu Magri Street Luqa Social Security Department 5073 42, Triq La Sengle, M'Skala Government Dispensary 12877 Viva Kristu Re, Misrah Sant'Andrija Luqa Luqa Police Station 7164 1, Triq Braille, Sta Venera Foundation for Soc. Welfare Ser. 15737 101, Dingli Street Sliema Social Security Department & Health Division 23516 9, Hompesch Street, Fgura Police Station & Medical Clinic 41421 393/395, Victory Street, Qormi Social Security Department 46898/15869 35, 37 & 39 Rue D'Argens Gzira Social Security Department 13290 84 Triq is-Salib tal-Marsa, Marsa Social Security Department

Tneħħija ta’ ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tneħħew ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni mis-sena 2000 sa Marzu 2013? Tista’ tgħid ukoll kemm postijiet tneħħitilhom l-ordni ta’ rekwiżizzjoni minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar mill-1 ta’ Jannar, 2000 sat-8 ta’ Marzu, 2013 rritirat 11,237 rekwizizzjoni minn postijiet tal-privat u 9,032 minn postijiet tal-Gvern. Mid-9 ta’ Marzu 2013 sallum ġew irtirati 7 rekwizizzjonijiet minn postijiet tal-privat u 0 minn postijiet tal-Gvern.

Postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni – każijiet pendenti fil-qrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet pendenti fil-qrati mas-sidien ta’ postijiet li għandhom ordni ta’ rekwiżizzjoni? Kemm tilfet jew rebħet każijiet fil-qorti l-Awtorità tad-Djar u x’kienet l-ispiża totali, inkluż l-ispejjeż tal-qrati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kawżi pendenti fil-Qrati rigward ordni ta’ rekwizizzjoni hemm sittax(16) il-każ. Minn mindu l-Awtorita’ tad-Djar assorbiet il-funzjonijiet tad-Direttur tal-Housing Socjali, intilfu sebgħa (7) każijiet u tħallas l-ammont ta’ €274,337.63 bħala spiża totali. Dawn huma/kienu każijiet li jirrigwardaw kumpens mitlub mis-sidien għar-restrizzjoni fuq il-propjeta’ tagħhom li seħħet minħabba l-ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni li kienu ġejjin tul is-snin. Fil-każijiet mitlufa ġeneralment rriżulta li ma kienx hemm proporzjonalita’ ġusta bejn restrizzjoni fuq il-propjeta’ u il-kumpens mħallas tul is-snin.

Tneħħija ta’ ordni ta’ rekwiżizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tneħħi l-ordni ta’ rekwiżizzjoni u tagħti lura lis-sidien oriġinali dawk id-djar li jintużaw bħala każini tal-Partit Laburista? Kemm hemm minn dawn il-każijiet? X’qed iżomm lill-Ministru li tneħħi dawn l-ordnijiet tar-rekwiżizzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet qed jistudjaw dawn il-kazijiet, flimkien ma' kazijiet ta' kazini ta' entitajiet ohra.

Awtorità tad-Djar – politika dwar reviżjoni ta’ kirjiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika l-ġdida tal-Awtorità tad-Djar fuq ir-reviżjoni tal-kirjiet? Tista’ tikkonferma li l-Awtorità tad-Djar għandha grupp ta’ ħidma li qiegħed jaħdem fuq reviżjoni tal-kiri? Tista’ tpoġġi kopja tas-suġġerimenti finali tal-grupp ta’ ħidma? L-Awtorità se tgħolli l-kirja bi €12.52 fis-sena kif titlob il-liġi tal-kiri? Tista’ tiċħad jew tikkonferma li l-Awtorità u d-Dipartiment tal-Proprjetà qegħdin jaħdmu biex jgħollu l-kera għaliex, skont huma, il-kirjiet mhumiex aktar sostenibbli? Huwa vera li dawk li llum jħallsu anqas minn €185 se jibdew iħallsu aktar? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kif se tinħadem il-kirja u kif se jingħata s-sussidju?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għad-diskors tal-Budget fejn kien tħabbar li l-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel esercizzju għar-reviżjoni tal-kirjiet soċjali skont kriterji ċari u indici dwar il-kirijiet li l-Awtorita’ se tisstabilixxi għal familji u individwi. Il-Kumitatt li nħatar biex jagħmel dan l-eserċizzju qed jiltaqa biex ilesti r-rapport tiegħu wara studji li qed jsiru u wara li jieħu in konsiderazzjoni rapporti li kienu saru fi żmiem l-amministrazzjoni preċedenti u xi rakkomandazzjonijiet li kienu saru.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lil NGOs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar fl-għajnuna tagħha lill-għaqdiet mhux governattivi (NGOs)? Minn 2008 sa Marzu 2013, tista’ l-Ministru tgħid kemm l-Awtorità offriet: kirjiet sussidjati lil NGOs? Kemm kienet is-somma totali sussidjata? Liema NGOs ibbenefikaw? Tista’ tgħid ukoll kemm ingħataw appartamenti, garaxxijiet u fondi oħra lil NGOs u liema NGOs bbenefikaw? Tista’ tgħid kemm ingħataw grants lil NGOs, kemm kienet is-somma totali ta’ dawn il-grants u liema NGOs ibbenefikaw?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant illi kull g]ajnuna li tingħata lill-għaqdiet mhux governattivi (NGOs) tiġi kkunsidrata fuq bażi ndividwali skont il-mertu ta’ kull każ speċifiku. Mis-sena 2008 sa Marzu 2013 l-Awtorita’ offriet 17-il kirja ssussidjata. Is-somma totali ssussidjata tammonta g]al €35,123.54. L-NGOs li bbenefikaw huma: 1. Association of Model Engineering 2. Baden Powell Scouts Malta 3. Equal Partners 4. G]aqda Nazzjonali tal-Pensjonati 5. Inspire 6. Malta Gloster Breeders Society 7. Malta Midwives Association 8. Malta Wireless and Talking Books for the Blind Foundation 9. Marconi Amateur Radio Circle 10. Multiple Sclerosis Society 11. Qawra Scouts Group 12. Richmond Foundation 13. Scout Association of Malta 14. Victim Support Malta L-informazzjoni li turi l-fondi li nghataw lil dawn l-NGOs qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – għajnuna lil għaqdiet soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-pożizzjoni tagħha dwar għajnuna mill-Awtorità tad-Djar lill-għaqdiet soċjali fi ħdan il-Knisja Kattolika anke jekk dawn mhumiex imniżżla mal-kummissarju tal-għaqdiet mhux governattivi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li każijiet bħal dawn jiġu kkunsidrati skont il-mertu tal-każ individwali.

