Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il membru tal-korp tal-pulizija għandhom jieħdu ħlasijiet mill-awtoritajiet tal-football imqassma f'ranks differenti?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7844 f'din l-istess Seduta.

Korp tal-pulizija — Membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija bħalissa mqassma f'ranks differenti? Kemm hemm li diġa' għalqu 25 sena servizz? Kemm hemm li se jispiċċaw/diġa' spiċċaw din is-sena għaliex għalqu l-61 sena? Kemm hemm vakanzi bħalissa f'kull rank?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,788 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kif ġej: Kummissarju 1 Deputat Kummissarju 1 Assistent Kummissarju 9 Supretendent 23 Spettur 94 Surġent Maġġur 1 Surġent 312 Kuntistabbli 1,347 Minn dawn hemm 160 li għalqu il-25 sena servizz, filwaqt li ma spiċċa ħadd għaliex għalaq il-61 sena. Infurmat ukoll illi beda l-proċess ta' reklutaġġ ta' kuntistabbli.

Pulizija — Attard - Triq Ħal Warda

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija jew warden fi Triq Ħal Warda, Ħ'Attard billi minkejja li f'ċerti ħinijiet it-triq inkwestjoni tkun magħluqa minħabba li hemm skola u jkun hemm it-tfal deħlin u ħerġin, qiegħed isir ksur fragranti tar-regolamenti tat-traffiku billi l-karozzi jidħlu f'din it-triq xorta waħda fil-ħin li suppost li tkun magħluqa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi qed ikun hemm preżenza tal-Pulizija u ta' gwardjan lokali, kull meta l-eżiġenzi tas-servizz jippermettu, fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola.

Immigranti illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'jista' isir iżjed milli qiegħed isir mill-gvern fil-konfront ta' l-immigranti illegali? Jista' jagħti stima ta' spejjeż komplessivi li ħallas il-gvern matul din is-sena, cioe' kemm swew lill-kaxxa ta' Malta dawn l-immigranti? Kemm ħadu flus l-NGOs mill-gvern tul din l-aħħar sena?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex jindirizza b’mod effettiv il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali li, speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-pajjiż tagħna, inkluż densita’ ta’ popolazzjoni qawwija, hija ta’ piż kbir fuqna. Addottajna diversi miżuri amministrattivi fosthom it-tisħiħ ta’ l-istrutturi ta’ l-uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati bil-għan li l-proċess ta’ determinazzjoni ta’ asylum jitħaffef kemm jista’ jkun. Fl-istess ħin, qed jinfetħu open centres, li llum jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali, minħabba li numru relattivament għoli ta’ immigranti qed jingħataw xi tip ta’ protezzjoni. Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja organizzajna taħriġ għal prattikament kull min jaħdem ma’ l-immigranti illegali, fosthom Pulizija u Suldati, kif wkoll inxtara tagħmir sofistikat li jidentifika dokumenti, nklużi passaporti foloz. Tajjeb jingħad wkoll li l-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali hija waħda internazzjonali u mhux ta’ Malta biss. Għalhekk, kemm fuq livell bilaterali kif wkoll dak multilaterali, jsiru bosta laqgħat regolari bejn ministri u uffiċjali għolja tal-pajjiżi nvoluti, partikolarment fil-kuntest tal-Mediterran, bil-għan li titkattar il-kooperazzjoni u għajnuna reċiproka sabiex din il-problema kumplessa tiġi miġġielda kemm jista’ jkun bi strateġija komuni u koerenti. Bħala membru ġdid ta’ l-Unjoni Ewropeja, Malta flimkien ma l-Italja, qed tipproponi li l-piż kbir ta’ din it-traġedja umana, li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħha Malta żgur ma tistax terfa’ waħedha, jinqasam bejn il-pajjiżi membri kollha, appuntu l-kunċett ta’ burden sharing. Il-politika tal-Gvern f’dan il-qasam hi waħda ċara daqs kemm hi sempliċi. Malta hija kommessa li tgħin lil kull minn verament ħaqqu protezzjoni pero’ fl-istess ħin se tkun iebsa u deċiża ma min ma’ ħaqqux tali protezzjoni. Fil-fatt dawk li ma jingħatawx xi forma ta’ protezzjoni jiġu mibgħutin lura. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor Interpellant għall-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2556.

