Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Ix-Xagħra - bankini

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15085, 14881 u 14531 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, f’bini ta’ bankini ġodda u manutenzjoni ta’ bankini eżistenti mill-1 ta’ April 2007 sal-lum, u jgħid ukoll kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u l-ammonti tagħhom fi flus, ċjoè, jekk hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għas-snin 2007 (mill-1 ta’ April), 2008, 2009, 2010, 2014 u 2015 (sal-15 ta’ Frar). Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7698 għall-bqija tal-informazzjoni. Intant ninforma l-Onor. Interpellant li li bejn is-16 ta’ Frar u t-30 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra nefaq €1,118 f’bini ta’ bankini ġodda u manutenzjoni ta’ bankini eżistenti b'direct orders.

Għawdex — Kunsill Lokali tax-Xagħra – xiri ta’ konkos

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15086, 14882 u 14532 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, f’xiri ta’ konkos mill-1 ta’ April 2007 sal-lum, u jgħid ukoll kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u l-ammonti tagħhom fi flus, ċjoè, jekk hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għas-snin 2007 (mill-1 ta’ April), 2008, 2009, 2010, 2011, 2014 u 2015 (sal-15 ta’ Frar). Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8244 għall-bqija tal-informazzjoni. Intant, ninfurmah li bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra nefaq €7601.59c f’xiri ta’ konkos.

Kunsill Lokali Xagħra Għawdex – nefqa f’ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15087, 14883 u 14533 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, f’bini u manutenzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ mill-1 ta’ April 2007 sal-lum, u jgħid ukoll kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u l-ammonti tagħhom fi flus, ċjoè hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għas-snin 2007 (mill-1 ta’ April), 2008, 2009, 2010, 2011, 2014 u 2015 (sal-15 ta’ Frar). Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7110 għall-bqija tal-informazzjoni. Intant ninfurmah li bejn is-16 ta’ Frar 2015 u t-30 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra nefaq is-somma ta’ €829.50c fir-rigward ta’ ħitan tas-sejjieħ.

Kunsilli Lokali – żieda fil-complement

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li talbu biex ikollhom ħaddiema iktar mill-complement kif stabbilit mil-Liġi? Liema minn dawn it-talbiet ġew approvati? X’kien ir-riżultat, f’termini ta’ żieda ta’ impjegati b’riżultat ta’ dawn l-approvazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ir-Rabat – Ċentru Ċiviku — lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-lift taċ-ċentru ċiviku tar-Rabat, liema lift ilu wieqaf żmien ġmielu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kunsill Lokali tar-Rabat qed jissottometti li ċ-ċentru ċiviku ma jaqax fir-responsabbilita' tieghu.

Qrati — esperti nominati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li diversi esperti nominati mill-Qrati ġew infurmati li mhemmx flus biex jitħallsu tal-inkarigu tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-flus li hemm allokati għall ħlas ta’ esperti nominati mill-Qrati s’issa ma humiex eżawriti. L-amministrazzjoni tal-Qrati dejjem tagħmel l-almu tagħha sabiex tħallas l-esperti fl-iqsar żmien possibbli. Sal-lum il-pagamenti għadhom isiru regolari.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk hu jew xi membri fis-Segretarjat tiegħu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’ismu jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tiegħu? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lil Onorevoli Interpellant li l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jagħmel użu minn Credit Card maħruġa f’ismu, u li tagħha huwa l-persuna awtorizzata li tagħmel użu minn din il-Card. Din il-Card tintuża skont regolamenti stabbiliti mill-Ministeru għall-Finanzi. In-nefqa globali sal-lum kienet ta’ €92.95

