Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti din is-sena talli tkellmu ħażin u/jew dgħaw fil-pubbliku? Kemm minn dawn il-persuni kienu ġo xi ground tal-futball meta allegatament wettqu r-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena (sal-15/06/99), tressqu 385 persuna l-Qorti dwar ir-reati speċifikati fil-Mistoqsija u li 4 minnhom kienu ġo ground tal-football.
Jista' l-Ministru jgħid il-gymnasium ta' l-Imtarfa: (1) Min hu is-sid tiegħu? (2) Lil min hu mikri? (3) Għal kemm żmien hu mikri? (4) Kemm qed titħallas kera jew ċens fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proprjeta` li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija amministrata mill-Housing Authority. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-applikazzjoni numru 2498/99 sottomessa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fir-rigward ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Jista' l-Ministru għaldaqstant iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni sottomessa kuf ukoll kull pjanta u dokumentazzjoni li akkumpanjat din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li applikazzjoni numru 2498/99 hija 'Outline Application' għall-bdil u estensjoni ta' l-isptar il-ġdid. Il-Ministru tas-Saħħa diġa` poġġa kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra, fis-seduta tal-lum stess.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar diġa` bagħtet Termini ta' referenza tal-'Environmental Impact Statement' u tat-'Traffic Impact Statement'.
Jista'l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li żewġ senior correctional officers, li wieħed minnhom mistenni jieħu promozzjoni ta' supervisor, kienu qed jirċievu allowance ta' Lm20 fix-xahar minkejja li dawn jitħallsu ta' l-overtime li kienu jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-allowance li kienet qed titħallas liż-żewġ Senior Correctional Officers li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, twaqqfet b'effett mill-bidu ta' Frar ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu każi minn Settembru 1998 sal-lum ta' operaturi u/jew bejjiegħa li kienu qed jiksru l-liġi tal-copyright? Kemm hemm pulizija ta' l-Economic Fraud detailed fuq dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Settembru, 1998, u l-24 ta' Ġunju, 1999, il-Pulizija qabdet 25 persuna jiksru l-Copyright Act.
Ninsab infurmat ukoll li hemm 6 membri tal-Korp fl-iskwadra ta' l-Economic Fraud assenjati fuq dan it-tip ta' reati.
Jista' l-Ministru jgħid x'talbiet saru fl-aħħar disa' xhur għal tibdil fl-istruttura ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Liema minnhom ġew approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm permessi ta' għoli ta' sulari fil-Blokk C fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Mill-pjanti oriġinali meta ħarġu l-ewwel permessi, kien hemm permessi oħra għal żieda fis-sulari fi Blokk C? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġu l-permessi għal żieda fis-sulari fi Blokk C?
Response (BORG, TONIO)
L-għoli approvat fuq il-blokk C ivarja minn sular għal żewġ sulari.
L-applikazzjoni għal dan il-permess PA 5115/93 ġiet approvata fit-28 ta' Marzu, 1994.
Fuq dan il-blokk in kwestjoni ma nħariġx l-ebda permess ieħor għal żieda fis-sulari.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-Ministeru? Jista' jgħid ukoll jekk is-Segretarju Parlamentari huwiex jagħmel użu minn mobile phone? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fiż-żewġ każijiet kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu, 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (BORG, TONIO)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li, fl-1999, mhiex xi ħaġa straordinarja, u żgur li hekk għandu jkun, li Ministru u Segretarju Parlamentari jkollhom użu ta' mobile phone.
Ninsab infurmat li l-ispiża totali sew bħala recurring charges, usage charges, connection charges u VAT rigward il-mobile phone tiegħi matul il-perijodu 10 ta' Settembru 1998 sad-9 ta' April 1999 kienet ta' Lm262.91 filwaqt dik tas-Segretarju Parlamentari matul il-perijodu 15 ta' Ottubru 1998 sat-22 ta' Marzu 1999 kienet tammonta għal Lm256.63.
Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri l-ħabs ta' Kordin li nstabu li kienu taħt l-effett tad-droga mill-5 ta' Settembru 1998, sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-18 ta' Ġunju, 1999, in-numru ta' priġunieri l-ħabs ta' Kordin li bħala rutina sarilhom test tal-urina kien ta' 359 li minnhom, 24 irriżultaw posittivi għad-droga.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqadu persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Fejn inqabdu l-persuni nvoluti u x'kienu l-etajiet tagħhom? Kemm minnhom inqabdu aktar minn darba fil-passat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u l-15 ta' Ġunju, 1999, inqabdu 127 persuna, li l-eta` tagħhom tvarja minn 14 sa 44 sena, jittlajaw għall-skop ta' prostituzzjoni f'dawn il-lokalitajiet : Ħal Qormi, Gżira, Msida, Ta' Xbiex, Marsa, Qala, Valletta, Buġibba. Ninsab infurmat ukoll li 40 minnhom kienu diġa` nqabdu in konnessjoni ma dan it-tip ta' reat fil-passat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu mietu persuni sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin kawża ta' qtil volontarju, qtil mhux volontarju, overdosages, suwiċidji, traffic accidents u industrial accidents?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mir-records disponibbli, t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kollużjonijiet tat-traffiku rrapportati lill-pulizija bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' inċidenti fatali f'dawn l-aħħar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 4,257-il kolliżjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8059.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' priġunieri li din is-sena jtemmu s-sentenza tagħhom? Kemm minnhom huma nisa, rġiel u żgħażagħ taħt il-35 sena? X'għajnuna se jingħataw dawn sabiex isibu x'impjieg wara li jibdew ħajja ġdida fis-soċjeta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri li temmew is-sentenza tagħhom mill-1 ta' Jannar, 1999, sat-18 ta' Ġunju, 1999, kien ta' 41 raġel u 8 nisa. Minn dawn kien hemm 27 raġel u 5 nisa taħt il-35 sena. Kien hemm ukoll 10 irġiel oħra, li 9 minnhom kienu taħt il-35 sena, li spiċċaw is-sentenza tagħhom iżda ma ġewx rilaxxati minħabba li kellhom każijiet oħra pendenti.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' priġunieri li mistennija jiskontaw is-sentenza tagħhom bejn id-19 ta' Ġunju, 1999, sal-31 ta' Diċembru, 1999, hu ta' 42 raġel u mara waħda. Minn dawn hemm 30 raġel taħt il-35 sena. Hemm ukoll 22 raġel ieħor, li 10 minnhom huma taħt il-35 sena, li mistennija jiskontaw is-sentenza tagħhom matul l-istess perijodu iżda mhux ser jiġu rilaxxati minħabba li għandhom każijiet oħra.
