Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – nefqa f’petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq f'petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Gunju 2015? Jista' l-Ministru jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti break down skont il-pompi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

PBS – contracts of services

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ persuni li għandhom contract of service mal-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm 6 persuni li għandhom contract of services mal-PBS. Tnejn ġew ingaġġati f’ management role filwaqt li erbgħa ġew ingaġġati bħala salespersons. Dispost li ngħaddi l-ismijiet lill-Onor Interpellant privatament.

Każijiet ta’ Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ Vjolenza Domestika li tressqu quddiem il-Qorti s-sena li għaddiet u kemm kien hemm minn dawn il-każijiet fejn il-Ġudikatura ħarġet Ordni ta’ Protezzjoni, Ordni ta’ Trattament, Ordni tat-Trażżin u Ordni ta’ Restrizzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li peress li każijiet ta’ vjolenza domestika jaqgħu taħt ħafna akkużi differenti, liema akkużi jistgħu jiġu trattati bħala kumpilazzjonijiet jew kawżi sommarji, wieħed irid ikun iktar speċifiku fid-domanda. Fejn jidħlu l-ordnijiet imsemmija, matul is-sena 2014, fil-Qorti ta’ Malta, inħargu is-segwenti Ordnijiet,:- • 79 Ordni ta’ Protezzjoni • 17-il Ordni ta’ Trattament • 13-il Ordni ta’ Trazzin u Restrizzjoni.

Programm TVAM – ħlasijiet u benefiċċji lill-preżentatriċi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-mistoqsija parlamentari 16545 li kienet tittratta l-ħlas li tirċievi ta’ kull programm il-preżentatriċi ta’ TVAM ma ġietx imwieġba b’mod dirett u minflok wieġeb b’ħafna logħob bil-kliem u f’mistoqsija simili (mistoqsija parlamentari 16546) din id-darba dwar il-ħlas minbarra l-paga li jieħdu ġurnalisti oħra ġiet imwieġba b’mod dirett? Dan ifisser li fil-PBS hemm żewġ klassijiet ta’ ġurnalisti? Jekk le, jista’ jgħid b’mod dirett kemm titħallas il-preżentatriċi ta’ TVAM ta’ kull progamm?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allowances tal-preżentaturi ta’ TVAM, li ilhom pubbliċi, dejjem kienu: · €100 kull programm · €166.67 fix-xahar · Mobile Allowance bħall-ġurnalisti l-oħra kollha

PBS – qari ta’ aħbarijiet — ġurnalist

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-PBS waqqaf lill-ġurnalist li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-qari tal-aħbarijiet tas-6pm u tat-8pm? Jista’ jikkonferma li l-preżentatriċi ta’ TVAM li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament riċentament bdiet taqra l-aħbarijiet hi tas-6pm u tat-8pm? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni li ngħatat lil dan -individwu għalfejn twaqqaf mill-qari tal-aħbarijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor, interpellant li l-istazzjon jemmen li l-qari tal-aħbarijiet għandu preferibilment isir mill-ġurnalisti tiegħu kif fil-fatt qed jiġri. Il-persuna indikata m'huwiex ġurnalist tal-Kamra tal-Aħbarijiet. F’dan il-kuntest nikkonferma li l-ġurnalista li kienet tippreżenta wkoll TVAM bdiet taqra l-aħbarijiet ta’ TVM.

PBS – contract of service — individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħatax impjieg fiss jew contract of service mal-PBS? Jekk ingħata kuntratt fiss, kienet saret sejħa? X’paga, remunerazzjonijiet u perkaċċi għandu? Jekk ingħata contract of service, jista’ jelenka l-paga u r-remunerazzjoni skont il-kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta hija fin-negattiv. Dispost li nispjega lill-Onor Interpellant, jekk hu jixtieq, in-natura tan-ness bejn PBS u l-individwu li d-dettalji dwaru nghataw separatament.

