Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tat-Trasport Pubbliku – expression of interest

Question

Jista’ l-Ministru jindika min kienu l-uffiċjali li ħadmu fuq il-proċess ta’ kjarifiki fl-expression of interest li ħareġ il-Gvern relatat mas-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm diversi uffiċjali fi ħdan Transport Malta li ħadmu fuq il-proċess ta’ kjarifiki fl-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern relatat mas-servizz tat-trasport pubbliku. Din il-ħidma kienet ikkoordinata mill-Public Transport Unit fi ħdan id-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art.

Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fis-Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Kemm kienu l-postings vakanti skont il-capacity building? Kemm ingħataw promozzjonijiet attwalment? Min ħadhom dawn il-promozzjonijiet? Kif ġew fl-ordni ta' mertu dawk li ħadu dawn il-promozzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet hemm għaddejjin, f' kull sezzjoni separatament, fis-Sezzjoni tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastrutturra?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8589.

Project Implementation Directorate u Maintenance Directorate — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti għaddejjin mill-Project Implementation Directorate u Maintenance Directorate bid-direct labour tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8590 li saret mill-istess Onor. Interpellant u li hija identika, kelma b’ kelma, għal din il-mistoqsija li reġa qed jagħmel illum. It-tweġiba kienet tgħid hekk: “Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-lista ta' xogħlijiet li hemm għaddejjin pre ż entament mill-Project Implementation Directorate(PID) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Maintenance Directorate m'għadux jeżisti għax dan kien ġie assimilat fl-istess Project Implementation Directorate(PID). Huwa inkwetanti kif l-Onor. Interpellant li ilu jaħdem għal diversi snin bħala Senior Architect fid-Dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, ma jafx li il-Maintenance Directorate fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ma għadux jeżisti. Dan ma tantx jirrifletti tajjeb fuq l-Oppożizzjoni , meta tqis li l-Onor. Interpellant huwa il-kelliem ewlieni għall-istess Oppożizzjoni fuq dan il-qasam.” Kont nistenna li l-Onor. Interpellant, li huwa wieħed mill-kelliema ewlieni tal-Oppożizzjoni, jinduna li għamel diversi mistoqsijiet identiċi fosthom din u l-inqas ħaġa li seta’ jagħmel kien li jirtira din il-Mistoqsija ġaladarba diġa kienet ġiet imwieġba. B’ nuqqasijiet bħal dan, qed jinħela il-ħin tal-Parlament, kif ukoll tal-impjegati fil-Ministeru u Dipartimenti, li jista’ jiġi utiliżżat b’mod aktar effiċċjenti.

Sptar Mater Dei — Rotta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed tgħaddi r-rotta 123 li minn Kastilja twasslek għall-Isptar Mater Dei u l-Università? X' inhi l-frekwenza ta' din ir-rotta? X' inhi r-rotta lura li t-trasport pubbliku pprovdut irid isegwi minn Mater Dei / l-Universita lejn Kastilja? B' liema vettura qiegħda tiġi servuta din ir-rotta? Kemm nies użaw din ir-rotta mit-2 ta' Jannar 2014 sa l-aħħar ta' Frar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Din hija oħra minn sensiela ta’ mistoqsijiet identiċi magħmula mill-Onor. Interpellant. Infakkru fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8591, li kienet tgħid hekk: “Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 8581, infakkar li kull darba li ġejt mitlub nagħti xi statistika, l-istess Onor. Interpellant dejjem ħareġ bit-teorija li l-istatistika tiegħi mhux korretta u jgħid li- l-istatistika tiegħu tgħid differenti. Għaldaqstant naħseb li wasal il-mument li l-Onor. Interpellant jgħid b’liema mod qed jiġbor l-istatistika il-għaliex l-uniku mod li tinġabar din l-istess informazzjoni hi min-nies li ingħataw b’kuntratt mill-amministrazzjoni preċedenti”. Madanakollu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ir-rotta 123 titlaq mill-Belt Valletta minn ħdejn Kastilja, tgħaddi mill-Furjana ħdejn iċ-Ċentru Tas-Saħħa u l- Park & Ride u tibqa sejra lejn l-Ħamrun, Santa Venera, Fleur-De-Lys, Birkirkara Interchange , Swatar u lejn l-Sptar Mater Dei u l-Università. L-frekwenza ta’ din ir-rotta hija ta’ kull siegħa. Fi triqitha lura lejn il-Belt, ir-rotta titlaq mill-Isptar Mater Dei/Universita, tmur is-Swatar, Birkirkara Interchange , Fleur De Lys, Santa Venera, Ħamrun, Floriana Park and Ride u tispiċċa l-Belt Valletta. Infurmat ukoll li minn Diċembru 2013 din ir-rotta bdiet tiġi operata permezz ta’ minibuses li jgħabbu bejn 18 u 22 passiġġier. Fir-rigward ta’ l-ammont ta’ nies li jużaw din ir-rotta, peress li din ir-rotta qed tiġi operata minn subcontractor , din l-informazzjoni mhix disponibbli. Skont passenger count li sar minn Transport Malta fil-ġimgħa ta’ bejn il- 21 u is- 27 ta’ Marzu, irriżulta li jagħmlu użu minn din ir-rotta medja ta’ 166 passiġġiera kuljum, li meta jiġi kkalkulat fuq medda ta’ xahrejn, Jannar u Frar, iġib total approssimattiv ta’ 9794 passiġġiera.