Fil-preżent qed isiru kuntatti mal-E.T.C. u f'ċerti każi anke ma' kumpanniji privati biex jinstab impjieg għal dawk il-priġunieri li jinteressaw ruħhom f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni barranin li bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena kellhom u għad għandhom il-permess li jaħdmu fil-gżejjer tagħna? Kemm kien l-istess numru matul l-istess perijodu għas-sena 1998, 1997, 1996 u 1995 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu u s-snin speċifikata mill-Onor. Interpellant, in-numru ta' barranin li kellhom liċenzja ta' impjieg u li isimhom deher fil-lista li tiġi ppubblikata kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni kien kif jidher hawn taħt :
Xahar / 1995 1996 1997 1998 1999
Sena
Jannar 1,857 1,928 2,245 2,053 1,935
Frar 1,906 1,912 2,285 1,981 1,901
Marzu 1,878 1,949 2,282 1,991 1,944
April 1,920 1,966 2,399 1,980 1,979
Mejju 1,867 2,135 2,515 1,994 2,131
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri li kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Kemm minn dawn il-każijiet kienu konnessi ma' overdose jew xi natura ta' konsegwenza ta' drogi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri li kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura mill-5 ta' Settembru, 1998, sad-19 ta' Ġunju, 1999, kien kif jidher hawn taħt : -
908 - bħala out-patients li jinkludu dawk il-priġunieri li jkunu għadhom kemm iddaħħlu l-ħabs u bħala rutina jittieħdu l-isptar għal chest X-Ray;
6 - inżammu għal xi jiem fis-St. Michael Ward għall-kura;
60 - inżammu għal xi jiem fl-isptar San Luqa għall-kura;
76 - ittieħdu l-iSptar Monte Carmeli - dan in-numru jinkludi dawk il-priġunieri li kienu għadhom kemm iddaħħlu l-ħabs u kellhom problemi in konnessjoni mal-vizzju tad-droga.
Ninsab infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda każ minn dawn li kien konness ma' overdose.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' esproprjazzjoni ta' art meħtieġa biex ikun jista' jitkompla l-proġett ta' regional park fl-area ta' Bieb is-Sultan f'Ħaż Żabbar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm talba waħda għall-esproprijazzjoni ta' biċċa art privata in konnessjoni mal-proġett li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti. Jirriżulta lid-Dipartiment ta' l-Estate Management illi parti minn din l-art hija tal-Gvern, amministrata mill-Uffiċċju Konġunt.
Saru rappresentazzjonijiet ma' l-istess uffiċċju biex ikun hemm identifikazzjoni eżatta ta' din l-art, biex wara jkun jista` jiġi esproprijat il-kumplament ta' l-art meħtieġa għal dan il-proġett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7883, jista' l-Ministru jagħti l-listi ta' nies li qegħdin fuq bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu skond kull bord?
Response (BORG, TONIO)
In-nies li qegħdin fuq bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru ta' l-Intern huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-gvern kellu feed back mill-CARITAS dwar il-liġi proposta dwar id-droga?
Response (BORG, TONIO)
Fid-9 ta' Lulju ta' l-1997 ic-Chairman ta' dak iż-żmien tal-Kummissjoni kontra l-Abbuż tad-Droga u l-Alkoħol (KADA) kien bagħat memorandum lill-Prim Ministru fejn, fost affarijiet oħra, issuġġerixxa li jsiru tibdiliet fl-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi (Kap 101) u konsegwenzjalment fl-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika (Kap 31) biex jipprovdi li jekk il-Qorti tkun sodisfatta li persuna li tinqabad timporta mediċini perikolużi għall-użu esklussiv personali tagħha, din il-persuna ma tintbagħatx bil-fors il-ħabs.
Fuq struzzjonijiet tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew mgħoddija lill-Caritas, lill-Pulizija, lid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi u lill-Bord tal-Viżitaturi tal-Ħabs biex dawn kollha jagħmlu l-kummenti tagħhom.
Fil-każ ta' Caritas, huma kitbu lura fl-4 ta' Awissu, 1997, fejn qalu li huma jaqblu ma' l-emendi suġġeriti minn KADA.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb li jsir mill-fanal ta' Delimara fil-Ponta ta' Delimara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fanal li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huwa proprjeta` ta' l-Awtorita` Marittima u għalhekk nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Peress li fil-preżent fl-għassa ta' Ħaż-Żabbar m'hemmx spettur, jista' l-Ministru jieħu passi biex din il-lokalita' (ir-raba' l-ikbar bħala popolazzjoni) ikollha spettur?
Response (BORG, TONIO)
Huwa maħsub li jiġi stazzjonat Spettur fl-Għassa ta' Ħaż Żabbar hekk kif l-uffiċjali kadetti jieħdu l-kariga ta' Spettur fil-futur qarib.