Jista' l-Ministru jikkonferma jekk mid-19 ta' Mejju, 1999 sal-lum niżlux xi ajruplani tal-gwerra fl-ajruport internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, meta niżlu, kemm damu, kemm kienu u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mid-19 ta` Mejju 1999 sa llum niżlu u telqu minn Ħal Luqa dawn l-arjuplani:
TIP No. NAZZJONALITA NIŻŻLU TELQU
Tornadoes 3 UK 20-05-1999 21-05-1999
Tornadoes 2 UK 21-05-1999 24-05-1999
Hawks 2 UK 22-05-1999 24-05-1999
P3A 1 USA 26-05-1999 27-05-1999
Jista' l-Ministru jgħid għaliex containers tal-vapur Island Seaway qed jgħaddu minn Gunwharf Gate fejn jgħaddu l-passiġġieri, flok mid-Deepwater Quay? Jekk inhu minħabba ħsarat fil-moll, x'qed iżomm milli tissewwa l-ħsara fil-moll bejn id-Deep Water Quay u Gunwharf fil-Marsa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-containers qed jgħaddu minn Gun Wharf Gate bħala miżura temporanja sakemm jissewwew ħsarat fuq il-Moll ta` Wine Wharf li qasmu l-Moll ta` Gun Wharf mid-Deep Water Quay.
Ix-xogħol fuq dawn il-ħsarat issa beda u mistenni jitlesta sal-11 ta` Ġunju 1999.
Nixtieq nenfasiżża li qed isir kull sforz biex it-tiswijiet isiru fl-inqas żmien possibli.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6893, jista' l-Ministru jagħti fid-dettal x'kien l-eżitu tar-riżultat ta' l-istħarriġ li sar mill-Awtorita' tax-Xandir u mid-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili? L-istazzjon televiżiv in kwestjoni rrimedja s-sitwazzjoni għas-sodisfazzjon ta' l-entitajiet konċernati? L-aċċess għall-antenna huwa ssiġillat għal kull stazzjon televiżiv li qiegħed jagħmel użu mill-antenna tan-Naxxar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li d-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili baqa` jsegwi l-każ, innota li l-interferenzi waqfu f`daqqa fit-12 ta` Mejju. Dan ġie kkonfermat fl-14 ta` Mejju meta rappreżentanti ta` l-Awtorita` tax-Xandir u tad-Dipartiment flimkien ma` rappreżentant ta` l-istazzjon għamlu spezzjonijiet fuq il-post fejn hemm l-apparat tat-trasmissjoni. Filwaqt li d-Dipartiment kien ċert illi l-interferenzi kienu kkaġunati mit-transmitter, it-tekniku ta` l-istazzjon televiżiv ikkonnċernat, meta ġie mistoqsi, qal li huma m`għamlu xejn fuq l-apparat.
L-arblu tal-Għargħur huwa taħt il-kontroll ta` l-Awtorita` tax-Xandir. Persuni tekniċi nominati mill-operaturi ta` l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni għandhom aċċess għat-tagħmir ta` l-istazjon ikknċernat. Dettalji ta` l-ismijiet, dati, ħinijiet u r-raġuni ta` żjara jiġu nnotati mis-Security Guard ta` l-Awtorita`.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6018, jista' l-Ministru jindika b'mod ċar liema huma l-istandards u l-code of practice li huma applikati f'pajjiżi oħra li fuqhom il-kuntratturi huma mistennija li jieħdu l-miżuri xierqa meta jagħmlu xogħlijiet fit-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li s-sewqan isir fuq in-naħa tax-xellug bħal ma jsir fl-Ingilterra, il-`code` li jrid jintuża huwa dak magħruf bħala MOT `Traffic Signs Manual, Chapter 8, Traffic Safety Measures and Signs for Roadworks and Temporary Situations.` Il-Kuntratturi ġie pprovdut lilhom `manual` konċiż ta` dan il-`Code`.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6020, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rakkmandazzjonijiet ta' l-esperti Ġermaniżi dwar il-kwalita' ta' materjal għal patching tat-toroq humiex jiġu segwiti?
