Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżami għall-iskrivani tal-Gvern li sar f'Jannar li għadda hux se jibqa' jgħodd? Jekk fl-affermattiv, meta se joħroġ ir-riżultat tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Bħalissa għaddejja investigazzjoni mill-pulizija u għaldaqstant wieħed irid jistenna r-riżultat ta' din l-investigazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi mtlew fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu bejn l-1 ta' Novembru 2012 u s-8 ta' Marzu 2013 u jagħmel referenza għal kull sejħa separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għall-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa` taħti imtlew il-vakanzi kif indikat fil-listi li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dok 'A' - Direttorati fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Dok 'B' - Aġenzija Żgħażagħ
Dok 'Ċ' - Malta Libraries
Dok 'D' - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata
Dok 'E' - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ
Dok 'F' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi
Dok 'Ġ' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
Dok 'H' - Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija
Dok 'I' - Kunsill Malti għall-iSport
Dok 'J' - Universita` ta' Malta
Jista' l-Ministru jgħid jekk Aġenzija Żgħażagħ hux se tiċċaqlaq mill-annex ta’ Casa Leoni minn fejn kienet sa mit-twaqqif tagħha? Jekk dan hu l-każ, għal benefiċċju ta’ min qed isir dan iċ-ċaqliq? Jekk dan hu l-każ fejn se tiġi rilokata l-Aġenzija? L-istandards tal-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija Żgħażagħ se jkunu tal-istess livell ta' dawk preżenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Aġenzija Żgħażagħ mhix se tiċċaqlaq mill-post fejn qiegħda illum.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 204 u t-tweġiba għaliha u b'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija supplimentari li ta l-Prim Ministru lil Kap tal-Oppożizzjoni f'seduta 11, jista' l-Ministru jkun aktar kategoriku u jiċċara ma' din il-Kamra jekk Gvern Laburista hux se jkun qed ikompli miexi fuq il-pjan ta' Gvern Nazzjonalista li jibni skola ġdida kull sena sas-sena 2020?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed issir evalwazzjoni tal-pjan u d-deċiżjonijiet jitħabbru meta jkun il-waqt.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 204 u jista' l-Ministru jgħid kemm qed jistma Gvern Laburista li se jonfoq fuq skejjel ġodda u fil-ħames snin li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Tweġiba bid-dettalji mitluba tingħata meta tittieħed id-deċiżjoni liema skejjel ġodda se jinbnew fil-ħames snin li ġejjin.
Wara li l-media rrapurtat lill-Ministru jgħid li qed jikkonsidra li jagħti preferenza lil manutenzjoni tal-iskejjel eżistenti fuq il-bini ta’ skejjel ġodda jista' jgħid kemm se jkun qed jonfoq f’manutenzjoni l-Gvern?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-media rrapurtatni b'mod skorrett. Bħalissa qed tinħadem l-istima ta' kemm tiswa l-manutenzjoni fl-iskejjel.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 206 u t-tweġiba għaliha, jista' l-Ministru jgħid l-evalwazzjoni ta’ Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta’ Gvern preċedenti Nazzjonalista għall-MCAST x’qed tfittex li tistħarreġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li se nagħti f'Mistoqsija Parlamentari Nru 702.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 206 u t-tweġiba għaliha, jista' l-Ministru jgħid l-evalwazzjoni ta’ Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta’ gvern preċedenti Nazzjonalista għall-MCAST u min huma l-persuni li qed jevalwaw dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-evalwazzjoni qed issir f'diskussjonijiet li qed ikolli ma' persuni differenti fil-qasam edukattiv. Din l-evalwazzjoni għadha fi stadju preliminari ħafna. L-evalwazzjoni formali ssir iżjed 'il quddiem u nkun nista' ninforma lill-Onor. Interpellant b'dan.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni ingaġġati
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mit-13 ta' Marzu 'il hawn kienx hemm xi ingaġġ, minn reklutaġġ fi ħdan il-Ministeru li kien inbeda mill-amministrazzjoni ta' qabel, li twaqqaf jew ġie sospiż, u jekk iva għal liema raġuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-Direttorati fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma jirriżultax li kien hemm xi ingaġġ ta' reklutaġġ li twaqqaf jew ġie sospiż mit-13 ta' Marzu 'l hawn.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li saret manutenzjoni fihom fil-ħames snin li għaddew u liema huma dawk l-iskejjel li se ssir manutenzjoni fihom fil-ħames snin li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dok. 'A' jikkonċerna l-iskejjel kollha fejn sar xogħol ta' manutenzjoni u tisbiħ mill-ħaddiema tal-manutenzjoni li jinsabu kemm fl-iskejjel, kemm dawk li jinsabu fil-Kulleġġi, kif ukoll dawk li jinsabu fit-Technical Services Branch. Dok. 'B' hija l-lista ta' skejjel li fihom saru xogħlijiet ta' upgrading, manutenzjoni u refurbishment mill-FTS.
