Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa — Tfal li jattendu l-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi żgurat li t-tfal kollha ta' Birżebbuġa li suppost qed jattendu l-iskola primarja, fil-fatt qed jagħmlu hekk? Ittieħdu xi passi dwar tfal li jgħixu fil-familji li t-tagħrif dwarhom qed jingħata separatament biex jibdew jattendu l-iskola primarja peress li dawn ma jattendux regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-attendenza tat-tfal li huma miktubin fl-iskejjel Primarji A u B Birżebbuġa issir kuljum u regolarment jintbagħtu noti ta' assenteiżmu lil ġenituri tat-tfal li jkunu fallew. Fi tmiem ix-xahar isir rendikont u jekk tifel jew tifla tkun falliet mill-iskola għal aktar minn tlett ijiem mingħajr ċertifikat mediku jiġu kkuntattjati l-ġenituri ħalli jagħtu raġuni għal dan in-nuqqas. Jekk ir-raġuni ma tingħatax jew ma tkunx ġustifikata, jintbagħat rapport lis-Section Co-Ordinator (Accredited Social Worker) fil-Head Office sabiex jittieħdu l-passi neċessarji. Sal-lum iż-żewġ skejjel hawn fuq imsemmija dejjem hekk imxew, anke mat-tfal li joqgħodu fiż-żewġ toroq imsemmija separatament mill-Onor. Interpellant.

FTS — Ħlasijiet pendenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija numru 4506, jista' il-Ministru jgħid x'ġie kunsidrat f'livell ta'Ministeru? X'kien ir-rizultat tal-kunsiderzaajonijiet li saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li f'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3668, inkun nista' nitlob tagħrif partikolari jekk l-Onor. Membru għandu xi każ partikolari li jixtieq jindaga dwaru.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Persuni li joffru għajnuna lil tfal bid-dyslexia

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li jaħdmu biex jgħinu lit-tfal bid-dyslexia? Kemm minnhom jaħdmu f'Malta u kemm f'Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 6 għalliema li jaħdmu mat-tfal bid-dyslexia. Kollha jaħdmu f'Malta iżda dawn jżuru tfal u skejjel f'Għawdex minn ħin għall-ieħor.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Educational Psychologists

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm educational psychologists fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Fil-qosor, jista' jgħid x'ħidma qed iwettqu dawn in-nies?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Kotba għall-istudju tal-Matematika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intbagħtu kopji ta' sensiela ta' kotba għall-istudju tal-Matematika għal skop ta' edukazzjoni lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Min bgħathom u kemm kien il-prezz li ġie kkwotat? Jista' jgħid liema sensiela ġiet magħżula jew f'liema stadju wasal dan il-proċess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li intbagħtu disgħa kopji ta' sensiela ta' kotba għall-istudju tal-Matematika għal skop ta' evalwazzjoni lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn il-kotba qed jiġu evalwati iżda deċiżjoni finali għadha ma ttieħditx. Informat ukoll li mhux possibli li jingħad min bgħat dawn il-kotba u kemm kienu l-prezzijiet kkwotati peress li din l-informazzjoni hi waħda ta' natura kummerċjali.

Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4641 u cioe' jista' jgħid x'inhi l-politika tal-gvern fuq il-persuni b'diżabilita' u l-edukazzjoni? Hemm xi dokument li fuqu hemm miktuba din il-politika? Jekk iva, jista' ipoġġi dan id-dokument fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-politika tal-gvern fuq il-persuni b'diżabilita' u l-edukazzjoni hija dik ta' Inklużjoni. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument "Inclusive Education - policy regarding students with a disability" li kien ġie pubblikat f'Lulju 2000.

ETC — Persuni fuq l-ewwel parti tar-reġistru

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol din is-sena u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Jannar sa' April 2004 inqatgħu 440 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Mill-440 persuna, 125 persuna nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 188 persuna rrifjutaw opportunita' ta' xogħol filwaqt li 127 persuna rrifjutaw opportunita' ta' taħriġ.

