Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm impjegati u f'liema gradi huma tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998, ġewwa d-Dipartiment tas-Saħħa ġewwa Raħal Ġdid?
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq hux se jkun sptar ġenerali, akut, speċjalizzat u University Teaching Hospital bi skola medika u istitut tas-saħħa jew inkella hux se jkun kif kien ippjanat taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel l-elezzjoni ta' l-1996?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Gvern preżenti diġa kkonferma li l-Isptar il-ġdid f'tal-Qroqq ser ikun Sptar Ġenerali w akut. Kif kien ippjanat minn Amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel l-elezzjoni ta' l-1996, dan l-isptar ser ikun speċjalizzat u `University Teaching Hospital', bi Skola Medika w Istitut tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid meta ntrebħet l-aħħar tender għax-xiri ta' patata fl-iSptar Monte Carmeli? Kemm kien il-prezz kull kilo tat-tender li rebħet il-kuntratt? Min rebaħ it-tender?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-aħħar tender għax-xiri ta' patata għall-perjodu bejn 16/12/98 u 30/06/99 għad-dipartiment tas-Saħħa li jinkludi l-Isptar Monte Carmeli ngħata fl-4 ta' Awissu 1998 lis-Sur Ray Abdilla ta' `Le Nid', Kuċċard Street, Safi għall-prezz ta' 9.4ċ il-kilo.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiftħu applikazzjonijiet għall-Health Assistance Trainee fid-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk iva, meta u kemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Unions f'Mejju 1993, il-grad ta' Health Assistant ġie ddikjarat bħala 'dying grade' u ma kellu jsir l-ebda reklutaġġ iżjed ta' Health Assistants. Għalhekk id-Diviżjoni tas-Saħħa mhix ser tibda taħriġ ta' Health Assistant Trainees.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm xi każi ta' legionella li saritilhom din id-djanjosi dan l-aħħar? Kemm kien hemm każi? F'liema hotel kienu alloġġjati u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-bidu ta` Mejju ta` din is-sena sa llum kien hemm ħames każijiet ikkonfermati ta` legionnaires disease.
Erbgħa minnhom kienu barranin: tnejn Ingliżi, wieħed Skoċċiż u waħda Awstriaka. Każ ieħor kien f'ċittadin Malti li x'aktarx is-sors huwa minn barra minn Malta. Infomazzjoni fuq il-lukandi hija kunfidenzjali iżda nista` ngħid illi l-barranin involuti kienu alloġġjati f'erba lukandi differenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' policy nazzjonali ta' screening regolari għandu d-dipartiment għal dawk iċ-ċittadini li jbatu mill-kondizzjoni tad-dijabete u għal dawk li jistgħu jitqiesu bħala at high risk?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1693 qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jelenka minn liema lokalitajiet kienu ġejjin dawk li ffrekwenta id-Detox Unit fl-Isptar San Luqa sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Domanda għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn m'humiex qed isiru Ophthalmic angiograms fl-Isptar San Luqa u x'waiting list ta' pazjenti hemm li qegħdin jistennew din it-tip ta' investigazzjoni? Xi ħsieb hemm biex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-bidu ta' Settembru ta' din is-sena is-servizz ta' Ophthalmic Fluorescein Angiography waqaf għax il-magna li ilha 'l fuq minn ħmistax-il sena nkisret. Ta' min jgħid li f'Marzu ta' l-1998 l-Ophthalmic Department irrakkomanda li l-magna tinbidel u tinxtara magna ġdida. Bħalissa hemm 32 pazjent fuq il-waiting list għal din l-investigazzjoni. L-engineering department ikkonfermaw illi l-magna ma tistax tissewwa għax hija obsolete u għalhekk id-Dipartiment tas-Saħħa sejjer jixtri magna ġdida mill-iktar fis possibli.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir fil-prattika biex prodotti skaduti ma jkunux għal bejgħ fil-ħwienet? X'tip ta' monitoring qed isir? X'tip ta' passi qed jittieħdu? Kemm insabu każi mill-5 ta' Settembru 'il hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel u t-tieni parti tad-domanda d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-Ispetturi tas-Saħħa u l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Port jissorveljaw il-prodotti tal-ikel kemm meta jiġu mpurtati kif ukoll meta jkunu esposti għall-bejgħ fil-ħwienet. Rigward it-tielet parti tad-domanda d-dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-Ispetturi tas-Saħħa tal-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Port jaħdmu f'kooperazzjoni mad-Dipartiment tad-Dwana, biex prodotti tal-ikel, li jkunu destinati għall-konsum mill-pubbliku (the Ultimate consumer) ma jiġux rilaxxjati mid-Dwana, qabel ma l-istess Uffiċċjali tas-Saħħa jkunu sodisfatti li tali prodotti impurtati jkunu jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti li jkunu, minn żmien għal żmien legali f'Malta w Għawdex.
Għar-rigward ta' x'passi qed jittieħdu fil-ħwienet fejn ikunu esposti għall-bejgħ tali prodotti, ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ispetturi tas-Saħħa jissorveljaw dawn il-ħwienet bħala proċedura normali u fejn jinstabu nuqqasijiet jew ksur tal-liġijiet jew regolamenti eżistenti jittieħdu l-proċeduri neċessarji skond kif ikun indikat f'kull każ partikolari.