Transport Malta — suppliers

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi hemm suppliers ta' Transport Malta li ilhom ma jitħallsu għal dawn l-aħħar tliet xhur? X' inhi r-raġuni illi dawn is-suppliers mhux qed jitħallsu u min huma s-suppliers li għad għandhom kontijiet pendenti ma’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta toħroġ pagamenti għal kontijiet fuq bażi regolari biex kemm jista’ jkun tonora l-obbligi kuntrattwali li għandha mal-kredituri. Dan ovvjament isir wara li x-xogħlijiet ikunu ġew ċċertifikati li saru skont skont l-kuntratt.

Transport Malta – ħlas ta’ overtime

Question

B’ referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7980 u 7413, jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ min qed jidħol overtime fid-direttorati kollha ta' Transport Malta mill-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Xi gradi għandhom in-nies li qed jieħdu l-overtime, kemm hu n-numru ta’ sigħat li qed jinħadmu minn kull grad u f’liema direttorat qed jinħadem l-overtime minħabba li qed isiru diversi lmenti minn ħaddiema ta’ Transport Malta li l-overtime mhux qed jitqassam b’ mod ugwali?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7980.

Policy dwar reserved parking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7610, jista’ l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-analiżi u l-istudju li hu stess irrefera għalihom fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6652 ?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li dan l-istudju, li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant, huwa parti mill-polza riveduta għall-Parkeġġ fit-Toroq, liema polza se titnieda u tinfetaħ għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin, fejn kull entità u ċittadin se jkun jista’ jagħti s-suġġerimenti meħtieġa.

