Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt l-20 sena il-ħabs jew under house arrest illum? X'eta' għandhom u x'reat wettqu jew allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 5 persuni li għandhom anqas minn 20 sena li ngħataw liberta’ proviżżorja mill-Qorti bil-kundizzjoni li ma joħorġux mid-dar. Tlieta huma akkużati b’ reati konnessi ma’ droga u tnejn b’serq.
Ninsab infurmat ukoll li fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, fil-preżent hemm tnax il-priġunier/a li l-eta’ tagħhom hija taħt l-għoxrin sena.
L-informazzjoni mitluba dwar dawn hi kif ġej:-
Eta’
Akkuża
Sentenzjat
Taħt arrest
15
Serq aggravat
19
Pussess u traffikar ta’ droga
18
Pussess u traffikar ta’ droga
19
Serq aggravat
19
Pussess u traffikar ta’ droga
19
Serq aggravat
19
Serq aggravat
18
Ksur tal-kundizzjonijiet tal-
Bail
18
Omiċidju
19
Ksur tal-kundizzjonijiet tal-
Bail
18
Stupru
17
Serq aggravat
Dipartiment ta' l-artijiet — Stabiliment privat - permess għal ħruġ ta' imwejjed u siġġijiet
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti raġunijiet għad-dewmien esaġerat biex uffiċjali mid-dipartiment ta' l-artijiet jimmarkaw l-estent fuq il-post ta' sit mikri lil stabiliment privat biex jinħarġu mwejjed u siġġijiet f'Couvre Porte, il-Birgu?
Jista' jagħti perjodu ta' żmien li fih dan ix-xogħol ta' immarkar fuq is-sit li jeħtieġ li jsir, fil-fatt isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-marki tas-siti fejn ikun hemm permess għat-tqegħid ta’ l-imwejjed u siġġijiet isiru taħt id-direzzjoni ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu. F’ dan il-każ, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet għadu ma ġiex mitlub biex jimmarka dan is-sit bl-studs.
Dipartiment ta' l-Artijiet — File bir-ref no. L170/2002
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-offerta mid-direttur ta' l-Estates Management, datata 29 ta' Novembru 2002 (referenza L170/2002) fejn ġiet offruta proprjeta' formanti parti minn Forti Binġemma biex tiġi mgħoddija lill-għaqda Maltija ta' l-Astronomija sabiex jiġi stabbilit l-ewwel osservatorju astronomiku pubbliku f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Preżentament il-Gvern qed jagħmel diskussjonijiet sabiex il-Forti Binġemma tiġi amministrata mill-Heritage Malta. F’ dan ir-rigward wieħed irid jistenna l-esitu ta’ dawn it-taħditiet sabiex imbagħad wieħed ikun jista’ javża lill-Għaqda Maltija ta’ l-Astronomija biex ikompli t-taħditiet tagħha mal-Heritage Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' dawk li applikaw għall-ingaġġ fil-korp tal-pulizija fl-aħħar sejħa li għalqet fit-28 ta' Lulju 2004? Kemm hu maħsub li jkunu ngaġġati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 498 persuna li applikaw għall-ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija.
Dipartiment ta' l-artijiet — Post għall-bejgħ b'offerti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tama hemm li post f'Ħal Qormi joħroġ għall-bejgħ b'offerti u jiġi offrut right of first refusal lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
It-tama hi qawwija. Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jipprepara l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-fond in kwistjoni. Ma jistax jingħata right of first refusal, peress li wara l-mewt tal-kerrej il-fond baqa' vojt u ħadd warajh ma kien intitolat għal kera.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru reati ġewwa Paceville u l-area ta' madwar din is-sena u x'kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ l-2004, il-Pulizija kellha rapport dwar 351 reati li jidhru li seħħew ġewwa Paceville.
