Legislature:
Category:
Reset
Active:

Players professjonali li jiġu minn pajjiżi ta' l-UE

Question

Għalkemm l-MFA aċċettat li barranin professjonali ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jkollhom il-freedom of movement u dritt għax-xogħol, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn jistgħux jirristrinġu xorta numru ta' players fuq il-pitch? Hemm xi forma ta' restrizzjoni li tmur kontra d-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-liġi tal-UE tirregola li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn ċittadini ta' l-UE a'bażi ta' nazzjonalita'. Ma jirriżultaliex li hemm xi restrizzjonijiet bħal dik li qed isemmi l-Onor. Membru. Tlabt li niġi informat b'aktar dettal u f'każ ta' xi tagħrif ieħor nieħu ħsieb ninforma l-Onor. Membru.

Universita' — Akkademja Mediterranja għal studji diplomatiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5106, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'inhuma s-suġġetti li tgħallem l-Akkademja? 2) Kif jintgħażlu l-għallliema ta' l-Akkademja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-suġġetti mgħallma fl-Akkademja huma ir-Relazzjonijiet Internazzjonali, l-Ekonomija Internazzjonali, il-Liġi Internazzjonali u l-Istorja għall-kors tal-M.A. Diplomatic Studies. L-istudenti li jsegwu l-kors tal-M.Dip. jingħataw ukoll taħriġ fil-lingwa Ingliża jew Franċiża u fid-Diplomazija. Informat ukoll li l-istaff akkademiku li jiġi ngaġġat fuq contracts of service huma inizjalment deċiżi mid-Direttur tal-Akkademija u wara approvati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Akkademija.

Universita' ta' Malta

Question

B'referenza għall-mistoqsija numru 4507, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malti hux rikjest f'livell avvanzat? Liema huma dawn il-korsijiet Universitarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Malti f'livell avvanzat hu rikjest għal dawk li jridu jistudjawh f'xi degree, bħal fil-B.A. (Hons.) fil-Malti, fil-B.A. fejn il-Malti huwa wieħed minn żewġ suġġetti, fil-B.Ed (Hons.) fejn il-Malti huwa suġġett, fil-B.Communications bil-Malti bħala t-tieni suġġett mal-Communications, fil-B.Laws bil-Malti bħala t-tieni suġġett mal-Liġi u oħrajn. Is-suġġett tal-Malti fil-livell ordinarju hu obbligatorju għall-kull kors fl-Universita'.

Marsa — Skola San Ġużepp Ħaddiem

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola San Ġużepp Ħaddiem ġewwa l-Marsa hux se tingħalaq jew le? Jekk iva, meta se jiġri dan u x'se jiġri mill-istudenti u mill-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva l-iskola San Ġużepp Ħaddiem ġewwa l-Marsa ser tingħalaq minn Settembru 2004. L-istudenti ser ikomplu l-kors tagħhom fiż-żewġ skejjel l-oħra ta' l-istess tip li hemm fil-Floriana u n-Naxxar. L-għalliema ser ikunu allokati fl-iskejjel biex ikomplu fil-qadi ta' dmirijiethom.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Kiri ta' office equipments

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għall-kiri ta' photocopiers u other office equipments matul l-ewwel erbgħa xhur tas-sena? Kemm kienet iċ-ċifra in kwestjoni għall-perjodu tas-sena 2003?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Government funding of higher education

Question

Min ta l-parir dwar kif ġie kompost il-working group sabiex jagħmel re-assessment tal-government funding of higher education institutions including a revision of students' maintenance grants? Kif saret l-għażla tal-persuna gradwata fl-ekonomija li isimha qed jintbagħat separatament; anke peress li din il-persuna għandha ħuha parti mis-segretarjat fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li jista' joħloq kunflitt ta' interess jew saħansitra jistgħu jiġu jistgħu influwenzati d-deċiżjonijiet li jista' jkun ser jieħu l-working group? Jista' il-Ministru jassigura l-Kamra li l-kompożizzjoni ta' dan il-working groupma saritx fuq bażi partiġjana?

Response (GALEA, LOUIS)

Nassigura lill-Onor.Interpellant li l-Membri li jikkomponu l-imsemmi Working Group ġew mgħażula unikament abbażi tal-kwalifiki u kompetenzi tagħhom u fuq l-ebda kriterju ieħor. Bl-ebda mod ma hemm xi ċirkostanza f'dan l-eżerċizju li tista tgħati xi lok għal xi konflitt ta' interess.

Skejjel — Operaturi ta' tuck shops

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm operaturi mill-1999 ’l hawn, kull sena separatament, li ma ngħatawx kuntratt biex joperaw tuck shops, canteens, etc., għax qabel ma kienux iservu ikel u xorb lill-istudenti kif suppost? Kien hemm min twaqqaf mill-kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat illi mis-sena 1999 l'hawn, ma kienx hemm każi fejn operaturi ma ngħatawx kuntratt biex joperaw tuck shops għax qabel ma kienux iservu ikel u xorb lill-istudenti kif suppost. Lanqas ma kien hemm każi fejn operaturi twaqqfu mill-kuntratt minħabba f'hekk.