Malta Public Transport Services — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti mingħand xufiera tal-Malta Public Transport Services fuq inċidenti ta’ allegat ħruq jew dħaħen eċċessivi fuq ix-xarabanks mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet fejn ġie użat il-fire extinguisher? Kien hemm każijiet fejn intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar 2014 sat-12 ta’ Mejju 2014 kien hemm 7 każi fejn ġie rrappurtat mix-xufiera li kien hemm allegat ħruq. Kien hemm 100 każ ieħor ta’ allegat dħaħen li l-maġġoranza tagħhom kienu jikkonsistu f’duħħan minimu ħiereġ mir-roti tal-vetturi. L-operatur tat-transport pubbliku introduċa kampanja ġdida biex tgħin tnaqqas dawn it-tip ta' inċidenti billi jkun hemm aktar tgħarif biex ix-xufiera jkunu jafu kif inaqqsu r-riskju ta’ dawn it-tip ta' inċidenti. L-operatur ħoloq ukoll reġim ta’ monitoraġġ f’dan ir-rigward. Skont l-istess informazzjoni jirriżulta li kien hemm tmien inċidenti fejn intuża l-Fire Extinguisher li f’ħamsa minnhom, ġiet imsejħa l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Malta Public Transport Services — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi spejjeż saru mill-Malta Public Transport Services relatati ma’ safar mit-2 ta’ Jannar sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jipprovdi informazzjoni rigward is-safar li sar, jiġifieri jgħid min kienu l-uffiċjali li siefru, għal kemm ġranet marru, fejn marru, għal liema skop dawn il-persuni ntbagħtu u għalxiex intbagħtu dawn l-uffiċjali u mhux uffiċjali oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum sar vjaġġ wieħed biss barra minn Malta li kellu destinazzjoni lejn l-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq. L-uffiċjali li siefru kienu l-Operations Director u l-Engineering Director u l-għan ta’ dan il-vjaġġ kien biex jispezzjonaw u jevalwaw vetturi mibnija ġewwa r-Renju Unit bil-għan li jinkrew numru ta’ xarabanks sabiex jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta. L-uffiċjali telqu minn Malta fil-25 ta’ Marzu u rritornaw lura fis-27 ta’ Marzu 2014, fejn żaru tlett kumpaniji ġewwa Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq, Rotherham u Sherbourne fl-Ingilterra. L-ispiża totali mħallsa mill-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd għaż-żewġ uffiċjali kienet ta’ €993.71, li tinkludi l-vjaġġ bir-ritorn u akkomadazzjoni tal-lukanda. Dawn iż-żewġ uffiċjali ntbagħtu minħabba li huma responsabbli għat-tmexxija tal-operat tas-servizz u b’hekk kellhom japprovaw il-vetturi speċifikament qabel ma jinkrew.

Servizz ta’ water taxis

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk humiex għaddejjin xi diskussjonijiet ma’ kunsilli lokali li għandhom konfini mal-baħar biex bħalma hemm servizz ta’ water taxis fil-Port il-Kbir, ikun hemm ukoll servizz ta’ water taxis fil-portijiet partikolari li jaqgħu taħt il-konfini tagħhom? Jekk iva, ma’ liema kunsilli lokali qed isiru dawn it-taħdidiet u fiex waslu l-istess diskussjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel ħaġa li għamilt jien bħala Ministru kien li niltaqa mal-kunsilli lokali kollha fejn tkellimt magħhom fuq dak kollu li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħi. F’dawn il-laqgħat smajt il-proposti kif ukoll is-suġġerimenti fejn dawn ittieħdu in-konsiderazzjoni biex seta’ jsir pjan għal dawn il-ħames snin ta’ din il-leġiżlatura. Fost dawn il-kunsilli lokali kien hemm min għamel referenza ghall-Water Taxis, liema talba ttieħdet in-konsiderazzjoni. Ma jżomm xejn lil dawk kollha li għandhom xi proposti biex jgħadduhom lill-Ministeru tiegħi u l-awtoritajiet konċernati.

Transport Malta – talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex talbiet pendenti, kemm mill-privat kif ukoll minn xi kunsilli lokali, biex jinbeda s-servizz ta’ water taxis fil-lokalitajiet oħra minbarra dawk diġà pprovduti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandhiex talbiet pendenti biex jinbeda servizz ta’ water taxis.

Skeda tat-trasport Pubbliku

Question

Issa li ġejjin ix-xhur tas-sajf, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskeda tat-trasport pubbliku hux se tipprovdi servizzi iktar frekwenti milli kienet tipprovdi matul is-sajf fis-snin li għaddew? Jekk iva, fejn se jiġi provdut iktar servizz u kif?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-iskeda tas-sajf ta’ din is-sena se jkollha żieda fil-frekwenzi fuq numru ta’ rotot waqt il-ħinijiet peak tal-ġurnata meta imqabbla mal-iskeda tas-sajf tas-sena l-oħra. Iż-żieda fil-frekwenzi se jkunu fuq: Rotta Frekwenza tar-Rotot - Skeda tas-Sajf 2013 Frekwenza tar-Rotot - Skeda tas-Sajf 2014 12 Kull 12 il-minuta Kull 10 minuti 13 Kull 12 il-minuta Kull 10 minuti 42 Kull 60 minuta Kull 30 minuta 82 Kull 20 minuta Kull 15 il-minuta 223 Kull 60 minuta Kull 20 minuta 310 Kull 45 minuta Kull 30 minuta 311 Kull 60 minuta Kull 30 minuta 322 Kull 90 minuta Kull 45 minuta Infurmat ukoll li se jkun hemm vjaġġ addizzjonali filgħodu fuq ir-Rotta 84 filwaqt li filgħaxija se jiżdied vjaġġ addizzjonali fuq ir-rotot 124, 202, 203, 205, X3 u 308. Fil-ħinijiet off peak tal-ġurnata se jkun hemm żieda fuq ir-Rotta 45 fejn minn kull 60 minuta se tiżdied għal kull 30 minuta. Nhar ta’ Ħadd, il-frekwenza tar-rotot 41 u 42 se jiżdiedu għal kull 30 minuta filwaqt li ir-Rotta 44 se tiżdied għal frekwenza ta’ kull 20 minuta. Ir-rotta 55 se tibda topera l-Ħadd ukoll.