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – entitajiet — użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u jista’ jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li huma sitta l-entitajiet li jiena responsabbli politikament għalihom li jagħmlu użu minn credit cards, kif jidher fit-tabella taħt. Fil-każ ta’ l-Awtorita’ tax-Xandir u t-Teatru Manoel hu s-CEO li għandu awtorita’ jagħmel in-nefqa. Fil-każ tal-Kavallier ta’ San Ġakbu u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta huwa c-Chairman (li jokkupa wkoll ir-rwol ta’ CEO) li għandu awtorita’ jagħmel in-nefqa. Fil-każ tal-Kunsill għall-Arti huwa l-Executive Chairman li għandu awtorita’ jagħmel in-nefqa. Fil-każ tal-PBS kemm c-Chairman u kemm s-CEO għandhom awtorita’ jagħmlu din in-nefqa. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-leġislatura preċedenti kien isir ukoll użu mill-credit cards minn l-entitajiet indikati fit-tabella ħlief għall-Kunsill Malti għall-Arti. Jiena dejjem nesiġi użu għaqli mill-credit card. Fil-fatt, jekk nieħdu l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, minn nefqa medja ta’ EUR 20,500 fis-sena li kienet issir fl-aħħar legislatura, dina niżlet prattikament bin-nofs għal nefqa medja ta’ EUR 12,400 fis-sena. Irrid nghid li fejn jidhol it-Teatru Manoel, l-ammont jidher sproporzjonatament għoli peress li dan l-ammont jinkludi fih l-użu tal-Credit Card in konnessjoni mal-Valletta International Baroque Festival li beda jsir għall-ewwel darba f’Jannar 2013. Bl-istess mod, fil-każ tal-PBS l-ammont qed ikopri ukoll l-użu tal-Credit Card in konnessjoni mal- Eurovision Song Contest, il-Malta Eurovision Song Contest, il-Junior Eurovision Song Contest, il-Eurovision Young Dancers u l-Eurovision Young Musicians. In-nefqa minn kull entità minn Marzu 2013 ’l hawn, l-iskop tan-nefqa u min hu awtorizzat li jagħmel użu mill-credit card jidhru fit-tabella kif ġej: Entità Skop Ammont mill-2013 - 2015 Awtorità tax-Xandir Ospitalità, Xiri ta’ biljetti tal-Ajru, Lukandi 13,821.59 Kavallier ta’ San Ġakbu Ħlas ta’ kmamar fil-lukandi, barra minn Malta kif ukoll f'Malta, Biljetti tal-ajru, Memberships, Reklamar fuq Facebook u Email accounts. 19,421.58 Kunsill tal-Arti, Malta Ospitalità lill-artisti barranin mistiedna tal-Kunsill biex jieħdu sehem fil-Festivals, Reklamar u PR, Xiri ta’ Biljetti tal-Ajru 3,653.54 L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Xiri ta’ Music Scores, Zjara tal-Orkestra Nazzjonali fiċ-Ċina; Vjaġġar barra minn Malta, Reklamar fuq Facebook Charges 24,849.00 Public Broadcasting Services Xiri, Reklamar, Miżati Kompetizzjonijiet Internazzjonali, Safar, Entertianment Lokali, Imgħax u Charges 83,522.81 Teatru Manoel Ospitalità, Xiri ta’ biljetti tal-Ajru, Lukandi, Xiri ta’ Puppets, Xiri ta’ Parċmini tal-Mużika, Reklamar fuq Facebook, Tiġdid ta’ Dropbox 131,659.69

Heritage Malta — Heads

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16403, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-heads ta’ Heritage Malta, dejjem taw sapport lis-CEO? Jekk fl-affermattiv, għaliex dawn ma ngħatawx il-massimu tal-performance bonus kif ingħata lill-istess CEO?

Response (BONNICI, OWEN)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-performance bonus inghata bl-iżjed mod ġust u dejjem skont il-kriterji bħal tas-snin li għaddew.

Heritage Malta – pubblikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16408, jista’ l-Ministru jgħid min f’Heritage Malta huwa responsabbli li jara li ċ-ċirkulari interna dwar proċedura HM 09-2014 li ħarġet is-sena li għaddiet tkun imħarsa u segwita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li huwa s-CEO li jrid jawtorizza li jista’ jsir xogħol privat minn impjegati ta’ Heritage Malta. Madanakollu, kif inhu spjegat fiċ-ċirkulari, fost kundizzjonijiet oħra, huwa obbligu tal-impjegat li jitlob permess meta jkun se jsir xogħol privat u li jinforma jekk jistax ikun hemm xi kunflitt ta’ interess.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16729, jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi maħtur dan il-bord tal-għażla? Min ħa jservi fuq l-imsemmi bord u jekk il-marking scheme hux se ssir b’mod li l-kwalifiċi formali mhux se jingħataw wisq importanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li peress li il-mertu tad-domanda in kwistjoni jinsab pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali, Heritage Malta qed tistenna l-eżitu tal-proceduri industrijali biex tirregola ruħha.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16729, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il membru f’dan il-bord tal-għażla huma kkwalifikati bħala conservators?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li peress li il-mertu tad-domanda in kwistjoni jinsab pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali, Heritage Malta qed tistenna l-eżitu tal-proceduri industrijali biex tirregola ruħha.

Conservators — warrant

Question

B’referenza għall-mistoqsija palramentari 16730, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-diffikultajiet li l-Gvern qed jara sabiex joħroġ warrant għall-conservators meta fl-amministrazzjoni preċedenti kien diġà beda t-Tieni Qari li jemenda l-liġi biex jintroduċi tali warrants?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern preżenti, bħal kull Gvern ieħor, jiġi elett fuq programm elettorali. M'hemm ebda pledge elettorali li jingħata warrants lill-conservators. Jiena nagħti prijorita' li nwettaq l-plegdes indikati fil-programm elettorali, liema pledges qed jiġu mwettqa waħda wara l-oħra mid-diversi Ministri u Segretarji Parlamentari ta' dan il-Gvern. Biss kif diġa' kelli opportunita' li ntenni diversi drabi, il-proposta tal-warrants lill-conservators qed tiġi studjata mal-bqija tas-sottomissjonijiet li rċevejna dwar il-bidliet li se ndaħħlu fil-liġi li tirregola l-patrimonju kulturali

Conservators — warrant

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16730, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern m’għandux interess li jaħdem favur din il-professjoni tant importanti għall-wirt kulturali Malti? Jista’ jassigura li kull xogħol relatat mal-konservazzjoni fuq il-kollezzjoni nazzjonali ssir minn conservators kwalifikati?