Skejjel — Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux informat b’ittri li kapijiet ta’ l-iskejjel qed jibagħtu lill-ġenituri sabiex jinfurmawhom li l-bibien ta’ l-iskola se jinfetħu għaxar minuti qabel u dan minħabba direttiva ta’ l-union ta’ l-għalliema wara ċirkolari maħruġa mid-diviżjoni? Ma jarax il-Ministru li dan se jwassal, u qed iwassal diġa`, sabiex studenti li qed jaslu ħafna qabel jispiċċaw barra mill-iskola u allura esposti għall-periklu anke minħabba l-fatt li m’hemmx superviżjoni magħhom? X’passi se jieħu l-ministeru biex din il-kwestjoni b’mod jew ieħor tiġi solvuta u rranġata fl-interess ta’ l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Naħseb li mid-data tal-Mistoqsija fit-23 ta' Marzu,2004 il-kwestjoni ġiet iċċarata bl-istqarrija tas-26 ta' Marzu. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrija li ħarġet id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni flimkien mal-Malta Union of Teachersdwar is-suġġett. L-istqarrija turi li ttieħdu passi sabiex din il-problema , li dwarha qatt ma kien hemm policy stabilita, tiġi riżolta qabel il-ftuħ tas-sena skolastika 2004/2005.

Skejjel — Għalliema b'warrant

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant permanenti jew warrant temporanju u kemm hemm barranin f'dawn l-iskejjel li ġejjin: - il-Kulleġġ San Alwiġi, il-Kulleġġ De La Salle, il-Kulleġġ Stella Maris tal-Gżira, il-Kulleġġ St.Edwards, il-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Kulleġġ St.Elias, l-iskola San Martin, l-iskola San Anton u l-iskola San Andrea? Jista' jgħid ukoll kemm hemm għalliema nisa u rġiel? Kemm hemm għalliema reliġjużi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Knisja — Għalliema b'warrant

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant permanenti u warrant temporananju f'dawn l-iskejjel li ġejjin: - l-iskola tad-Dorotej, l-iskola tas-Sacred Heart, l-iskola ta' St.Joseph Blata l-Bajda u l-iskola ta' St.Joseph f'Ħal Tarxien? Kemm hemm għalliema rġiel u nisa?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta' l-Istat — Ksur ta' regolamenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'politika ta' dixxiplina tiġi wżata fl-iskejjel ta’ l-Istat għal ksur gravi tar-regolamenti? Jeżisti xi kodiċi ta' dixxiplina?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dixxiplina minn studenti fl-iskejjel hi regolata fid-dokument "Politika Dwar l-Inġieba Tajba u d-Dixxiplina fl-Iskejjel" ippublikat mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fi Frar 2002. Kull skola ġiet mħarrġa dwar kif tfassal il-kodiċi ta' Dixxiplina applikabbli fiċ-ċirkostanzi tagħha, fil-parametri indikati fid-dokument imsemmi. Kopja tad-dokument ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li jiggradwaw fil-B. Conservation (Hons)

Question

Peress illi skond il-liġi studenti li jiggradwaw fil-B. Conservation (Hons) iridu jagħmlu sentejn prattika biex jieħdu l-warrant biex ikunu jistgħu jaħdmu, peress li apparentement f'Malta m'hawn ebda warrant holder li jistgħu jagħmlu l-prattika miegħu dawn il-gradwati, peress li lanqas ġie appuntat warrant board, jista' il-Ministru jgħid u jidderiġi lil dawk il-gradwati f'dan il-kors dwar x'għandhom jagħmlu biex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom in vista ta' dawn in-nuqqasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Kultura.

Impjiegi — Ħaddiema li spiċċaw bis-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4901 u cioe' jista' jgħid kemm l-awtorita' nazzjonali tax-xogħol għandha każijiet quddiemha ta' persuni li min iħaddimhom temmilhom l-impjieg tagħhom iżda flok qal li bagħathom niżżel li telqu minn jeddhom u hekk tellifhom id-dritt li jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm għoxrin appell quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol, ta' persuni li allegatament min iħaddimhom temmilhom l-impjieg tagħhom iżda flok qal li bagħathom iddikjara li telqu minn jeddhom.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4902 u cioe' jistgħu l-awtoritajiet dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol f'pajjiżna jiġbdu l-attenzjoni ta' min iħaddem li jkun qed jabbuża meta jagħti s-sensji u flok jgħid li lill-ħaddiema bagħathom hu qed jgħid li telqu minn jeddhom meta dan ma jkunx veru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li meta l-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jinġiebu għall-attenzjoni tagħhom każijiet simili bħal dawk li irrefera għalihom l-Onor. Interpellant, il-persuni konċernati jingħataw parir jirreferu l-każ lill-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jew lit-Tribunal Industrijali, skond kif meħtieġ, għal rimedju għaliex dawn huma l-organi kompetenti li jistgħu jinvestigaw l-ilment msemmi u jagħmlu d-dikjarazzjoni rilevanti

