Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li applikat biex tixtri id-dar tagħha mingħand il-gvern fil-bidu ta' din is-sena ma nħadmiliex il-prezz fuq is-sistema meta applikat imma nħadmet bis-sistema l-ġdida?
Il-prezz li ġie stmat mill-perit huwa eċċessiv meta id-dar ġiet stmata aktar minn Lm 50,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-prezz tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant inħadem fuq is-sistema ta' meta saret l-applikazzjoni, jiġifieri taħt Skema 6.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu temporanjament billi qed jaħdmu minflok ħaddiema li qegħdin jagħmlu użu minn miżuri bħal parental leave, responsibility break, career break, study leave, etc.? Jista' jgħid f'dawn il-każi fejn dawn il-ħaddiema fuq leave twil ma jitħallsux, jekk dawn għadhomx mal-lista ta' l-employed flimkien ma' dawk li temporanjament ħadulhom posthom?
Jista' l-Ministru jinvestiga u jara jekk hux il-każ ta' konflitt ta' interess dwar il-mod li bih qegħdin jiġi allokati t-tenders tad-Dipartiment tat-Tiswija u Bini tad-Djar meħud in konsiderazzjoni l-legami bejn impjegati fi ħdan l-istess dipartiment u l-kuntratturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirriferi għall-fatt li wieħed mill-kuntratturi li qiegħed jieħu kuntratti mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jiġi minn wieħed mill-impjegati tad-Dipartiment. Kif ġa kelli okkażjoni inwieġeb għal mistoqsija simili aktar kmieni din is-sena, l-impjegat in kweistjoni mhuwiex involut la fil-proċess ta' l-adġudikazzjoni tat-tenders u anqas fis-superviżjoni jew kejl ta' xogħol. Għalhekk il-kwistjoni ta' konflitt ta' interess ma tirriżultax.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) X'inhu n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta? (2) X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? (3) F'liema dipartiment jew korporazzjoni qegħdin jaħdmu? (4) X'inhi d-date of appointment tagħhom? (5) Min huma dawk il-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm issejħu strikes u ngħataw direttivi għal azzjonijiet industrijali oħra fil-perijodu Ottubru 1996 - Lulju 1998, b'indikazzjoni ta' liema unions sejħu l-istrikes u taw id-direttivi għall-azzjonijiet industrijali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bejn Ottubru 1996 u Lulju 1998 issejħu 13-il azzjonijiet industrijali. Il-unions li sejħu dawn l-azzjonijiet industrijali kienu il-GWU u l-UĦM.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18469, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti din l-istatistika maqsuma skond l-etajiet, is-sess u l-livell ta' l-edukazzjoni tagħhom?
Jista' jagħti din l-informazzjoni aġġornata sal-preżent u mhux sa Ġunju biss?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Staff complement
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement tal-ministeru tiegħu? Kemm ġew impjegati nies minn barra? Kemm ġew sekondati minn kumpanniji parastatali u liema kumpanniji huma? Kemm kienu ttrasferiti minn ħdan dipartimenti oħra tal-gvern? Kemm ingħataw transfers lill-individwi li kienu jaħdmu fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu u llum jaħdmu ġo dipartimenti oħra li ma jaqgħux taħt il-Ministeru tal-Politika Soċjali jew sempliċement ġew trasferiti minn sezzjoni għal oħra fl-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hi kif tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perijodu li dwaru qiegħed jitlob l-informazzjoni mit-tieni sa l-aħħar parti tal-Mistoqsija kif ukoll jiċċara x'jifhem b'impjegati "minn barra".
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm konsulenti fil-minsiteru tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tagħhom? Jista' jgħid x'inhuma t-terms of reference tagħhom? Jista' jagħti job description ta' kull wieħed minnhom? Fejn ġew ikkummissjonati rapporti minn dawn il-konsulenti, jista' jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
KONSULENTI
Ministeru Dr Ruth Farrugia Konsulenta fil-Ministeru dwar
leġislazzjoni dwar it-tfal.
Servizzi Korporatt- Mr Charles Theuma Konsulent mal-Ministeru dwar
ivi u Dipartiment tas- Information Technology fuq
Sigurta' Soċjali bażi part-time.
SEDQA Dr Richard Muscat Servizz ta' konsulenza lill-
Aġenzija SEDQA fil-qasam
tar-riċerka u l-Pompidou Group
tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar
'addictions'.
Programm Ħidma Dr Georg Sapiano Konsulent Legali biex
jirrappreżenta l-interessi legali
ta' l-Aġenzija.
Nisa fis-Soċjeta' Ms Frances Camilleri Konsulenta full-time dwar
gender issues.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti relattivi.
Ma nħossx li rapporti minn dawn il-konsulenti, fejn ġew ikkummissjonati, għandhom jiġu ppubblikati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda mal-korpi parastatali/awtoritajiet/kummissjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet tiegħek mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
IMPJEGATI ĠODDA
Aġenziji/Korporazzjonijiet/ Numru ta' Impjegati Ġodda
Entitajiet
Full-time Part-time
Kummissjoni Nazzjonali Persuni 3 - b'Diżabilita'
Awtorita' tad-Djar 4 -
Programm Ħidma Soċjali 42 5
Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ 25 -
SEDQA 27 6
Peress li skond il-figuri maħruġa mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, jidher li f'Settembru 2000 kien hemm 16179 self-employed, jista’ l-Viċi Prim Ministru jaqsamhom skond ix-xogħol li jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet is-somma li ngħatat bħala sussidju b'servizz ta' għajnuna speċjali mill-Assistance Apparatus Fund, lil persuni b'diżabilita' f'dawn l-aħħar 5 snin sena b'sena?
Kemm kien in-numru ta' dawk li applikaw fl-istess perjodu u x'kienet id-diżabilita' tagħhom u kemm minnhom baqgħu fuq il-waiting list?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba, minbarra dik dwar in-natura tad-diżabilita' li statistika dwarha ma tinżammx, hi kif tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tirċievi għajnuna soċjali mnaqqsa ta' boarding out minħabba nuqqas ta' regolarita' fil-ħlas tal-bolli tan-National Insurance? Tista' tinvestiga l-ilment ta' din il-persuna li nies oħra li ħallsu anqas bolla minnu qed jirċievu iżjed f'għajnuna
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru W142.
Housing Construction & Heritance Department — Operations Manager Tenements Repairs Unit
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-PSE qiegħed jinvestiga r-riżultati ta' l-interviews għal grad ta' Operations Manager Tenements Repairs Unit fil-Housing Construction & Heritance Department?
Jista' jgħid fuq liema inizjattiva dan l-istħarriġ qiegħed isir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li sar protest minn wieħed mill-kandidati li applika għall-grad ta' Operations Manager fit-Tenement Repairs Unit tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Għalhekk il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku qiegħda tinvestiga l-ilment ta' dan il-kandidat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li huma sid ta' darhom? Kemm hawn persuni li qed jgħixu ġo rented accomodation? Kemm hawn djar li huma vojta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinstab fir-rapport taċ-Ċensiment li kien sar fl-1995.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mir-riżultat tal-Konferenza Nazzjonali dwar il-Housing li saret fit-13 ta' April, 2000?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat ta' dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-dokumenti ta' riċerka preżentati waqt il-konferenza ndikata mill-Onor. Interpellanti ser jiġu ppubblikati dalwaqt flimkien mar-rakkomandazzjonijiet dwar Housing Policy.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinfetaħ l-Cottonera Family Resource Centre? Min se jkun id-direttur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa maħsub li partijiet mill-Cottonera Community Resource Centre jkunu jistgħu jibdew jiffunzjonaw wara nofs is-sena d-dieħla. Hu maħsub ukoll li dan iċ-Ċentru jkun immexxi minn manager li sa issa għadu ma ġiex identifikat.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 21283, jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim bejn l-Awtorita' tad-Djar u l-Coastal Mangement Co. Ltd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif għidt diġa' fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21283, f'Seduta Numru 432, dettalji dwar il-ftehim, ser jingħataw aktar tard. Ninforma lill-Onor. Membru li l-ftehim ikopri s-somma massima ta' Lm15 għal kull spezzjoni li ssir u dan taħt il-kundizzjoni li l-ispezzjonijiet kollha iridu jitlestew sa l-aħħar ta' din is-sena. Kopja tal-ftehim ser titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-gimgħa d-dieħla.