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel il-monitoring dwar il-kwalita' tax-xogħol ta' patching fit-toroq biex jiġi assigurat il-value for money?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta` `patching` jitwettaq minn ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiet jew minn kuntratturi appuntati mill-Kunsill Lokali, madankollu qed isiru preparamenti biex isiru diskussjonijiet mall-Kunsilli Lokali dwar dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-Dipartiment tat-Toroq? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fid-Dipartiment tat-Toroq mill-1 ta` Jannar s`issa ma kien hemm l-ebda transfer.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-Dipartiment tal-Posta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Billi l-amministrazzjoni tal-Kumpanija Maltapost plc taqa` taħt il-portafolio tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3724, ta' l-ewwel ta' Frar 1999, dwar il-possibbilta' ta' traffic lights fis-Swieqi, issa li għaddew xahrejn jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għamel l-analiżi neċessarji u għandu parir tat-Transport Research Laboratory illi m`għandhomx jitwaħħlu it-Traffic Lights fil-ħruġ ta` ħdejn il-Green Grove Guest House u li fil-fatt din it-triq għandha tkun dħul biss. Din il-possibilita għad trid tiġi kkunsidrata mit-Traffic Control Board.
Dwar il-ħruġ minn taħt il-bridge għal Regional Road m`hemmx bżonn ta` traffic lights f`din il-lokalita` iżda pjuttost rijalinjament tal-bankini li qed isiru l-pjanti tagħhom biex bi ftehiem mad-Dipartiment tat-Toroq ix-xogħol jitwettaq mill-kunsill tas-Swieqi.
Jista' l-Ministru jgħid meta t-triq Sqaq ta' l-Armal, f'Ħal Qormi, se tiġi rranġata minħabba l-istat diżastruż li tinsab fiha peress li sal-lum minkejja li ilha mibnija qatt ma ġiet mogħtija l-asfalt kullimkien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Sqaq ta` l-Armal jagħmillu manutensjoni il-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid: a) min fassal l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender Taxying Elective Guidance fuq Park 9 għad-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili; b) meta ġiet ippubblikata din it-tender fil-Gazzetta tal-Gvern; c) meta għalqet is-sejħa ta' din it-tender; d) min kien/u li għamel/lu l-evalwazzjoni ta' din it-tender u r-rakomandazzjonijiet finali biex tinxtara din is-sistema; e) liema ditta rebħet din it-tender u min kien, jekk kien hemm, l-aġent lokali ta' din id-ditta; f) meta fil-fatt id-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili rċieva l-materjal u l-komponenti li kienu jappartjenu din it-tender; g) meta ġiet finalment ikkummissjonata din is-sistema; h) din is-sistema qegħda fil-fatt tiffunzjona kif kien oriġinalment speċifikat fis-sejħa għall-offerti oriġinali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispecifications tas-Sistema imsemmija kienu ġew preparati mis-Sezzjoni ta` Elettriku tad-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili.
Is-sejħa għall-offerti ġiet pubblikata fil-Gvern Nru 15553 ta` 7 ta` Frar 1992.
Il-valutazzjoni ta` l-offerti saru minn kumitat magħmul minn Major C Abela, Major L Fenech, Captain M Dalmas u s-Sur J Grech.
Il-kuntratt ġie mgħoti lill-Medairco Ltd ta` 119-120 Msida Valley Road, B`Kara għall-equipment maħdum mid-ditta GEC UK li aktar tard bidlet isimha għal CEGELEC PROJECTS, ENGLAND.
L-equipment ġie kommissjonat fl-14 ta` Settembru 1997.
Il-Kumplament ta` din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli mill-Malta International Airport plc.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kenitx ġiet applikata dik l-hekk imsejħa NOTAM li tat avviż li bdew l-operational trials fuq is-sistema tar-radar il-ġdid ta' Ħal Luqa fil-bidu u matul l-1998? Jekk fl-affermattiv, meta kienet effettiva, matul liema ħinijiet u kemm damet valida? Kien hemm aktar minn NOTAM waħda matul l-1998 li tirriferi għal operational trials u/jew controller's familiarization fuq is-sistema ġdida tar-radar ta' Ħal Luqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fl-1998 ġew maħruġa numru ta` `Notices to Airmen (NOTAM)` li taw avviz li bdew `operational trials` fuq is-sistema tar-radar il-ġdid ta` Ħal-Luqa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-lights li ġew approvati xhur ilu għat-toroq Mdina Road u Manoel Dimech Street f'Ħal Qormi? Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ is-subway għall-pubbliku min-naħa ta' l-iskola primarja fi Triq Manoel Dimech?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li ser jinbeda x-xogħol f`Imdina Road li jinkludi wkoll iż-żona tar-roundabout tat-Triq Manwel Dimech, ikun aħjar li għalissa it-traffic lights f`Imdina Road u ż-żebra crossing fi Triq Manwel Dimech ma jsirux.
