Ix-Xagħra Għawdex – Miżbla tal-Qortin mibdula f’Park tal-Familja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi preparamenti kienu saru biex is-sit fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex jiġi mibdul f’Park tal-Familja? Jista’ jgħid meta nħareġ il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan il-park? Kemm intefqu sal-lum biex dan is-sit jinbidel f’dan il-park? Mil-liema vot kienu saru dawn l-ispejjeż? Meta għaddiet l-art ta’ dan is-sit f’idejn l-Enemalta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar mal-Enemalta dwar din l-art?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Eco Gozo Regional Development Directorate — nuqqasijiet
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-Ministeru, għal dak li jirrigwarda l-Eco Gozo Regional Development Directorate (ERGD), bosta xogħol qed jaqa’ fuq uffiċjal wieħed bil-konsegwenza li qed ikun hemm nuqqas f’dak li hu ħarsien tal-obbligi li joħorġu mit-tenders u dan hekk kif hemm referenza għal dan fir-rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2014? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’passi ttieħdu biex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jsir kull sforz biex kull ma jitwettaq ikun konformi mar-regolamenti u l-liġijiet. Ninforma wkoll li d-direttorat imsemmi huwa maghmul minn numru zghir ta’ impjegati u qegħdin jittieħdu l-miżuri sabiex jintlew il-vakanzi eżistenti.
Eco Gozo Regional Development Directorate – xiri ta’ materjal
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma dak li hemm fir-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar l- Eco Gozo Regional Development Directorate (ERGD), li fil-fatt inxtara materjal li ma sarux fuqu l-verifiki neċessarji? Jista’ jikkonferma li letters of comfort li jidher li nħarġu minn periti u inġiniera, fil-fatt ma nstabux? X’passi ħa l-Ministeru dwar dawn iċ-ċirkostanzi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul it-twettiq tal-proġett imsemmi saru l-verifiki neċessarji fic-cirkostanzi u fl-ebda ħin ma nstab li kien hemm xi dokument ta’ċertifikazzjoni nieqes.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fl-aħħar xhur biex fis-sajf li ġej, ma tirrepetix il-problema ta’ nuqqas ta’ arja kundizzjonata fit-terminal tal-Imġarr Għawdex? Jista’ jgħid kemm sewa x-xogħol biex din l-arja kundizzjonata terġa’ tibda taħdem kif suppost?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq it-tiswija tas-sistema tal-arja kundizzjonata għadu għaddej u mistenni jitlesta fi ftit ġimgħat oħra. L-ispiża ta dan ix-xogħol tkun tista’ tingħata meta ix-xogħol jitlesta.
Jista’ l-Ministru jgħid issa li għalaq iż-żmien sa meta setgħu japplikaw dawk li huma interessati biex jibnu u joperaw il-pool ta' Għawdex, kemm kienu dawk li applikaw u min huma?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Privatisation Unit laqgħa talba sabiex iż-żmien ta’ meta jistgħu japplikaw jiġi estiż sa’ l-aħħar ta’ Frar 2016. Ghaldaqstant il-Ministeru għal Għawdex ikun f’pożizzjoni li jagħti din l-informazzjoni matul ix-xahar ta’ Marzu.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22975, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed jikklassifika kemm użat fuel il-Gozo Channel bħala “informazzjoni kummerċjalment sensittiva”? Jista’ jikkonferma li l-Gozo Channel hija kumpanija tal-Gvern u li topera b’mod esklussiv il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex? X’inbidel fl-aħħar xhur biex issa l-informazzjoni dwar fuel użat mill-Gozo Channel saret kummerċjalment sensittiva meta għall-mistoqsija parlamentari 18087 huwa kien ta l-informazzjoni kollha mitluba fuq użu ta’ fuel minn din il-kumpanija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22975.
Jista’ l-Ministru jispjega kif ħaddiema fuq il-vapuri tal-Gozo Channel li jagħmlu l-istess xogħol qed jitħallsu pagi differenti? Ma jaħsibx li dan imur kontra l-liġi u kontra d-drittijiet tal-istess ħaddiema? Jista’ jispjega kif pereżempju hemm ħaddiema fil-bars ta’ fuq il-vapuri li għandhom paga ferm iżjed minn ħaddiema oħra li qegħdin bil-minimum wage jew kważi? Jista’ jispjega kif fuq l-istess vapuri hemm ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta’ cleaning li għandhom paga miżera, filwaqt li sħabhom li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom għandhom paga aħjar?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pagi huma in konformita mat-tender relattiv.
Gozo Channel – Public Service Obligation Agreement
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-kumpanija Gozo Channel mingħand il-Gvern għall-Public Service Obligation Agreement li għandha mal-Gvern? Il-kumpanija x’inhi obbligata tagħmel skont dan il-ftehim? Il-kumpanija qed twettaq dak kollu mistenni minnha skont dan il-ftehim?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ l-ammonti li tħalset il-kumpanija Gozo Channel mill-Gvern mill-2008 sal-lum.