PBS – Malex House — inawgurazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir l-inawgurazzjoni ta’ Malex House fil-PBS li fi kliem iċ-Chairman tal-PBS kellu jitlesta fl-ewwel kwart ta’ din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tendering process tal-proġett ta’ Malex House għadu għaddej u huwa pjan importanti għall-futur tal-PBS. Dan il-proġett jikkonsisti f’television studio flimkien ma’ uffiċini u kif ukoll parkeġġ. Peress li kien hemm bżonn li jsir xi tibdil minħabba żviluppi teknoloġiċi, kellhom jerġgħu jiġu riferuti lura sabiex jiġi akkommodat dan it-tibdil. Sakemm isir it-tibdil neċessarju, it- time frames qed jiġu riveduti sabiex dan il-proġett jitlesta bl-għola standards possibbli.

PBS – impjegati ssekondati f’postijiet oħra tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ persuni li huma impjegati mal-PBS iżda li huma ssekondati f’postijiet oħra tal-Gvern? Min huma dawn il-persuni? Xi grad kellhom fil-PBS? Xi rwol marru fih dawn l-impjegati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ persuni li ġew issekondjati ma’ entitajiet tal-Gvern. Persuna ġiet issekondata bħala Communications Coordinator fl-Uffiċċju tal-President, filwaqt li persuna oħra ġiet issekondata mal-Universita’ ta’ Malta. Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq li jingħataw l-ismijiet, nista’ nagħmel dan privatament.

PBS — Ħaddiema maċ-ċivil jew entitajiet pubbliċi sekondati mal-PBS

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ persuni li huma impjegati maċ-ċivil jew entitajiet pubbliċi iżda ġew issekondati mal-PBS? Min huma dawn il-persuni u x’xogħol jagħmlu? X’allowance jew perkaċċi ġodda qed jingħataw dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ persuni li ġew issekondjati mal-PBS minghand entitajiet tal-Gvern. Persuna ġiet issekondata mill-MEUSAC, filwaqt li persuna oħra ġiet issekondata minn mal-IPSL. Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq li jingħataw l-ismijiet, nista’ nagħmel dan privatament.

Tribunali Lokali — prosekuturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-prosekuturi fit-Tribunali Lokali? Jista' jgħid wieħed wieħed meta jiskadi l-kuntratt tagħhom bħala prosekutur u b'liema rata u sistema qegħdin jitħallsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, skont kif provduta mill-Kumitati Reġjonali.

Kunsilli Lokali – xogħlijiet – permessi tal-MEPA

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti jew xogħlijiet li huma mistennija li jsiru mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett diġà għandhom il-permessi tal-MEPA għalihom? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet oħra li hu maħsub li jsiru mill-istess kunsilli lokali għandhom applikazzjoni pendenti għal dan ix-xogħol? Liema huma x-xogħlijiet li għandhom applikazzjoni pendenti? Liema xogħlijiet oħra li diġà nħarġu permessi għalihom huma mistennija li jinbdew matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali rispettivi.

San Pawl il-Baħar — Traffic Calming Measures

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kemm hemm, u f'kull każ fejn jinstabu t-traffic calming measures li hemm imqegħdin fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar? F'kull każ, jista' jagħti tagħrif dwar meta tpoġġew dawn l-istess sleeping policemen?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li mill-informazzjoni li kiseb mingħand Transport Malta jirriżulta li matul is-snin il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar kiseb l-approvazzjoni ta’ sitt permessi għal road humps, b’waħda minnhom tkun fl-2014 u l-kumplament qabel. Infurmat ukoll li minħabba li s-Segretarju Eżekuttiv preċedenti kien informa li se jagħmel eżerċizzju biex jistabbilixxi fejn hemm road humps , u peress ukoll li jidher li dan l-eżerċizzju qatt ma sar, mir-riċerka li għadu kemm għamel il-Kunsill dwar ordnijiet li saru għal dawn il- humps lill-kuntrattur partikulari, l-ewwel informazzjoni turi biċ-ċar li mill-inqas minn Marzu 2013 ġew ordnati ammont konsiderevoli ta’ road humps . Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ ta’ tali road humps kif provduta mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Bord tal-Governanza dwar il-Kunsilli Lokali — ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ilmenti li ġew ikkunsidrati mill-bord tal-Governanza dwar il-kunilli lokali, matul l-aħħar 12-il xahar, dwar kunsilli tat-12-il distrett elettorali? X'kienu l-ilmenti investigati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar 12-il xaħar kien hemm tlett każijiet l-informazzjoni mitluba dwarhom tinsab fit-tabella li tidher hawn taħt. Każ Numru Kunsill Lokali Dettalji 011/2014 Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex kollha Stħarriġ mill-Bord ta’ Gvernanza Lokali rigward Bye Laws pendenti 002/2015 San Pawl il-Baħar Allegat każ li deher f’ġurnal lokali rigward petizzjoni sabiex jitneħħew tlett ħaddiema bi bżonnijiet speċjali 003/2015 Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex kollha Direttiva tal-Bord ta’ Gvernanza Lokali rigward ilmenti dwar ħsarat ta' vetturi f'toroq responsabbli għalihom il-Kunsilli Lokali