ETC — Kumpannija li ma ġedditx il-kuntratt ta' impjegat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4903 u cioe' tista' il-korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ tieħu passi kontra l-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament, li ma ġeddidtx il-kuntratt ma' l-impjegat tagħha li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu wkoll separatament, u wara li temmitlu l-impjieg niżżlet fil-formola tat-temm ta' l-impjieg li telaq hu minn jeddu u hekk telfitlu anke ċ-ċans li jirreġistra għax-xogħol fuq Part I?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif weġibt fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 5475 ta' l-istess Onor. Membru, l-organi kompetenti dwar din il-mistoqsija huma jew l-Awtorita' Nazzjonali għax-Xogħol jew it-Tribunal Industrijali.

Universita' — Lecturers/assistant lecturers

Question

Jista' il-Minsitru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tas-salarji li rċevew matul is-sena 2003 il-lecturers u l-assistant lectureres fit-taqsimiet tal-Psychology, Primary Education u Mathematics, Science and Technical Education tal-fakulta' ta' l-edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta? Jista' jindika min huma l-lecturers u l-assistant lecturers wieħed wieħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-lecturers u l-assistant lecturers jirċievu s-salarji u r-remunerazzjonijiet kif stabbilit fill-ftehim kolletiv tagħhom.Nagħti biss totali għal kull dipartiment imsemmi: Psychology Lm58,546.14 Primary Education Lm69,193.87 Mathematics Science & Technical Education Lm60,576.66

Universita' — Kors li jwassal għal diploma ta' probation studies

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Universita' ta' Malta li qegħdin isegwu l-kors li jwassal għad-diploma tal-probation studies? Meta ħarġet l-aħħar applikazzjoni sabiex jiġu impjegati probation officers? Kemm ġew ingaġġati probation officers in konnessjoni ma l-aħħar applikazzjoni? Kemm hemm postijiet vakanti għal probation officers fi ħdan il-probation services? Jekk hemmx xi ħsieb li toħroġ sejħa sabiex jiġu ngaġġati probation officers ġodda? Jekk fl-affermattiv, għall-mistoqsija preċedenti, jista' il-Minsitru jgħid kemm beħsiebu jimpjega probation officers ġodda u meta se jsir dan? Jekk se jiġu ngaġġati probation officers ġodda, dawn se jaħdmu fl-uffiċċju tal-probation li fil-preżent jinsab fi Triq San Pawl il-Belt Valletta jew se jiġu mħaddma f'xi postijiet oħra bħal per eżempju, fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond l-Istitut għall-Studju Forensiċi hemm 8 studenti fl-Universita' ta' Malta li qegħdin isegwu l-kors li jwassal għad-diploma tal-probation services. Il-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għat-tagħrif mitlub fl-aħħar sitt partijiet tal-Mistoqsija.

Żejtun — Skola primarja - Xogħol fil-librerija

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li, fin-nuqqas ta’ ftehim fil-preżent mal-kunsill lokali, id-dipartiment ikunx jista’ jagħmel xi xogħol fil-librerija li tinsab fl-iskola primarja taż-Żejtun, bħal ngħidu aħna xkaffar aktar adegwat għall-ħtiġijiet ta’ din il-librerija?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li din t-talba tiġi mistħarrġa.

Institute of Health Care — Honours degree in nursing

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi problemi u diffikultajiet inħolqu għall-istudenti li qed jagħmlu honours degree in nursing ma’ l-Institute of Health Care u li jinsabu fl-aħħar sena? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għall-problemi li nħolqu fejn tidħol id-dissertation fejn ir-regolamenti nbidlu darbtejn? Kif se jolqot l-impjieg futur tagħhom jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba li kien hemm xi dewmien min-naħa tal-Bord ta' l-Etika, u dewmien ieħor li kien kawża diretta ta' l-introduzzjoni tal-liġi l-ġdida dwar id-Data Protection, kien hemm xi problemi dwar il-ħruġ ta' l-approvazzjoni għall-istudji li kienu qed jiġu proposti mill-istudenti. Dawn il-problemi ġew risolti u l-istudenti kienu nfurmati b'dawn l-iżviluppi. Ma kienx hemm l-ebda tibdil fir-regolamenti kif preskritti. Informat ukoll li l-Universita' hija responsabbli mill-lat akkademiku. Ma jirriżultax li din il-kwestjoni ser ikollha xi rifless fuq il-kwestjoni ta' l-impjieg.

Kummissjoni Nazzjonali dwar il-UNESCO

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-UNESCO? Kemm ilha mwaqqfa din il-kummissjoni u x’ħidma wettqet fis-sentejn ta’ qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.