Response (BONNICI, OWEN)

Napprezza jekk l-Onor Interpellant jispjega għaliex qed jgħid li l-Gvern m'għandux interess meta jaf bix-xogħol enormi li qed isir fil-qasam tal-patrimonju. Ninsab infurmat li x-xoghol kollu ta’ konservazzjoni u restawr li jikkonċerna l-kollezzjoni nazzjonali isir minn persuni kkwalifikati.

Konverżjoni ta’ ċens temporanju għal wieħed perpetwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13523, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar xhur sar eżercizzju biex tinġabar l-informazzjoni neċessarja biex isir is-social impact assessment. Din l-informazzjoni kellha tkun tinġabar mill-bidu u bħalissa qedgħa f’fażi li tiġi ffinalizzata.

Playgrounds mhux safe

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-playgrounds li l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ma sabitx li huma safe matul din is-sena u jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena, 2015, ma saru l-ebda spezzjonijiet mill-MCCAA.

Kunsilli lokali — enerġija alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għandniex kunsilli lokali li ffirmaw il-commitment tagħhom biex jintlaħqu t-targets dwar l-enerġija alternattiva sal-2020? Jekk iva, liema huma l-kunsilli li għamlu tali ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li hemm 29 Kunsill Lokali fil-Patt tas-Sindki. Dawn huma l-Kunsilli Lokali tal-Imdina, Ħal Qormi, ir-Rabat (Victoria), Had-Dingli, l-Għarb, Ħal Għargħur, Għajnsielem, Ħal Għaxaq, l-Iklin, l-Isla, il-Kalkara, Ħal Kirkop, Marsaskala, il-Mellieħa, Pembroke, il-Qala, il-Qrendi, San Ġiljan, Santa Luċija, is-Swieqi, Ħal Tarxien, Ta’ Xbiex, ix-Xagħra u x-Xewkija, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, il-Fgura, Ħal Lija u n-Naxxar.

PBS Ltd – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15625, jista’ l-Ministru jagħti lista tal-valur tas-salarju u perkaċċi kollha li jikkwalifika għalihom il-Kap Eżekuttiv preżenti tal-Public Broadcasting Services?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kap Ezekuttiv tal-Public Broadcasting Services Ltd. għadu kopert bl-istess kuntratt li kien sar qabel id-9 ta’ Marzu 2013 u għaldaqstant għadu jzomm l-istess remunerazzjoni u perkaċċi. Salarju- € 60,666.12 Allowances: Performance Bonus: 15% Car Allowance : Eur 5,000 Petrol Allowance: Eur 2,000 Mobile Allowance: Eur 4,800

Heritage Malta – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15626, jista’ l-Ministru jagħti lista tal-valur tas-salarju u perkaċċi kollha li jikkwalifika għalihom il-Kap Eżekuttiv preżenti ta’ Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kap Ezekuttiv preżenti ta’ Heritage Malta inhatar direttament mill-Bord tad-Diretturi fit-3 ta’ Lulju 2013 wara li kien ilu jokkupa l-kariga ta’ agent Kap Ezekuttiv minn Jannar 2013 u ta’ Kap Kuratur ghal tmien snin fi hdan l-istess agenzija. Is-salarju hu dak ta’ Eur 43,271 per annum. Expense allowance Eur 11,650 per annum Performance Bonus 15% All-Inclusive Transport Allowance Eur 4,658.75 Free uncapped fixed, mobile telephone facilities and internet service.

Malta Council for Culture and the Arts – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15628, jista’ l-Ministru jagħti lista tal-valur tas-salarju u perkaċċi kollha li jikkwalifika għalihom iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv preżenti tal-Malta Council for Culture and the Arts?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv preżenti tal-Malta Arts Council għandu salarju ta’ €35,583 li hu ekwivalenti għall-pożizzjoni ta’ skala 3 fis-Servizz Pubbliku. Il-kuntratt jipprovdi wkoll għal: Expense Allowance = €2,096.44 fis-sena Allowance tal-mowbajl = sa massimu ta’ €815.28 pagabli wara li jigu pprezentati l-kontijiet koncernati Uzu ta’ karozza = fully expense Performance Bonus = Sa massimu ta’ 15% fis-sena Ħlas ta’ kontijiet ta’ landline wieħed għall-użu lokali kif ukoll internazzjonali. Nirriafferma wkoll li dan il-pakkett finanzjarju hu konsiderevolment anqas, madwar EUR11,000, minn dak tal-persuna li kienet tokkupa l-po¿izzjoni ta’ Kap Eżekuttiv fil-legiżlatura preċedenti. Minbarra hekk, il-Kap Eżekuttiv preżenti qed iservi wkoll ta’ Chairman u b’responsabilitajiet akbar mill-Kap Eżekuttiv preċedenti.