Awtorità tad-Djar – talbiet għal enerġija alternattiva

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar rigward it-talbiet li qegħdin isiru mill-inkwilini biex dawn jagħmlu l-pannelli foltovoltajiċi jew strutturi għall-enerġija alternattiva? Kemm-il talba ġiet milqugħa mill-awtorità u kemm-il talba ġiet miċħuda minn Marzu 2013 ’l hawn? Għaliex ġew miċħudin it-talbiet imsemmija? Ma tħossx il-Ministru li din id-deċiżjoni tmur kontra l-istess politika tal-Gvern li tħeġġeġ biex ikun hemm aktar dipendenza fuq l-enerġija alternattiva?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 l-Aworita’ tad-Djar irċiviet 9 talbiet li minnhom 6 ġew rifjutati, Żewġ talbiet li l-Awtorita’ ma kelliex setgħa tieħu deċiŻjoni fuqhom ġew mgħoddija lid-Dipartiment Propjeta’ tal-Gvern peress li l-bejt hu propjeta’ tal-Gvern u talba oħra għadha pendenti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bejt ta’ ħafna mill-blokok mhux kbir biżżejjed biex ikun hemm post għar-residenti kollha. B’hekk il-bord ta’ l-Awtorita’ tad-Djar deherlu li ma jkunx ġust li jilqgħa talbiet individwali għaliex ikun qed jiddiskrimina fil-qsim ta’ l-użu tal-bejt.Tali diskriminazzjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet anki legali peress li uħud mill-apartamenti huma mibjugħa lil terzi. Se jitwettaq studju fuq il-possibilita’ li l-pannelli solari jiġu stallati mill-Awtorita’ tad-Djar jew jinkera l-ispazju disponibbli lil kumpaniji privati. B’hekk il-benefiċċju tal-użu tal-bejt jinqasam b’mod ugwali bejn ir-residenti kollha.

Awtorità tad-Djar — evictions

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn Marzu 2013 sal-lum kemm saru evictions fejn l-Awtorità tad-Djar titlob iċ-ċwievet lura?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 sallum ma saret ebda eviction.

Awtorità tad-Djar – politika dwar mobilità u aċċessibilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar għal dawn il-ħames snin li ġejjin rigward sfidi ta’ mobilità u l-aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija l-policy tal-Awtorita’tad-Djar li f’dan ir-rigward ninkoraġġixxu nstallazzjonijiet tal-lifts u tpartit ta’ appartamenti għal dawk il-kerrejja li għandhom problema ta’ mobilita’. Għal dan il-għan qed isiru diskussjonijiet biex ikun hemm aktar ghajnuna mill-MEPA u mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej. Dan ser nibqgħu nsostnuħ fil-ħames snin li ġejjin iżda ħa nniedu studju biex ikun identifikat kemm huwa n-numru ta’ kerrejja li huma vulnerabbli għall-problemi ta’ mobilita’. Abbażi ta’ dan l-istudju jiġi żviluppat pjan biex jiġu ndirizzati dawn l-isfidi.