Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #32023 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizzi Pubbliku — Proċess ta’ Għażla kompettitiv għad-dħul fi grad ta’ Uffiċjal Prinċipali

Question

B’referenza għall-aħħar sejħa dwar proċess ta’ għażla kompetittiv għad-dħul fil-grad ta’ Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma li kienu ġew inkarigati żewġ bordijiet għat-tieni parti tal-eżami, li kienet tikkonsisti f’intervista strutturata? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid, separatament, kemm kandidati resqu u kemm għaddew minn kull bord?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30925.
Leg 12 PQ #32024 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku – Post ta’ Uffiċjal Prinċipali – persuni li applikaw

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30633, li kienet dwar sejħa għall-post ta’ Uffiċjal Prinċipali mas-Servizz Pubbliku, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li, mill-285 li għaddew mill-Ewwel Parti, ma għaddewx mit-Tieni Parti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ kandidati għall-post ta’ Uffiċjal Prinċipali mas-Servizz Pubbliku li għaddew mit-tieni parti jammonta għal 199. Ir-riżultat ħareġ f’Jannar u huwa pubbliku.
Leg 12 PQ #32048 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bisazza street

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara n-numru tal-file li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward Bisazza Street u jgħid jekk hemmx xi ħjiel ta’ xi soluzzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #31237 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju Elettorali – taħriġ għall-istaff

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31022 u jgħid x'taħriġ għall-istaff qiegħed isir ġewwa l-Uffiċċju Elettorali? Jista' l-Prim Ministru jgħid ġietx ingaġġata kumpanija privata biex tipprovdi dan it-taħriġ u b'liema mod sar dan l-ingaġġ? X'inhu l-ħlas li l-Uffiċċju Elettorali mistenni jagħmel għal dan is-servizz mingħand din il-kumpanija privata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Kummissjoni Elettorali li hi mhix awtoritá jew entitá li taqa’ taħt xi Ministeru għaldaqstant tweġiba f’isem il-Kummissjoni Elettorali mhix indikata.
Leg 12 PQ #31238 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – każijiet ta’ permuta ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-każijiet kollha ta' permuta ta' art li saru mid-Dipartiment tal-Artijiet fl-2016 u fl-2017 s'issa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #31311 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — każijiet ta' inġustizzja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Prim Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #31860 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta’ Malta dwar l-Ippjanar – permessi approvati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm-il permess ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ippjanar fis-sena 2016 u jista’ jagħti lista dettaljata ta’ x’tip kienu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Leg 12 PQ #31871 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proprjetajiet għall-bejgħ li jaqgħu taħt l-Awtorità tal-Artijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema proprjetajiet li jaqgħu taħt l-Awtorità tal-Artijiet huma għall-bejgħ preżentament? Fejn jinsabu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #31872 Sitting 495 2017-03-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bdiewa li qed jaħdmu art proprjetà tal-gvern – applikazzjonijiet biex jiġu rikonoxxuti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm applikazzjonijiet minn bdiewa li qed jaħdmu art proprjetà tal-gvern, li kienu talbu biex jiġu rikonoxxuti għall-istess art u li fil-fatt ġew hekk rikonoxxuti? Kemm fadal applikazzjonijiet pendenti għal dan ir-rikonoxximent?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #29766 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Staff klerikali – degree mill-Università

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub
Leg 12 PQ #31591 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tax-Xandir — impjegati