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – ħlas ta’ impjegati fis-Segretarjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux nies jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu iżda jitħallsu minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm huwa n-numru ta’ impjegati li qed jaħdmu b’din il-kundizzjoni? Min huma l-persuni li qed jaħdmu b’dan il-mod? B’kollox kemm huwa l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’hemm l-ebda persuna fis-Segretarjat tiegħi li taħdem bil-kundizzjonijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari. Is-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi huwa kompost minn 18-il persuna. Fil-binja tal-Ministeru tiegħi, li fiha jirrapportaw għax-xogħol kemm membri tas-Segretarjat tiegħi u kemm civil servants f'uffiċji differenti jirrapporta għax-xoghol impjegat ta' Heritage Malta li m'huwiex parti mis-Segretarjat tiegħi iżda jaqdi funzjoni kruċjali ta' liason officer bejn Heritage Malta, il-Ministeru tiegħi u l-uffiċju tas-Segretarjat Permanenti. Din il-persuna, li qed tieħu ħsieb, fost oħrajn, l-aġġornament tal-politika partimonjali, id- day-to-day administration tal-Kumitat ta' Garanzija u t-tfassil ta' liġi aġġornata għas-settur, naturalment baqgħet titħallas preċiżament bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal qabel.

Marsaxlokk – skallijiet – injam miksur

Question

Peress li l-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta’ Marsaxlokk għandhom l-injam miksur u dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn l-iskallijiet se jitranġaw u jinbidlilhom l-injam tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qed jippjana li jkollu laqgħa mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd bl-għan li s-sitwazzjoni tiġi ratifikata fl-iqsar żmien possibbli.

Heritage Malta – sejħa għall-Manager Marketing and Communications

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Heritage Malta bi ħsiebha toħroġ sejħa għall-Manager Marketing and Communications, post li ilu vakanti minn Marzu/April 2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Onestament ma nistax nifhem l-Oppozizzjoni. Jekk il-Gvern jimpjega nies ġodda biex jimla vacancy, jiġi kkritikat għax impjega nies ġodda. Jekk ma jimpjegax nies ġodda u jutilizza r-riżorsi eżistenti meta jkun hemm vacancy jiġi kkritikat għax utilizza r-riżorsi eżistenti meta jkun hemm vacancy.

Art in Public Spaces

Question

B’referenza għas-sejħa bit-titlu Art in Public Spaces, jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun ir-rwol tal-Kunsill Malti għall-Arti kif ukoll ta’ Heritage Malta f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lil Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Heritage Malta – Executive Keeper of Model

Question

Jista’ l-Ministru jgħida għalfejn Heritage Malta ħarġet sejħa esterna għall-post ta’ Executive Keeper of Model, mingħajr ma’ ħarġet sejħa interna qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Għal darb oħra ma nistax nifhem lill-Oppożizzjoni. Meta jsiru appointments diretti niġu kkritikati għax isiru appointments diretti. Meta nagħmlu sejħa pubblika biex kulħadd ikun jista' jtellaq fil-proċess ta' għażla niġu kkritikati wkoll. F'dan il-każ kulħadd, sija min jaħdem ma' Heritage Malta u sija min ma jaħdimx ma' Heritage Malta - hu min hu jew hi min hi -se jkun jista' jippartċipa fil-proċess ta' għażla bl-iktar mod miftuħ

Heritage Malta — policy fuq l-użu tas-social media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-policy interna li Heritage Malta ser tħaddan fuq l-użu tagħha tas-social media? Jista’ jgħid ukoll meta ser tkun lesta l-imsemmija policy?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta stess li Heritage Malta għandha diga' linji gwida għall-użu intern ta’ dawn il-mezzi mill-istaff.