Ix-Xemxija – karozzi tal-linja aktar frekwenti

Question

Billi r-residenti li joqogħdu fl-inħawi kollha tax-Xemxija, f'bosta ħinijiet tal-ġurnata jkollhom diffikultajiet biex jirkbu l-karozzi tal-linja, u dan matul is-sena kollha, iżda b'mod partikulari matul ix-xhur tas-sajf, issa li s-servizz tat-trasport pubbliku hu provdut minn kumpanija tal-Gvern, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, biex almenu matul ix-xhur tas-sajf (Ġunju--Ottubru) ikun hemm karozza tal-linja li titlaq bi frekwenza regolari minn ħdejn il-knisja tax-Xemxija, u dan fl-aħjar interess tal-passiġġieri li jirkbu mix-Xemxija u minn parti kbira ta' San Pawl il-Baħar, u li jkollhom jistennew ħin twil mingħajr ma jirkbu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni ta’ l-iskeda tas-sajf li tidħol fis-seħħ f’ Ġunju, il-frekwenza ta’ ċertu rotot li jipprovdu servizz fl-inħawi tax-Xemxija, inkluż minn ħdejn il-knisja tax-Xemxija u San Pawl il-Baħar se jiżdiedu waqt il-ħinijiet peak tal-ġurnata hekk kif ġej: - Il-frekwenza ta’ Rotta 12 se tiżdied għal sitt vjaġġi fis-siegħa. - Il-frekwenza ta’ Rotta 42 se tiżdied għal żewġ vjaġġi fis-siegħa; - Il-frekwenza ta’ Rotta 221 se tiżdiet għal tlett vjaġġi fis-siegħa; - Il-frekwenza ta’ Rotta 222 se tiżdiet għal tlett vjaġġi fis-siegħa; Infurmat ukoll li se jkun hemm numru ta’ karozzi tal-linja allokati fuq dawn ir-rotot bħala spare buses fil-ħinijiet peak tal-ġurnata sabiex jgħinu f’każ li jkun hemm problema ta’ kapaċità ta’ passiġġieri.

Transport Malta – awtorizzazzjoni ta’ bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew awtorizzati bus shelters ġodda minn Transport Malta fl-inħawi kollha ta’ San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar 15-il xahar? Kemm minn dawn is-shelters tqegħdu f’posthom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar 15-il xahar fl-inħawi ta’ San Pawl il-baħar ġew awtorizzati żewġ Bus Shelters minn Transport Malta li jinsabu ġewwa Dawret il-Gzejjer u Dawret il-Qawra. Transport Malta diġà kisbet il-permessi meħtiega mingħand il-MEPA u dawn il-Bus Shelters se jitwaħħlu fil-fażi li jmiss ġaladarba jintagħżel il-kuntrattur. Infurmat ukoll li saru tlett talbiet oħra mingħand il-kunsill lokali għal twaħħil ta’ bus shelters , liema talbiet għadhom qed jiġu kkunsidrati minn Transport Malta.

