Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'hiex wasal il-proċess ta' installazzjoni ta' lifts ġewwa l-Floriana?
Jista' jindika liema huwa l-bini pproġettat f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li fi żmien qasir terġa' toħroġ skema oħra sabiex dawk li għandhom djar taħt il-kontroll tal-Joint Office b'ċens temporanju dan jiġi mifdi permezz ta' kuntratt mal-Joint Office?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-mistoqsija l-aħjar issir lill-Ministru kkonċernat.
Rigward il-flats tal-Gvern (Entratura 1 Blokk B) tas-Swatar fi Triq il-Balliju Guttenberg, jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga għaliex għadu ma sarx xogħol fuq l-entratura u t-taraġ li għadu tali kwali kif inbena erba' snin ilu anke wara li l-Housing Maintenance Office ġie avżat kemm-il darba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li kienet ħarġet sejħa għall-offerti biex isir dan ix-xogħol bil-kuntrattur iżda dan baqa' m'għamilx ix-xogħol meħtieġ. Għalhekk issa ingħata x-xogħol lil kuntrattur ieħor li ser jibda x-xogħol il-ġimgħa d-dieħla.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija hix qed tieħu l-ammont kollu li hi ntitolata għalih bħala persuna boarded out?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie nvestigat. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega r-raġuni wara d-deċiżjoni tad-direttur tad-dipartiment tat-tiswija u bini tad-djar li tlett kuntratturi partikolari jitħallsu fil-pront ta' xogħolhom filwaqt li l-kumplament tal-kuntratturi, konsulenti u xi mpjegati mad-dipartiment ma humiex se jitħallsu qabel Jannar 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiddispjaċini ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li għandu hija żbaljata. Waqt li hu minnu li matul is-sena 2000 tant sar xogħol mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li kontijiet li daħlu dax-xahar ser jkollhom jitħallsu f'Jannar 2001, dan qiegħed isir 'across the board' u mingħajr distinzjoni. Fil-fatt sal-ġimgħa l-oħra kienu għaddejjin il-pagamenti regolarment u minn issa sa Diċembru li ġej, jistgħu jgħaddu biss pagamenti fuq kontijiet żgħar. Dan japplika għall-kuntratturi kollha u ma nafx minn fejn l-Onor. Interpellant ġab l-informazzjoni li 'tliet kuntratturi partikolari jitħallsu fil-pront'. Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu fama tajba li jħallas lill-kuntratturi kollha fil-pront. Terġa' d-Dipartiment m'għandux konsulenti u għalhekk ma jistax ikun li dawn mhux ser jitħallsu qabel Jannar ta' l-2001. Fl-istess ħin, il-ħlas lill-impjegati joħroġ minn vot rikorrenti u għalhekk anki f'dan il-qasam, l-informazzjoni li dawn mhux ser jitħallsu qabel Jannar ta' l-2001 hija żbaljata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, għar-rigward tat-tenders li ngħataw mid-dipartiment tat-tiswija u bini tad-djar konsistenti fit-tikħil tal-fil fil-blokki tal-Gvern jekk dan ix-xogħol hux jiġi: (i) eżegwit skond ir-rekwiżiti tat-tenders; (ii) skond is-sengħa u l-arti;(iii) minn min dan ix-xogħol qiegħed jiġi hekk ċertifikat; u (iv) jekk il-policy dwar dawn ix-xogħlijiet hix sempliċement tibjid tal-fili u dan minn meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
i. ix-xogħol ta' tikħil tal-fili tal-blokki tal-Gvern qiegħed isir skond l-ispeċifikazzjonijiet tat-tenders;
ii. dan ix-xogħol qiegħed isir skond is-sengħa u l-arti;
iii. dan ix-xogħol qiegħed jiġi ċertifikat minn perit tad-Dipartiment;
iv. il-policy hi li l-fili miftuħin jew li qiegħdin jinfetħu jimtlew tajjeb u wara l-fili kollha nkluż dawk li għadhom tajbin jitbajdu biex tiġi dehra uniformi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol f'Ottubru?
Kemm minnhom huma żgħażagħ u nisa u kemm irġiel?
X'tip ta' xogħol irreġistraw għalih dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol f'Settembru 2000 kien ta' l,358 u li kien magħmul minn 249 żagħġugħ, 226 mara u 883 raġel.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi x'tip ta' xogħol bdew jirreġistraw għalih dawn il-persuni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weħlu persuni xi multa mill-qorti talli dawn nstabu ħatja li mpjegaw lil xi persuna bla permess? X'weħħlu f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perijodu li dwaru qiegħed jitlob l-informazzjoni.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 21164, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema tip ta' spezzjoni ta' l-applikazzjonijiet ġiet imqabbda d-ditta Coastal Managment Co Ltd mill-Awtorita' tad-Djar?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li hemm bejn l-Awtorita' tad-Djar u l-Coastal Management Co Ltd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-ditta ndikata fil-Mistoqsija qiegħda tagħmel spezzjonijiet tad-djar ta' dawk il-persuni li għandhom applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu aġġornati l-punti skond il-kriterji ġodda kif ġew approvati reċentement. Is-soċjeta in kwistjoni hi sussidjarja tal-Freeport Corporation.