Dwar is-subway li tagħti għal ġo l-iskola Primarja, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm kien hemm ħaddiema mpjegati mad-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili fit-30 ta' April, 1998; b) kemm minn dawn ġiet offruta lilhom l-għażla li jmorru mal-MIA fl-1 ta' Mejju, 1998; c) kemm minn dawk li għażlu li jibqgħu mal-gvern, hemm postijiet stabiliti għalihom fid-DCA; d) kemm fil-fatt għad baqa' ħaddiema mad-DCA minn dawk li għażlu li jibqgħu mal-gvern u li ma għandhomx post stabilit mad-DCA; e) kif qed jiġu utilizzati dawn ir-riżorsi umani li m'għandhomx xogħol fid-DCA imma xorta għadhom ma ġewx ippostjati f'dipartimenti oħra tal-gvern?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fit-30 ta` April 1998 kien hemm 415 ħaddiem mhux militari u 209 ħaddiem militari li kienu jagħmlu parti mill-Airport Company u li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lid-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili.
Minn dawn il-ħaddiema 358 ħaddiema mhux militari u l-ħaddiema militari kollha ġew offruti l-għażla li jmorru ma` l-MIA. Minn dawn 302 ħaddiem għażlu li jmorru ma` l-MIA waqt li 208 ħaddiem militari għażlu li jmorru ma` l-MIA.
Minn dawk li għażlu li jibqgħu mal-Gvern id-Dipartiment kellu postijiet stabbiliti għal sitt ħaddiema fil-Motor Transport Section.
Hemm żewġ ħaddiema li għażlu li jibqgħu mal-Gvern li għadhom jirrapurtaw fid-Dipartiment u li għalihom ma hemmx xogħol stabbilit.
Id-Dipartiment mhuwiex f`pożizzjoni li jagħti xogħol lil dawn il-ħaddiema u hemm proċeduri għaddejjin mal-Management & Personnel Office għat-transfer tagħhom kif sar għall-ħaddiema l-oħrajn li ma għażlux li jmorru ma` l-MIA.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex l-ilma nieżel mill-bypass ta' l-Imrieħel ma jibqax jaqleb għal ġot-toroq bħal Triq il-Milied u Triq il-Mitħna, f'Ħal Qormi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li m`hemmx pjani biex isiru xogħolijiet kif imsemmi mill-Onor. Interpellant peress li ż-żona msemmija hemm diversi postijiet fejn jinġabar l-ilma li jkun nieżel minn dawn it-toroq u li jintefa` fil-mina li nbniet taħt l-art biex tieħu dan l-ilma għal Wied ta` Ħal Qormi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattiva qed jieħu l-gvern fejn jidħol is-servizz ta' trasport pubbliku, biex irħula u ibliet kbar bħal Ħal Qormi fejn jeżistu diffikultajiet ta' nuqqas ta' servizz adegwat f'diversi nħawi, jiġu riveduti u/jew introdotti rotot ġodda ħalli ċ-ċittadini jkunu moqdija kif jixraq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku b`mod regolari tiddiskuti ma` l-operaturi tas-servizz kif ukoll mal-Kunsilli Lokali kif jista` jitjieb is-servizz tal-karrozzi tal-linja.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku kkummissjonat dwar il-kondizzjonijiet tal-karozzi tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ma kkummissjonat l-ebda rapport dwar il-kundizzjonijiet tal-karrozzi tal-linja.
Peress li kien hemm diversi talbiet sabiex issir letter box fil-Baħrija, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi u ċioe' jara li din fil-fatt issir fl-affermattiv?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-Baħrija diġa hemm kaxxa ta` l-ittri li tinsab fil-pjazza ħdejn li `stage` tal-karozza tal-linja.
Hu maħsub li din hija biżżejjed għar-residenti tal-lokal u għalhekk ma hemm l-ebda ħsieb li titwaħħal kaxxa ta` l-ittri oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir rigward dawk il-każi fejn ripetutament il-karozzi tal-linja fuq rotta ma jżommux il-ħin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawk il-karozzi tal-linja li jinqabdu ma jżommux il-ħin, jiġu rrapurtati u jekk jinstab li m`għandhomx skuża plawsibbli, jingħataw ċitazzjoni.