Mini buses liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' mini buses li huma liċenzjati f'Malta u Għawdex, skont il-kategoriji differenti tagħhom? Kif inhuma mqassma dawn il-mini buses għal dak li jirrigwarda l-garaxxijiet li huma liċenzjati biex jagħtu dan is-servizz? Kemm hemm tali minibuses liċenzjzti f'kull lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li d-dettalji mitluba dwar minibuses (vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri li fihom aktar minn tmien sedili u inqas minn tletin sedil minbarra s-sedil tax-xufier), li huma liċenzjati taħt Liċenzja ta’ Operatur skont ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri, hu kif ġej: Lokalità taċ-Ċentru minn fejn jopera l-Operatur Numru ta’ minibuses liċenzjati MALTA ATTARD 8 B'BUĠIA 18 BIRGU 7 BUĠIBBA 7 B'KARA 77 BORMLA 4 BURMARRAD 6 DINGLI 4 FGURA 28 GĦARGĦUR 12 GĦAXAQ 24 GUDJA 1 GŻIRA 2 ĦAMRUN 24 IKLIN 7 ISLA 1 KALKARA 8 KIRKOP 8 LIJA 8 LUQA 19 MADLIENA 3 MANIKATA 3 MARSA 6 MARSASCALA 3 MARSAXLOKK 2 MELLIEĦA 42 MĠARR 7 MOSTA 57 MQABBA 5 MSIDA 5 MTARFA 1 NAXXAR 20 PAOLA 1 PEMBROKE 4 PIETA' 3 QAWRA 1 QORMI 77 RABAT 23 SAFI 3 SAN ĠWANN 6 SIGGIEWI 7 SLIEMA 9 ST JULIANS 21 ST PAUL'S BAY 35 ST VENERA 11 SWIEQI 18 TARXIEN 12 VALLETTA 1 ŻABBAR 24 ŻEBBUĠ 41 ŻEJTUN 45 ŻURRIEQ 10 GOZO FONTANA 2 GĦAJNSIELEM 1 GĦARB 2 KERĊEM 2 MUNXAR 1 NADUR 6 QALA 9 SANNAT 4 VICTORIA 21 XAGĦRA 5 XEWKIJA 1 XLENDI 1

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — transfers ta' impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn Jannar 2003 u Marzu 2013, xahar b’xahar għal kull sena b’mod separat? Jista’ jgħid x’kienet il-kariga tal-persuni milquta, il-postijiet fejn kienu u fejn ġew trasferiti u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru tiegħi, id-dipartamenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ingħataw xejn inqas minn 626-il transfer fil-perjodu imsemmi. Meta tlabt din l-informazzjoni lil Transport Malta, ġejt infurmat li m’għandhomx aċċess għas-snin ta’ bejn l-2003 u l-2009. F’dan il-perjodu, din l-Awtorita' kienet maqsuma bejn MMA, ADT u DCA. Aktar informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-Żejtun – Triq il-Ħerba – one way

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W197, jista' l-Ministru jara l-bidla li ntalbet fil-mistoqsija parlamentari ssir peress li ma jagħmilx sens fejn qiegħda l-one way fil-preżent?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita tat-Trasport ser tikkonsulta mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun rigward din it-talba.

Transport Malta — Karigi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' karigi ħarġu mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġewwa Transport Malta? Jista’ jindika liema karigi ngħataw lill-ħaddiema ta’ Transport Malta u liema karigi ġew mimlija minn nies minn barra Transport Malta? Jista’ jgħid jekk għall-karigi li ngħataw lil nies minn barra Transport Malta nħarġitx internal call for applications? Jekk kien hemm xi każ minnhom li għalih ma nħarġitx internal call for applications, x’kienet ir-raġuni li dan ma sarx?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Transport Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhu l-grad li għandha l-persuna li teżerċita d-dmirijiet ta’ personal assistant maċ-chairman ta’ Transport Malta? X' paga u perkaċċi oħra għandha l-istess persuna? X' kien il-grad kif ukoll il-paga ta' din il-persuna qabel ma ħadet din il-kariga?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li teżerċita d-dmirijiet ta’ personal assistant maċ-chairman ta’ Transport Malta qegħdha fi grad maniġerjali A (Senior Executive Assistant to the Chairman / CEO). Il-grad ta’ din il-persuna qabel ħadet din il-kariga kien ta’ Executive (Overtime Grade 1). Ninsab infurmat ukoll li l-paga ta’ din il-persuna hija inqas mill-personal assistant li kienet fi grad ta’ Senior Manager li kellu c-Chairman preċedenti.