Ħ'Attard — Triq Ħal Warda

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tissorvelja Triq Ħal Warda f'Ħ'Attard waqt il-ħin tad-dħul fl-iskola tal-gvern għax minkejja li din it-triq suppost tkun magħluqa għat-traffiku, il-vetturi xorta waħda jgħaddu minnha?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7887 f'din l-istess Seduta.

Auto dealers — Vetturi bit-tabelli for sale

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija fil-konfront ta' auto dealers li qed jipparkjaw il-vetturi tagħhom f'toroq ewlenin bit-tabelli "for sale" u jokkupaw spazji pubbliċi nkluż central strips u bankini?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tieħu passi sabiex kemm jista' jkun l-abbuż li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant ma jseħħx.

Ħal Qormi — Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw kontravenzjonijiet konnessi ma' ipparkjar ta' vetturi "for sale" minn auto dealers? Jista' jagħti rendikont tat-taħrikiet li ngħataw skond il-lokalitajiet differenti? Jista' jgħid kemm ħarġu minn dawn il-kontravenzjonijiet fi Triq l-Imdina f'Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab din l-informazzjoni.

Periti — Inkjesti maġisterjali

Question

In vista ta' dak li ntqal fil-gazzetti, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'inkjesti maġisterjali lill-periti kemm legali u oħrajn, fl-ewwel tmien xhur tas-sena kurrenti, kif ukoll min kienu dawn il-periti, kull wieħed kemm irċieva ħlasijiet u minn liema maġsitrat ġew nominati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' ħlasijiet għall-servizz ta' esperti tal-Qorti bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awissu 2004 kien ta' Lm258,967.66 li jinkludi pagamenti li saru lill-laboratorji barra minn Malta. It-tagħrif dwar min kienu dawn l-esperti u l-ammont lilhom imħallas hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kumplament tat-tagħrif mitlub qed jinġabar, u tweġiba dwaru tingħata f'xi seduta oħra.

Avukati legali — Inkjesti maġisterjali

Question

In vista ta' dak li ntqal fil-gazzetti, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'inkjesti maġisterjali lill-avukati legali din is-sena u s-sena l-oħra? Jista' jgħid jekk skond il-liġi avukati jistgħux jinħatru esperti f'dawn it-tip ta' każi? Billi dawn jitħallsu minn fondi pubbliċi, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' dawn l-esperti u kemm tħallas kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja t-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali li avukati ma jistgħux jiġu nominati bħala esperti legali b'eċċezzjoni ta' dawk li jkollhom xi kwalifiki tekniċi speċjali f'xi materja partikolari. L-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Pulizija — Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7738?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jikkonċerna d-dekasteru tiegħi, ninsab infurmat li l-ammont dovut lis-sidien tal-karozzi fuq ċitazzjonijiet tat-traffiku għal karozzi li huma wżati minn impjegati tal-gvern hu ta' tlett mija u disgħin lira (Lm390). Dan l-ammont jirrigwardja d-Diviżjoni Qrati tal-Ġustizzja u dan ser jinġabar mingħand l-istess impjegati.

Qrati — Inkjesti maġisterjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'inkjesti maġisterjali fis-snin 2002 u 2003 separatament kull xahar? Għax-xogħol ordnat (inkjesti) minn kull maġistrat f'dawn is-sentejn, kemm ħallas il-gvern individwalment? Min kienu dawk l-esperti li rċevew ħlasijiet 'il fuq minn Lm3,000 fis-snin 2002 u 2003 u kemm irċevew kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ta' Kandja — Klandestini li jinżammu f'ċentri ta' detenzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkwantifika l-ispiża medja kuljum għall-gvern għal kull immigrant/klandestin li qed jinżamm fiċ-ċentri ta' detenzjoni u ta' kull priġunier fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja l-immigranti/ klandestini, ġentilment nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2556. Għal dak li jirrigwardja persuni mi¿muma fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, ninsab infurmat illi jekk jingħaddu s-salarji ta’ l-impjegati tal-Ħabs, l-ispi¿a ta’ l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmmi ta’ riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa, u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta’ priġunieri f’ kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm 23. 60 kuljum.