Rigward ir-raba parti tad-domanda ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 sa 25 ta' Novembru 1998 ħames każi ġew irrapurtati lil-Kummissarju tal-Pulizija biex jittieħdu passi legali kontrihom fil-Qrati tal-Ġustizzja, waqt li żewġ konsenji ta' affarijiet tal-ikel ġew miżmuma mill-Uffiċċju tal-Port peress li ma kienu jikkonformaw mal-liġijiet eżistenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mis-6 ta' Settembru, sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartiment ta' l-Ambulanzi? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'għandix x'inżid mat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.141 ħlief li ċ-ċaqlieq ta'mpjegati jsir skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mis-6 ta' Settembru, sat-28 ta' Ottubru, 1998 fiċ-Ċentri tas-Saħħa? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru t-transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'għandix x'inżid mat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 141 ħlief li ċ-ċaqlieq ta' mpjegati jsir skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jikkonferma allegazzjonijiet li l-konsum tal-fuel mit-Transport Section ta' l-Isptar Monte Carmeli irdoppja bejn Novembru 1996 u Awissu 1998 meta mqabbel ma' l-istess perjodu taż-żmien ta' qabel? Jekk dan hu minnu, jista' l-Ministru jikkonferma li din iż-żieda kienet reġistrata meta x-xogħol kien naqas drastikament? Jekk dan hu minnu, x'passi qed jittieħdu mid-Dipartiment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minn statistika ta` konsum ta` fuel mit-Transport Section ta` l-Isptar Monte Carmeli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, ma jidhirx li l-konsum irdoppja.
Jista' l-Ministru jagħti l-ammont u l-lista ta' mediċini li kienu nieqsa f'Lulju, f'Awissu, f'Settembru u f'Ottubru, 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern joħorġu 'out of stock lista' darba fil-ġimgħa. Għaldaqstant l-informazzjoni hawn mogħtija ttieħed mill-listi li ħarġu fl-ewwel ġimgħa ta' kull xahar li għalih l-Onor. Interpellant staqsa fuqhom.
Dawn il-listi jinkludu:
1. mediċini li qegħdin jiġu diskussi mid-'Drugs and Therapeutics
Committee (DTC)' biex jiġu maqtugħa minn fuq il-formularju.
2. mediċini li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu problema
biex jixtrihom minħabba li ħadd ma qiegħed jikkwota għalihom.
3. mediċini li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi
Farmaċewtiċi tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom fl-ispiżeriji
tal-Gvern.
Il-Listi qed jiġu ppreżentati fil-paġni li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jikkonsma mediċina lill-poplu Malti fis-sena? Liema hi l-iktar mediċina li tintuża u għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Minsteru tas-Saħħa mhux f'pożizzjoni li jżomm statistika ta' kemm jikkonsma mediċini l-poplu Malti fis-sena fl-isptarijiet u kliniċi tal-Gvern u tal-privat.
Jekk l-Onorevoli Deputat hija nteressata tkun taf il-kwalita' mixtrija mill-Gvern ta' mediċina partikolari din tista' tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-pazjenti Maltin li bbenefikaw min kura barra minn Malta matul l-1998 xahar b'xahar? X'kienet l-ispiża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pazjenti Maltin li bbenefikaw minn kura barra minn Malta matul l-1998 kienu:
1998
______
Jannar - 30
Frar - 34
Marzu - 39
April - 34
Mejju - 33
Ġunju - 18
Lulju - 36
Awissu - 38
Settembru - 38
Ottubru - 29
L-ispiża totali sa l-aħħar ta' Ottubru kienet:
Lm469,335.18,0.
________________
Jikkonferma l-Ministru li hawn nuqqas ta' psychiatric nurses? X'qed iżomm lid-dipartiment milli jimpjega infermiera speċjalizzati f'dan il-qasam li applikaw biex jaħdmu fl-istess dipartiment f'dawn l-aħħar żmenijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iż-żewġ infermiera li speċjalizzaw f'dan il-qasam dan l-aħħar ma jistgħux jaħdmu għax għadhom m'humiex reġistrati man-Nursing and Midwifery Board skond il-liġi. Dan ġara għax huma stess ma marrux japplikaw għar-reġistrazzjoni ma' l-istess Board.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni jekk hemmx cardiac defibrillators disponibbli biex joħorġu ma' l-ambulanzi u jekk le, jistgħu jiġu pprovduti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ambulanzi normalment ma joħorġux bil-cardiac defibrillators magħhom sakemm l-informazzjoni dwar il-każ li għalih tkun ħarġet l-ambulanza, ma tirrekjedix li dan isir.
Hemm pjanijiet proġettati biex in-numru ta' erba' defibrillators li hemm fl-E.& A. Department jiżdied.
B'riferenza għat-talbiet tal-familji Rabtin sabiex jiġi estiż wieħed miċ-Ċimiterji tar-Rabat (Malta), jista' l-Ministru jinformani bil-programm tal-Gvern ċioe' meta se tiġi ċċarata l-pożizzjoni uffiċjali u jiġi estiż wieħed minn dawn iċ-ċimiterji?
Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' familji li applikaw sabiex ikollhom qabar tal-familja fir-Rabat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux possibli li jigi estiż xi cimiterju tar-Rabat minn dawk eżistenti.
Qed isir l-istħarriġ meħtieġ biex ikun magħruf kemm hu possibli li jinbena cimiterju iehor fil-lokalita' tar-Rabat.
In-numru ta' familji mir-Rabat li applikaw sabiex ikollhom qabar tal-familja hu ta'537.