ETC — Persuni jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jagħti figuri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol lokal b'lokal għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, u April 2004 kif ukoll għall-istess xhur tas-sena 2003?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab informat ukoll li l-figuri għax-xahar ta' April 2004, għadhom ma ġewx ippublikati mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika.

Skejjel — Studenti

Question

No question text.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fuq dan il-kas, l-assistent kap ta' l-iskola kien diġa kellem lill-ġenituri bit-telefon f'żewġ okkażjonijiet. F'dawn it-telefonati ġie spjegat lill-ġenituri x'kien ġara eżatt u x'passi kienu se jittieħdu mill-iskola.

Universita' — Lecturers u assistant lecturers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5617, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-lecturers part-time u full time li huma nvoluti?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li t-tagħrif mitlub hu aċċessibbli bl-aktar mod faċli għall-istudenti tal-fakulta konċernata, m'hiniex nifhem l-interess pubbliku involut biex nirrendi l-ismijiet ta' l-għalliema konċernati pubbliċi bil-mod kif jixtieq l-Onor. Membru. Napprezza jekk jispjegali anke privatament, il-ħtieġa li l-ismijiet ta' nies privati jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birkirkara — Skejjel primarji tal-gvern

Question

Billi ħafna ommijiet f'Birkirkara jaħdmu, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li fil-klassijiet tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern ikun hemm xi ħadd li jżomm it-tfal sakemm jibdew il-lezzjonijiet, almenu fit-8.00 a.m. ħalli l-ommijiet jew il-missirijiet ilaħħqu x-xogħol fit-8.30 a.m.?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li taħt l-arranġamenti preżenti mhux possibli titwettaq it-talba ta' l-Onor. kollega ser inżomm is-suġġett fuq l-aġenda tiegħi għal aktar konsiderazzjoni.

Universita' — Studenti li ggradwaw fil-B.Psy u fil-B.Psy Hons

Question

No question text.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-kors ilu jsir mill-1995. Mill-Universita' ggradwaw daqsekk:- Course 1995 1996 1997 1998 1999 2000 2001 2002 2003 B.Psy 25 26 39 42 23 16 26 17 30 B.Psy(Hons.) 0 27 15 16 36 30 29 45 43

MCAST — Għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għalliema li huma attached ma’ l-MCAST kif se jintlaqtu mill-ftehim li għadu kif ġie ffirmat bejn l-MCAST u l-MUT? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn jistgħux imorru lura mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni? Il-ftehim li sar għal kemm-il sena sar? Dawn l-għalliema kif se jintlaqtu l-ħinijiet tagħhom? U jekk inhu l-każ li se jkun hemm xi żieda fil-ħin tagħhom, dawn se jitħallsu pro rata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema li huma fuq 'attachment' se jibqgħu igawdu l-istess kundizzjonijiet li kellhom sa issa. Dawn jistgħu jmorru lura mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jekk javżaw lill-MCAST qabel il-31 ta' Mejju 2004 ta' kull sena. Il-ftehim ma' l-MCAST sar għal tlett snin li jibda l-1 ta' Jannar 2004. Informat ukoll li l-ħinijiet ta' l-għalliema fuq 'attachment' jibqgħu dawk stabbiliti qabel il-ftehim bejn l-MUT u l-MCAST. M'hemmx previst żieda fil-ħinijiet ta' l-għalliema fuq 'attachment '. Jekk għalliem jgħallem numru ta' sigħat aktar minn dak miftihem, jitħallas skond ir-rati stabbiliti mill-Kulleġġ.