Question

Wara li l-impjegati tal-Awtorità tax-Xandir kitbu lill-Prim Ministru dwar intimidazzjoni u bullying fuqhom miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u wara li qed iqumu dubji serji dwar il-kompetenzi tal-persuna maħtura biex tmexxi din l-Awtorità, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’laqgħat saru mal-ħaddiema dwar dan il-każ? X’passi se jittieħdu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-Prim Ministru ħa nota tal-ittra li ntbagħtet lilu mill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir u wassal dan it-tħassib liċ-Chairperson tal-Board. Infakkrek li l-Awtorità tax-Xandir hija awtorità mwaqqfa bil-Kostituzzjoni u allura bħala tali tgawdi minn awtonomija sħiħa. Deċiżjonijiet bħal li qed jiġu diskussi filfatt huma materja u suġġett tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir. Minkejja dan, il-Prim Ministru wassal il-messaġġ li deċiżjoni bħal din ghandha tittieħed b’konsultazzjoni sħiħa mal-ħaddiema biex tittieħed deċiżjoni fl-aħjar interess tal-Awtorità.
Leg 12 PQ #31774 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Raħal Ġdid — Ġnien il-Meditteran - arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li jiġu rranġati l-arbli tad-dawl fil-Ġnien il-Mediterran Raħal Ġdid, ħdejn il-Paola Wolves peress li jinsabu msadda?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Enemalta plc li l-arbli msemmija ġew spezzjonati u ma nstabx li jeħtieg jinbidlu, iżda saru xi tiswijiet u manutenzjoni fejn kien meħtieġ.
Leg 12 PQ #31844 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - main tad-drenaġġ

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31685 dwar inspection bil-cameras fi Triq San Pawl mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif f’liema partijiet tat-triq saru l-aħħar inspections bil-camera? Tista’ l-Korporazzjoni tagħmel tali spezzjoni minn ħdejn il-Knisja tal-Karmnu sa ħdejn l-HSBC?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-aħħar spezzjonijiet bil-camera fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar saru f’dawn il-partijiet imsemmija: · Bejn Xagħra tal-Bandieri u Triq it-Taraġ · Bajja tal-Pwales · Bejn Triq it-Torri u Triq il-Parroċċa · Triq il-Veċċa u Triq Toni Fenech · Triq Patri Ġwann Grima u Triq Stella Maris. Il-KSI tinforma lill-Onor. Interpellant li l-ispezzjonijiet bil-camera bejn Triq it-Torri u Triq il-Parroċċa, li tagħmel parti bejn Triq il-Knisja tal-Madonna tad-Duluri u l-HSBC, saru fl-2015. Spezzjonijiet f’din iż-żona, li hija twila 250 metru, iridu jsiru bil-lejl, bil-permessi meħtieġa u bl-arranġamenti tat-traffiku neċessarji.
Leg 12 PQ #31870 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Selmun Palace Hotel