Ta min jinnota l-ammonti miżeri li bdiet titħallas il-kumpanija mill-1 ta’ Ottubru 2011 il-quddiem u cioe minn meta ġie rivedut il-Public Service Obligation Agreement taħt amministrazzjoni preċidenti.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitwaħħal lura r-railing fix-Xlendi li jagħti għal fuq il-Kantra u li parti minnu kien inqala’ f’inċident li fih trakk kien spiċċa fil-wied? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex dan il-perikolu li jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament jitneħħa immedjatament issa li dan l-inċident seħħ xhur ilu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.
B’referenza għall-istqarrija maħruġa fis-26 ta’ Jannar 2016 mill-Ministeru għal Għawdex, fejn qed jingħadd li minn Diċembru 2014 sa Diċembru 2015, il-qagħad f’Għawdex niżel minn 765 għal 648, tnaqqis ta’ 117-il persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew impjegati dawn il-persuni? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati f’dipartimenti tal-Gvern, f’entitajiet parastatali u mal-privat separatament?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-raġuni li għaliha ma nżammx Works Register, fil-proġett taċ-Child Development Centre f’Għawdex, u dan kif kien rikjest fil-kuntratt tal-istess Ċentru? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inġibditx l-attenzjoni dwar dan il-fatt mill-Awditur Ġenerali, fir-rapport tal-2014? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kienu r-rimarki tal-Awditur Ġenerali dwar dan is-suġġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett imsemmi nżamm Works Register. Nirriferih ukoll għall-paġna 134 tar-rapport imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' fuel li nxtara mill-kumpanija Gozo Channel kull sena fis-snin 2012, 2013, 2014 u 2015? Jista' jgħid kemm kien l-ammont totali li tħallas kull sena għal dan il-fuel f' dawn is-snin indikati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija parlamentari kkoncernata hija ta natura kummerċjali sensittiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 21665 u jgħid jekk il-ħaddiema li jaħdmu s-salarji tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni minn Għawdex humiex se jibqgħu fiċ-Ċentru Amministrattiv tar-Rabat Għawdex jew jekk humiex se jiġu trasferiti kollha lejn ix-Xagħra jew xi post ieħor?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21665.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, lil min ingħata kull direct order u kemm swiet kull direct order matul l-2015, u dan biex ġie provdut xogħol, materjal u / jew servizzi lid-Dipartimenti kollha jew uffiċċji / entitajiet li l-Ministeru għall-Għawdex huwa responsabbli minnhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21145, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont f’litri ta’ fuel li matul is-sena 2015, ġie fornut lill-vetturi li jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteri tiegħu mingħand il-kumpaniji/service stations li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, għal kull kumpanija/service station separatament?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minnu u minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għall-promozzjoni tal-Milied f’Għawdex fosthom ta’ Betlem f’Għajnsielem f’reklami fil-gazzetti tal-Ħadd u matul il-ġimgħa? Jista’ jindika x’kien l-ammont ta’ reklami mogħtija lil kull gazzetta tal-Ħadd?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab nfurmat li l-Ministeru għal Għawdex nefaq is-somma ta’ €6,850.39 għall-promozzjoni tal-Milied f’Għawdex f’reklami fil-gazzetti tal-Ħadd u ta’ matul il-ġimgħa. L-ammont ta’ reklami lil kull gazzetta tal-Ħadd hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri
Question
Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa Għawdex minn April 2013 sa meta tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bil-lista ta’miżuri u inizjattivi li l-Ministeru għal Għawdex ħa minn April 2013 sal-lum, kif ukoll il-pjanijiet għax-xhur li ġejjin f’dan il-qasam.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitkompla x-xogħol fuq it-triq li twassal għal San Lawrenz? Meta hu maħsub li jitkompla x-xogħol fuq Triq Sant’Ursola? Jista’ jikkonferma li t-tarmak li kien ingħata s’issa f’partijiet minn dawn it-toroq issa jrid jerġa’ jinqala’, peress li t-tarmak kien ingħata biss peress li dinjitarji li kienu qed jieħdu sehem fiċ-CHOGM kellhom jgħaddu minn dawn it-toroq meta imbagħad spiċċaw ma ġewx minħabba li l-attivitajiet tħassru?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x xogħolijiet fi Triq San Lawrenz ser jitkomplew fil-futur qarib. Fir-rigward ta Triq Sant’Ursola ninsab infurmat illi għad baqa xogħol ta wearing course u xogħlijiet ta’ bankini.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx tender biex tinbena mill-ġdid Triq Sannat fis-Sannat li twassal mill-pjazza ta’ Sannat sa Taċ-Ċawla fir-Rabat? Jekk le, għaliex għadha ma ħarġitx din it-tender peress li sentejn ilu l-Ministru kien indika li dan ix-xogħol kellu jsir matul is-sena 2015 u sal-lum għadu ma bediex?
Response (REFALO, ANTON)
Is-sejħiet għall-offerti ser joħorgu sa ġimgħatejn oħra. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Triq ta' Ċenċ u Triq Dun Luqa. Dan juri biċ-ċar illi l-Gvern Laburista se jkun qed isolvi ferita ġo Sannat li taħt Gvernijiet suċċessivi Nazzjonalisti baqgħet qatt ma ġiet solvuta.