Għalliema ġodda ta' l-MCAST

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għalliem li jiddeċiedi li jsir impjegat ta’ l-MCAST b’mod permanenti u allura ma jibqax aktar attached, jiġix ikkunsidrat daqslikieku għadu kemm beda impieg ġdid? Kif se jkun fis-seniority ma’ dawk l-għalliema li daħlu ġodda ma’ l-MCAST minn barra f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll għall-fini ta’ pensjoni jekk ikunx hemm xi effett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalliem li jkun 'attached' ma' l-MCAST u jiddeċiedi li jsir impjegat tal-Kuleġġ jingħata kuntratt li jieħu konsiderazzjoni tad-data ta' meta beda l-'attachment' tiegħu ma' l-MCAST. L-anzjanita' fl-MCAST tibda togħod minn meta beda l-'attachment'. Informat ukoll li l-għalliema jibqgħu igawdu l-istess dritijiet tagħhom għall-pensjoni li kellhom qabel ma bdew jagħtu s-servizz tagħhom fl-MCAST.

Studenti — Loan mill-banek

Question

Huwa permess li banek qed jiktbu lill-persuni li kienu ħadu laon skond kif tħabbar fil-budget 1997 biex jistudjaw l-Universita' u issa qed jgħidulhom li jridu jagħlqu l-kontijiet issa u jħallsu dak li baqagħlhom jagħtu? Jista' il-Ministeru jinvestiga dawn il-każi u jara jekk il-banek humiex korretti f'dak l qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond il-ftehim li l-Gvern kien għamel mal-banek f'Mejju 1998, il-Gvern intrabat li jħallas l-imgħax tas-self ta' studenti universitarji li jiddeċidu li jieħdu s-self bħala parti integrali tas-sistema tal-ħlas ta' l-istipendji. Il-Gvern intrabat li jħallas dan l-imgħax għal matul il-kors u sa sentejn wara, jew sa kemm l-istudent isib impjieg wara li jkun iggradwa, liema data tiġi l-ewwel. Informat ukoll li bil-ftehim il-Gvern qatt ma' ggarantixxa s-self; tant hu hekk li l-imgħax mitlub mill-banek kien 0.5% 'l fuq mir-rata basi ta' self. Għalhekk kien dejjem fid-diskrezzjoni tal-banek li jitolbu lura s-self meta jidhrilhom. Jekk l-Onor. Membru għandu xi każ partikulari fejn student għadu jistudja u l-bank talbu jħallas lura s-self, inkun lest li ninvestiga l-każ.

Universita' — Lecturers u assistant lecturers

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-lecturers u assistant lecturers fit-taqsima tal-Psychology, Primary Education u Mathematics, Science and Technical Education tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li; Hemm 2 full-time lecturers , u 3 full-time u 2 part-time assistant lecturers fid-Dipartiment tal-Psikoloġija tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Hemm 2 full-time lecturers u 5 full-time u 1 part-time assistant lecturers fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni Primarja tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. Hemm 3 full-time u 1 part-time lecturers u 8 full-time u 1 part-time assistant lecturers fid-dipartiment tal-Matematika, Xjenza u Edukazzjoni Teknoloġika tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.

Ordni tal-Patrijiet Agostinjani — Kampanja edukattiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-kampanja edukattiva dwar is-sensibilizzazzjoni għall-problema tal-ġuħ fid-dinja, li qed tagħmel l-Ordni tal-patrijiet Agostinjani mal-Ġnus Magħquda?

Response (GALEA, LOUIS)

Fit-23 ta' April, 2004, kelli l-pjaċir nieħu sehem f'attivita' tal-kulleġġ Santu Wistin f'Tal-Pieta' fejn ġew inawgurati Laboratorju tal-kompjuter u ġinnasju. Dakinhar, Dwayne Zahra, wieħed mill-istudenti, f'isem sħabu tal-kulleġġ, għaddieli petizzjoni bħala parti mill-kampanja li qed tagħmel l-Ordni Agostinjan flimkien mal-ġnus magħquda biex titqanqal kuxjenza akbar dwar il-ġuħ fid-dinja. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-petizzjoni u tagħrif ieħor dwar il-kampanja.