Dettalji dwar il-ftehim ikunu jistgħu jingħataw aktar tard.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar jekk kienx hemm xi studju fuq il-Welfare Department u jekk sarx master plan? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, kif kelli okkażjoni ngħid pubblikament dan l-aħħar meta ppreżentajt ir-Rapport ta' Ħidma għas-sena li għaddiet dwar il-Ministeru għall-Politika Soċjali, bdiet tiġi mfassla l-infrastruttura organiżżattiva sabiex isir tibdil fil-funzjonijiet tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja biex dan id-Dipartiment jinbidel minn wieħed li jipprovdi s-servizzi għal wieħed li jirregola dawn is-servizzi billi jistabbilixxi standards u jassigura li dawn l-istandards jiġu osservati. Dan ix-xogħol għadu mhux finaliżżat.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinformani bil-pożizzjoni tad-Dipartiment tas-Siġurta' Soċjali fid-dawl tal-petizjoni preżentata mill-ħaddiema tal-Malta Drydocks dwar l-anomalija tal-liġi dwar il-pensjonijiet li qed jikkontestaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-diversi spjegazzjonijiet u tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari, partikolarment għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15843 li jien tajt f'Seduta 289, dwar tibdil li jkun jidher meħtieġ fil-liġi tas-Sigurta' Soċjali, inkluż dak fil-qasam tal-pensjonijiet.
Bħal ma għamilt f'okkażjonijiet oħra, ntenni l-istedina tiegħi lill-Oppożizzjoni biex hi wkoll tieħu sehem fil-proċess tar-riforma meħtieġa f'dan il-qasam.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinformani kemm huwa n-numru ta' pensjonanti li matul din is-sena beda jinqatgħalhom direttament il-PAYE mill-pensjoni li jirċievu mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?
Kemm fil-fatt kien l-ammont f'ċifra ta' flus li tnaqqas bejn il-perjodu ta' Jannar sa Settembru ta' din is-sena minn dawn il-pensjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' pensjonanti tas-sigurta' soċjali li tnaqqsitilhom direttament it-taxxa mill-pensjoni tagħhom matul is-sena kurrenti huwa ta' 6831.
L-ammont ta' taxxa miġbura minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena huwa ta' Lm563,963.77.
Billi l-gvern ħabbar illi se jagħti żieda u sejra issir riorganizzazjoni tal-pagi tal-ħaddiema tal-gvern is-sena id-dieħla, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk humiex se jiġu irranġati / riveduti
(a) Il-means test għall-karta r-roża?
(b) Il-means test għall-għajnuna tal-mard (SKA)?
(ċ) Il-means test li isir għal finijiet tal-children allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15843 f'Seduta 289.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn familji li għadhom ma rċevewx il-children allowance għas-sena li qegħdin fiha u li għal dan l-iskop tibda f'Lulju ta' kull sena?
Għaliex għadhom ma irċevewx l-allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' familji li għadhom ma rċevewx l-Allowance tat-Tfal huwa ta' 549. Fost dawn hemm 392 każ fejn l-applikazzjoni ma ġietx mimlija kif kien mitlub u għalhekk l-istess applikazzjoni kellha tiġi mibgħuta fl-Uffiċċju Distrettwali biex l-applikanti jkunu jistgħu jagħtu d-dettalji li hemm nieqsa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bl-iżviluppi tat-trasferimenti tal-plots ta' Għar Barka bejn il-Gvern u l-Knisja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment responsabbli mit-trasferiment ta' art lill-Gvern ma jaqgħax taħt ir-responsabbilita' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-aħħar domandi parlamentari fuq is-suġġett nru. 1989, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm illum persuni li qegħdin reġistrati mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li għandhom bżonn post alternattiv ġewwa r-raħal tax-Xgħajra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 14 applikazzjoni minn persuni li joqgħodu x-Xgħajra.
Billi skond Trade Union agreement kull impjegat tal-gvern se jgawdi mill-ftehim kollettiv li jibda minn Jannar 2001, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet il-paga ta' kull skala tal-gvern din is-sena u kemm se tkun is-sena d-dieħla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli għas-Servizz Ċivili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nqabdu persuni barranini jaħdmu illegalment din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn Jannar sa Ottubru ta' din is-sena, l-Ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, qabdu 102 persuna ta' nazzjonalita' barranija li kienu qiegħdin jaħdmu Malta bla permess.