Dawn kienu jinkludu attentati ta’ offiżi, offiżi fuq il-persuna, offiżi sesswali, ksur ta’ buon ordni, ħsara volontarja, frodi u serq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni din is-sena talli kisru l-litter act? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ l-2004, Il-Pulizija ressqet 26 persuna quddiem il-Qorti bi ksur ta’ l-Att dwar Żibel u Skart (Kap. 206). Ir-reati prinċipaljament kienu jikkonsistu f’rimi ta’ materjal. Minn dawn sitta nstabu ħatja u weħlu multa, tlieta ġew liberati, filwaqt li l-każijiet l-oħra ghadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Pulizija — Applikazzjoni għal xogħol ta' gwardjan privat
Question
B'referenza għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tagħha biex taħdem bħala gwardjan privat ma ġietx approvata? Billi l-persuna indikata kienet ġabet il-permess mill-awtoritajiet ta' l-edukazzjoni biex tispiċċa s-sena skolastika xahrejn qabel tagħlaq il-ħames klassi sekondarja stante illi missierha waqaf jaħdem minħabba raġunijiet mediċi serji, jista' jikkonsidra li l-persuna ndikata tingħata l-liċenzja in vista taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f’ Novembru 2002, meta l-persuna msemmija applikat għall-liċenzja ta’ gwardjan privat, din ma kienetx tissodisfa ir-rekwiżiti ta’ Regolament nru 3 tar-Regolamenti ta’ l-1996 dwar Gwardjani Privati, għaldaqstant din il-persuna kienet hekk ġiet infurmata. Pero’ ninsab infurmat ukoll, illi bl-emendi tar-Regolamenti imsemmija, li daħlu fis-seħħ ix-xahar l-ieħor, din il-persuna tista’ terġa tapplika sabiex tkun ikkunsidrata sabiex tingħata liċenzja ta’ gwardjan privat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-korp tal-pulizija: a) ma għadux jittrenja l-klieb tal-korp? b) jekk il-klieb li qegħdin jintużaw mill-pulizija humiex tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament; c) jikkonfermax li l-korp qiegħed iħallas Lm3 fis-siegħa għal kull kelb rikjest?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-klieb li hemm fit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija huma kollha mħarrġa fuq xogħol konness mad-doveri tal-Korp, minn membri tal-Korp stess. Tant hu veru li wieħed mill-membri tal-Korp, mar Ċipru sabiex jgħin lill-Pulizija t’ hemm f’dan ir-rigward. Ma jirriżultax illi l-Korp tal-Pulizija qatt uża s-servizzi tal-persuna msemmija kif allegat mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-wegħda li kienet saret fil-Budget 2002 li permezz tagħha ċ-ċenswalist kien se jingħata l-opportunita' li jifdi ċ-ċens tal-fond li jkun jokkupa mill-Uffiċċju Konġunt, fost proprjetajiet oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt ilu mis-sena 2002 jifdi ċnus taħt l-iskema mħabbra fid-diskors tal-Budget għall-istess sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm tressqu nies il-qorti akkużati b'money laundering sal-lum minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli jidher li kien hemm 9 persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering minn meta ġiet fis-seħħ l-istess liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' suwiċidji li kienu rappurtati din is-sena? Liema kienu l-iżgħar u l-ogħla etajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija għoxrin każ ta' suwiċidju. L-eta' tal-vittmi kienet tvarja bejn is-sbatax u l-erbgħa u tmenin sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' droga li din is-sena nqabdet mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta' droga li nqabdet mill-Pulizija matu l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena huwa kif ġej:
Cocaine 107.64grms
Heroin 674.849grms
Cannabis plants 288 plants
Cannabis grass 2.345kg
Cannabis resin 14.639kg
Cannabis seed 2,281 seeds
Cannabis joints 7 joints
Ecstacy 845.5 tablets
Amphetamine 69.4grms
Dalmain 4 tablets
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew deportati Ċiniżi minn Malta mill-bidu tas-sena talli daħlu llegalment jew qagħdu f'pajjiżna aktar milli kellhom permess? Jista' jgħid jekk sarux protesti wkoll min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani dwar Ċiniżi li qegħdin jaħarbu minn Malta lejn l-Italja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 73 persuna ta' nazzjonalita' Ċiniża li tneħħew minn Malta wara li rriżulta, li b'xi mod kienu Malta illegalment. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellhiex tali protesti.
Dipartiment ta' l-artijiet — Kera ta' post tal-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li titnaqqas il-kera tal-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ngħata temporanjament lill-familja fejn il-missier ma jaħdimx minħabba kondizzjoni fiżika, peress li l-kera tal-post li kellhom u li suppost se jsirlu xogħol strutturali kien ferm u ferm anqas?
Response (BORG, TONIO)
Il-ftehim tal-kiri ta' postijiet ta' residenza inkluż il-kera ssir mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali.
Għaldaqstant l-Onor. Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali.