Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-ismijiet tal-persuni kollha li kienu parti mill-proċess kollu ta’ għażla fl-2013 immexxi mill-Enemalta sabiex eventwalment intgħażlet l-ElectoGas bħala l-preferred bidder f’Ottubru 2013?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fit-tarf ta’ Triq il-Palma Tarxien qiegħed isir żvilupp mill-privat f’sit li sa ftit ilu kienet ħofra? Jista’ jgħid x’ġie approvat? Jista’ jgħid ukoll jekk inħareġ x'ser isir? Jista’ jgħid kemm hemm permess ta’ għoli mil-livell tat-triq peress li għaddejja petizzjoni u ġejt mitlub minn għexieren ta’ residenti li nagħmel din il-mistoqsija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika fuq pjanta l-art eżatta li qed jirreferi għaliha.
Awtorità tal-Ippjanar – Munxar Għawdex – manure clamp
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx xi applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex issir manure clamp jew xi ħaġa simili fil-Munxar, Għawdex? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ħaditx passi wara dak li deher f'ġurnal lokali (Malta Independent) dwar dak propost li jsir fil-Munxar aktar u aktar meta jidher li kull raħħal f'Għawdex ġie mitlub jiffirma ftehim bil-miktub biex jieħu d-demel tal-farm tiegħu fil-Munxar biex jiġi proċessat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt informat mill-Awtorità tal-Ippjanar li ma daħlet l-ebda applikazzjoni, kif imsemmija mill-Onor Interpellant, għand l-istess Awtorita . Kull applikazzjoni validata, tigi ppublikata skont il-liġi għall- informazzjoni tal-pubbliku inġenerali.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dak li kien l-impjant ta' desalinazzjoni f'Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex hux ippjanat li jerġa’ jibda jintuża? Jekk se jibda jintuża x'se jkun l-iskop tiegħu? Saru studji ambjentali biex jiġi assigurat li ma jagħmilx ħsara lill-baħar tal-bajja ta' Ħondoq u tal-madwar? Kien hemm diskussjoni mal-Kunsill Lokali tal-Qala dwar dan peress li dan il-Kunsill jidher li kellu pjanijiet oħra għal dan il-post?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qeghda tistudja l-possibilta’ li jiġi riġenerat l-impjant ta’ desalinazzjoni f’Ħondoq ir-Rummien, fil-Qala. L-iskop huwa li tiġi mtejjba l-kwalita’ tal-ilma tax-xorb. Bħalissa qegħdin fil-proċess tal-istudju ambjentali biex jiġi assigurat li ma ssirx ħsara lill-baħar tal-bajja ta’ Ħondoq u tal-madwar. Il-Korporazzjoni tikkonferma li diġa’ saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Qala dwar dan.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31677, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-art ta' quddiem l-Iskola Primajra ta' Ħal Tarxien (li l-pjanta tagħha qed tingħata separatament) hijiex proprjetà tal-Gvern jew tal-Privat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-art indikata fuq il-pjanta li kopja tagħha ngħatat separatament, hi art privata dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku permezz ta’ żewġ dikjarazzjonijiet tal-President ta’ Malta, Avviz, Nr 689 datat 11 ta’ Ottubru 1974 għall-kejl ta’ 375m² u Avviz Nr 687 datat 30 ta’ Ottubru 1990 għall-art li tkopri l-kejl kumplessiv ta 4817m².
Water Services Corporation — Sistema tad-drenaġġ - Raħħala Għawdxin li jbattlu l-ħmieġ mill-farms
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-postijiet li fihom ġew awtorizzati r-raħħala Għawdxin biex ibattlu l-ħmieġ mill-farms tagħhom fis-sistema tad-drenaġġ tal-Water Services Corporation(WSC)? Jista' jgħid jekk meta jsir dan it-tbattil fis-sistema tal-WSC, ikunx hemm superviżjoni? Jista' jgħid min hu l-kuntrattur awtorizzat li jagħmel dan it-tbattil fis-sistema tal-WSC u kif ġie awtorizzat? Jista' jgħid kemm-il darba fl-aħħar sena s-sistema kellha problema u kien hemm fawrien tad-drenaġġ minħabba dan it-tbattil ta' ħmieġ li jkun ġej mill-farms?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Korporazzjoni ma tagħti l-ebda permessi biex jintrema l-ħmieġ mill-farms. Matual l-aħħar sena kien hemm erba’ każijiet ta’ sadd fis-sistema minħabba dan it-tbattil.
San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – triq li ċediet
Question
Billi jekk tagħti daqqa t’għajn lejn in-numru ta’ postijiet minn ħdejn il-Knisja tal-Karmnu sa ħdejn l-HSBC fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, tara li jew fuq inkella maġenb il-main tad-drenaġġ, hemm partijiet sostanzjali fejn it-triq ċediet, tista' l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma tara li s-sistema tad-drenaġġ hux qed tikkawża dawn il-ħsarat, biex fil-każ it-triq tiġi msewwija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li nvestigat l-ilment tal-Onor. Interpellant u tikkonferma li m’għandhiex ħsarat fuq il-main tad-drenaġġ fil-partijiet imsemmija.
Billi qed jingħad li dalwaqt se jibda jintuża s-second class water mill-impjant taċ-Ċumnija, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jibda jintuża dan l-ilma? Fejn u minn min?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma li se tingħata iktar informazzjoni fil-futur.
Ftuħ tal-presepju Malti fil-Vatikan – delegazzjoni Maltija
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tad-delegazzjoni Maltija li marret il-Vatikan għall-ftuħ tal-Presepju Malti? Jista’ jgħid jekk id-delegazzjoni kenitx tikkonsisti f’numru sostanzjali ta’ persuni qrib tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u jekk dawn il-persuni ngħatawx trattament privileġġat inkluż ħlasijiet tal-ispejjeż kollha marbuta mal-vjaġġi u lodging matul iż-żjara tagħhom f’Ruma? Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi lista ta’ dawk id-delegati li bbenefikaw minn xi forma ta’ finanzi biex żaru l-presepju Malti fil-Vatikan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellanat biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Staff – reduced hours u teleworking
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm staff li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu b’reduced hours jew għandhom faċilitajiet ta’ teleworking?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-funzjoni taċ-ċentri oħra ta’ servizz.gov u kemm hawn minnhom sal-lum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-funzjoni taċ-ċentri ta’ servizz.gov hija li toffri
servizzi governattivi fil-qalba tal-komunitá biex ic-cittadin jiffranka li jzur postijiet centrali bhall Belt Valletta biex jinqeda.
Servizz.gov jaqdi talbiet għall- :
i) Informazzjoni,
ii) Applikazzjoni,
iii) Appuntament ma’ dipartiment jew entita’ tal-Gvern,
iv) Sottomissjoni ta’ lmenti,
v) Għoti ta’ suġġerimenti dwar servizzi tal-Gvern.
Fil-pre¿ent hemm 5 ċentri għas-servizz tal-pubbliku. Dawn jinsabu;
Il-Birgu – Ċentru Leap (parti minn)
Birkirkara – Ċentru Ċiviku (parti minn)
Raħal Ġdid - Kunsill Lokali (parti minn)
Qawra – Ċentru Leap (parti minn); u
Hal Qormi – Ċentru Servizz.gov
Servizz.gov joffri madwar 250 servizz. Lista ta’ dawn is-servizzi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31273, u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tappieri tad-drenaġġ (manholes) li għandha l-Water Services Corporation fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar? Billi numru sostanzjali minn dawn il-manholes huma mniżżla ‘l isfel mill-wiċċ tat-triq, jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess tappieri, u t-tarmakk ta’ madwarhom jiġu rranġati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fil-fatt sarux spezzjonijiet fuq l-istess tappieri, kif ukoll x'kienu r-riżultati ta' tali spezzjonijiet? Kemm mit-tappieri kkonċernati, fil-fatt ġew mgħollija sal-livell meħtieġ fit-triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li n-numru ta’ manholes fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar jammonta għal 1400. Il-Korporazzjoni bdiet bl-ispezzjonijiet meħtieġa u t-tappieri li huma fi stat ħażin qed qed jiġu rranġati. Minn Jannar sal-lum ġew irranġati 9 tappieri.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Gvern ta direttiva lill-importaturi privati tad-diesel sabiex jaġġustaw il-prezz tal-bejgħ tad-diesel mill-pompi mill-€1.14 għal kull litru sabiex id-diesel issa jinbiegħ €1.18 kull litru daqs kemm diġà qed jinbiegħ mill-Enemalta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jagħtix tali direttivi peress li s-suq lokali tal-fuel ġie liberalizzat fl-2007 mill-Gvern ta’ dak iz-zmien. Tajjeb li nirrimarka lill-Onorevoli Interpellant illi hija l-kumpanija Enemed li topera fis-suq lokali tal-fuel u mhux l-Enemalta. Dawn huma zewġ kumpaniji distinti minn xulxin.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu dwar ittra li l-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir qed jingħad li kitbu lill-istess Prim Ministru dwar il-mod kif qed jiġu ttrattati fl-istess awtorità? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu f'din l-awtorità, u kemm minnhom fil-fatt iffirmaw l-istess ittra? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ittieħdux xi passi partikulari dwar dan is-suġġett, iktar u iktar meta wieħed iqis kemm hi importanti din l-istess awtorità għal dak li jirrigwarda x-xandir f'pajjiżna?
San Pawl il-Baħar – spezzjonijiet tas-sistemi tal-elettriku tad-djar residenzjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ħaddiema tal-Enemalta, jew ħaddiema mqabbda mill-istess Enemalta, kenux qed iduru fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar, b'xi tip ta' apparat biex jispezzjonaw is-sistemi tal-elettriku tad-djar residenzjali jew ta' postijiet oħra, minn barra dawn l-istess postijiet, u dan minħabba l-fatt li dehru nies jagħmlu tali spezzjonijiet, u meta kien hemm min staqsihom, fil-fatt wieġbu li kienu qed jagħmlu inspections f'isem l-Enemalta? Jekk veru kien hemm tali spezzjonijiet, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop ta' dawn l-ispezzjonijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Enemalta plc li x-xogħol indikat huwa parti minn proċess kontinwu ta’ spezzjonar u manutenzjoni tas-sistema tad-distrubuzzjoni tal-elettriku nazzjonali u ta’ sistemi oħrajn relatati. Dawn l-operazzjonijiet isiru b’mod regolari madwar il-pajjiż.
Korpi tal-Emerġenza, Pajunieri, Dirgħajn il-Maltin Iżra u Rabbi — Arretrati
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid humiex se jieħdu l-arretrati li għandhom jieħdu dawk maħtura bħala tal-Korpi tal-Emerġenza, Pijunieri, Dirgħajn il-Maltin, Iżra' u Rabbi eċċ.?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellanat biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31714, li kienet dwar ħatriet għall-post ta’ messaġġier mas-Servizz Pubbliku, fejn fit-tweġiba għaliha ngħad li l-ħatriet kien għadhom ma bdewx jinħarġu għar-raġuni li kien hemm proċess għaddej quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u ntqal ukoll li dawn il-ħatriet se joħorġu wara li dawn il-proċessi jitlestew, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-każ ta’ sejħa dwar il-proċess ta’ Għażla Kompettiv għad-dħul fil-grad ta’ Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta ma ġietx applikata l-istess proċedura, meta f’dan il-każ, minkejja li saru diversi petizzjonijiet mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li d-deċiżjoni finali għalihom għadha ma ngħatatx, fl-istess waqt hemm numru ta’ applikanti li diġà ġew appuntati fil-grad ta’ Uffiċjal Prinċipali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku hija korp kostituzzjonali awtonomu li jirregola l-proċeduri tiegħu. Infurmat li l-proċess ta’ għazla li jirrigwarda l-grad ta’ messaġġiera waslu fi tmiemhom ukoll.