Fil-ħames snin li ġejjin ix-xogħol ta' manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex ser jitkompla.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jimxi mal-ħsibijiet ta' amministrazzjoni preċedenti f'dak li huwa kontenut diġitali li jista' jiġi aċċessat mit-tablets li jingħataw lill-istudenti tar-raba' sena? Hemm xi kontenut minn dak li kien maħsub li l-Gvern Laburista mhux fi ħsiebu jintroduċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Għadu kmieni wisq biex tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għall-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS) u jekk il-Gvern għandux ħsieb għal xi tibdil fil-funzjonijiet tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed issir evalwazzjoni tal-operat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u deċiżjonijiet dwar il-futur tagħha jittieħdu wara li tintemm din l-evalwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li waqt l-eżamijiet tal-benchmark, tfal li kienu statemented se jingħataw l-għajnuna peress li sas-sena l-oħra, l-iskop tal-eżamijiet tal-benchmark kien li jagħti informazzjoni lit-tfal, lill-ġenituri tagħhom, kif ukoll lill-iskejjel dwar liema livell it-tfal ikunu laħqu f'ħiliet differenti fiż-żewġ lingwi, jiġifieri fil-Malti u fl-Ingliż, kif ukoll fil-matematika? Jekk ir-riposta għall-mistoqsija hija fl-affermattiv, x'se jkun l-iskop tal-eżamijiet tal-benchmark issa peress li l-ġenituri u l-iskejjel mhux se jkollhom stampa ċara ta' fejn waslu t-tfal? Dan se jfisser li sempliċiment se nagħtu lin-nies dak li wegħdnihom qabel l-elezzjoni u se jintilef l-iskop li għalih inħoloq dan l-eżami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tibdil li daħal dis-sena kien biex jagħmel l-assessjar iżjed uman u inklussiv u addattat għal tfal bi bżonnijiet differenti. It-tibdil li sar kien ilu mitlub mill-ġenituri.
FTS — Bord tad-Diretturi u Chairman - remunerazzjoni u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (FTS) fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada fi Frar 2013 kienu:
- Mr Raymond Fenech - Chairman - (Honoraria -€13,976.24 p.a.)
- Mr Joseph Magro - Member - (Honoraria - €2,795.26 p.a.)
- Ms Marilyn Sciortino - Member - (Honoraria €2,795.26 p.a.)
- Ms Roslyn Vella - Member - NIL
- Mr Alfred Rizzo - Member - (Honoraria €2,795.26 p.a.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jibqa miexi fuq il-pjan ta' Gvern Nazzjonalista li jibni skola ġdida kull sena sas-sena 2020?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-pjan ta' Gvern Nazzjonalista li jibni skola ġdida kull sena sas-sena 2020 stmat li jiswa €60 miljun iżda ma kienx hemm programm ta' finanzjament għalih. Qabel ma l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tidħol għal impenji ġodda jrid isir programm ta' finanzjament ġdid u programm ta' ħlasijiet tad-dejn akkumulat ta' izjed minn €70 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid liema minn dawk l-iskejjel li kienu diġà ppjanati li jinbnew matul dawn il-ħames snin li jmiss mhux se jsiru taħt Gvern Laburista 2013 - 2018?