Question

Billi l-binja u l-art ta’ madwar ta’ dak li kien is-Selmun Palace Hotel jidher li m’għadhomx iktar fuq il-kotba tal-Air Malta, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min issa qed jamministra din il-proprjetà? Kemm ilha tiġi amministrata minn din l-entità? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk din il-proprjetà hux ser tinbiegħ lil xi ħadd?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-proprjetà qed tiġi amministrata minn kumpanija b’ishma mill-Ministeru għall-Finanzi u ‘Malta Industrial Parks’. It-trasferiment ta’ Selmun Palace Hotel għadda mingħand l-Air Malta għand din il-kumpanija fl-24 ta’ Marzu 2016. Qiegħed jitħejja l-proċess sabiex, eventwalment, il-proprjetà tinħareġ għall-bejgħ.
Leg 12 PQ #31890 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Każ ta' fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Ministru jara f'liema stadju wasal il-każ rigward fidi ta' ċens li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċenswalisti l-ġodda ta’ dan il-fond se jkunu qegħdin jigu nfurmati formalment, permezz ta’ ittra, illi huma saru ċ-ċenswalisti rikonoxxuti mad-Dipartiment fuq dan il-fond u għaldaqstant ikunu jistgħu jħallsu l-lawdemju dovut lill-istess Dipartiment. Sadanittant it-talba tal-istess persuni sabiex jifdu c-cens gravanti l-fond ma tistgħax tigi milqugħa għalissa, minhabba illi talbiet simili jigu aċċetati biss taht Skemi speċifiki maħruġa mill-Uffiċċju Kongunt minn żmien għal żmien.
Leg 12 PQ #31743 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid u jippreżenta x’donazzjonijiet iddikjara l-Partit Nazzjonalista mal-Kummissjoni Elettorali mill-2004 sal-lum u jgħid mingħand min ġew dawn id-donazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mill-Kummissjoni Elettorali li l-Partit Nazzjonalista, bħall-kumplament tal-partiti politiċi l-oħra li huma rreġistrati mal-Kummissjoni Elettorali, kien obbligat jirraporta d-donazzjonijiet riċevuti matul is-sena 2016, sal-1 ta’ Marzu, 2017. Dan skont Artikoli 38 u 39 tal-Att dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi (Kap. 544) li ġie fis-seħħ fl-01/01/2016. Il-Kummissjoni Elettorali tista’ tagħmel tali rapporti pubbliċi biss skont Artikolu 43 tal-istess Kapitlu.
Leg 12 PQ #31744 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-Imsida – Kamra ħdejn il-monument tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li ħdejn il-Monument tal-Ħaddiema fl-Imsida, qed tinbena kamra għal dak li qed jingħad li se jkun apparat għall-pompa tad-drenaġġ? Jekk huwa minnu, jista' jikkonferma jekk il-kunsill kienx infurmat, peress li hemm furur kbir mir-residenti li din se tkerrah il-pjazza?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Klabb tal-Boċċi ingħata l-permess mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar biex ikabbar il-binja tal-klabb. B’konsegwenza t’hekk l-installazzjoni eżistenti tal-elettriku kellha titneħħa. Il-Korporazzjoni kienet f’kuntatt kontinwu mas-Sindku tal-Kunsill u mal-Kumitat tal-Klabb tal-Boċċi sabiex tkun tista’ tiġi mibnija kamra li fiha jitpoġġa l-apparat tal-elettriku u l-ġeneratur biex jissupplixxu d-dawl lill-pompi tad-drenaġġ fis-sentina li hemm taħt l-art biswit il-monument. Ġie deċiż li l-inqas impatt possibbli jkun jekk il-kamra tinbena fiż-żona tal-parkeġġ. Il-kamra inbniet wara li l-Awtorita’ tal-Ippjanar ħarġet il-permessi meħtieġa.
Leg 12 PQ #31773 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – xogħlijiet fuq mains tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet qed twettaq jew se twettaq fil-futur qarib, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, għal dak li jikkonċerna mains tad-drenaġġ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li x-xogħlijiet tad-drenaġġ li hemm ippjanat biex jitwettqu f’San Pawl il-Baħar huma dawk fiż-żona ta’ Għajn Stas, Triq it-Trunċiera u fil-Pumping Station tal-Pwales.
Leg 12 PQ #31864 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema tal-ħwienet li huma proprjetà tal-Gvern mogħtija jew mikrija b'ċens

Question

B'referenza għall-artikolu li deher fuq il-ħarġa tal-ġurnal l-Orizzont ta’ nhar il-Ġimgħa 21 ta' Ottubru 2016 iffirmat mill-Onor. Deborah Schembri, jista' l-Prim Ministru jgħid meta mistennija terġa' tinfetaħ l-iskema tal-ħwienet (li huma proprjetà tal-Gvern mogħtija jew mikrija b'ċens), liema skema kienet infetħet biss għall-ħwienet tal-Belt u li fl-imsemmi artikolu l-Onor. Schembri kienet indikat li hemm il-ħsieb li ser terġa' tinfetaħ anke mhux għall-ħwienet tal-Belt biss?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat li huwa maħsub li l-iskema għal ħwienet kif mħabbra tiġi miftuħa aktar tard meta l-Awtorità tal-Artijiet tapprova d-dokument tal-iskema.
Leg 12 PQ #31526 Sitting 492 2017-03-08 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Telgħet ix-Xemxija – ċekkjar fuq bozoz tal-arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti struzzjonijiet biex jiġu ċċekkjati l-bozoz li jinsabu mwaħħla fuq l-arbli tad-dawl li hemm tul it-Telgħet ix-Xemxija u dan peress li jirriżulta li wħud minnhom huma difettużi u jkun hemm mumenti fejn numru minnhom ikunu mitfija għal xi ħin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Enemalta plc li l-bozoz imsemmija ġew iċċekjati u saru xi tiswijiet fejn kien hemm meħtieġ.