Qrati — Multi pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' multi mhux imħallsa fis-16 ta' Awissu 2004 maqsuma: 1) skond is-sena li ġew deċiżi; b) skond in-natura tal-multa (eż. traffiku)?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant ma indikax għal liema perjodu jixtieq it-tweġiba tiegħu, iżda fi kwalunkwe każ, il-multi ma jiġux reġistrati skond in-natura tal-multa. L-ammonti pendenti fis-16 ta' Awissu 2004, għas-snin 1999 sa 2004 għall-Qrati Kriminali u dawk tal-Maġistrati hu kif ġej: Sena Ammont Pendenti (Lm) 1999 106,625 2000 74,884 2001 199,757 2002 179,173 2003 508,852 2004* 1,035,448 * sas-16 ta' Awissu.

Pulizija — Permessi għal fixed hawkers

Question

Huwa possibbli għall-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn permessi tal-pulizija għal fixed hawkers u għal gabbani maqsuma skond kull lokalita' f'Malta u Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Reġistru Pubbliku — Konvenji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati konvenji mar-Reġistru Pubbliku minn wara l-Budget 2003 sal-lum? Huwa possibbli li jingħata l-ogħla valur ta' bejgħ/xiri propost f'konvenju wieħed?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Pulizija — Inkonvenjenzi kawżati minn ħanut tax-xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa jew x'se jieħu dwar l-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ilment imressaq fl-ittra msemmija kien ġie nvestigat u l-persuna li kienet ressqet l-ilment, kienet ukoll ġiet mitkellma mill-Assistent Kummissarju imsemmi ukoll fl-ittra, nhar is-17 ta' Awissu 2004. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel sorveljanza fl-akkwati.

Armi — Liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew liċenzjati armi ġodda din is-sena? X'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-armi li ġew reġistrati għall-ewwel darba din is-sena, kienu kif jidher hawn taħt:- Harpoon guns 192 Spears 17 Air rifles 102 Pistols 11 Percussion cap pistols 2 Flintlock muskets 3 Muskets 1 Black powder revolvers 9 Revolvers 3 Shotguns 284 Air pistols 104 Rifles 15 Flintlock pistols 1 Percussion rifle 1

Żweġijiet biċ-Ċivil

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iżżewġu persuni biċ-ċivil din is-sena? Kemm minn dawn kienu bejn Maltin biss u kemm bejn Maltin u barranin? Ta' liema nazzjonalita' kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 t’ Awissu ta’ din is-sena saru 418 il-żwieġ ċivili f’ Malta. F’ Għawdex, bejn l-1 ta’ Jannar u l-5 ta’ Ottubru, 2004, saru 34. Minn dawn 51 kienu bejn koppji Maltin u 218 bejn Maltin u barranin. Il-barranin li żżewġu ma’ Maltin kienu minn dawn il-pajjiżi:- Albania Australia Azerbaidzhan Belarus Belgium Brazil Bulgaria China Egypt England France Germany Ghana Ireland Israel Italy Jordan Kenya Korea Libya Moldova Mongolia Morocco Nepal Netherlands Nigeria Norway Palestine Philippines Poland Romania Russia Scotland Serbia Sqallija Spain Sweden Syria Taiwan Thailand Tunisia Turkey U.S.A. Ukraine Uzbekistan Yugoslavia

Tfal li tressqu qudddiem il-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal il-qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena sa issa n-numru ta’ minuri taħt 18-il sena li tressqu quddiem il-Qorti kien ta’ erba’ u erbgħin (44). Ir-raġunijiet għax tressqu l-Qorti kienu s-segwenti:- · Inġurji u theddid · Serq ta’ diversi oġġetti bħal CDs u DVD mill-ħwienet, mobile phones, aċċessorji tal-karozzi, karozzi u flus · Pussess u f’ xi wħud mill-każi anke traffikar tad-droga, f’ post frekwentat miż-żgħażagħ · Pussess ta’ arma tan-nar · Pussess ta’ affarijiet misruqa · Sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni u b’manjiera traskurata · Ksur ta’ buon ordni u paċi pubblika u kliem oxxen fil-pubbliku · Feriti ħfief u ħsara volontarja · Offiżi lejn il-pudur u l-morali ta’ terzi · Ġrieħi gravi per durata · Żamma ta’ senter mingħajr liċenzja