B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8531, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li jifformaw it-team li ħadmu fuq ir-riforma tat-trasport? Jista’ jindika l-grad ta’ kull persuna li tifforma parti minn dan it-team u minn liema direttorat jew taqsima oħra ġejjin?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8531.
Malta Public Transport Service Operations Ltd – uffiċjali ssekondati
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8532, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qal li hemm żewġ persuni biss issekondati mal-Malta Public Transport Services Operations Ltd meta minn tal-anqas hemm żewġ ħaddiema oħra ta’ Transport Malta (fil-grad ta’ Transport Officer u Executive) u ħaddiem ieħor mill-Ministeru għat-Trasport (fi grad ta’ messaġġier) li ilhom mill-ewwel ġimgħa ta’ Jannar ta’ din is-sena jirrapurtaw għax-xogħol ta’ kuljum ġewwa l-istess kumpanija u saħansitra għandhom l-uffiċċju tagħhom hemmhekk? Jista’ jgħid x’inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu dawn l-uffiċjali ġewwa l-Malta Public Transport Services Operations Ltd? Jista’ jgħid x' inhu jsir fil-kumpanija tal-Gvern li taqa’ direttament taħt ir-responsabiltà tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-persuni msemmija f’din il mistoqsija parlamentari ma ġewx issekondati mal-Malta Public Transport iżda għadhom impjegati mal-entitajiet oriġinali tagħhom. Fil-preżent,dawn l-uffiċjali qiegħdin jipprovdu assistenza, fejn ikun meħtieġ, fl-Operations Department tal-kumpanija Malta Public Transport.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8538, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja ta’ ħaddiema li jiġu pprovduti ta’ kuljum mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jipprovdu servizz ta’ moniteraġġ fuq it-trasport pubbliku? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus lil din il-kumpanija minn Jannar sa’ Marzu, xahar b’xahar għal dan is-servizz? Dan is-servizz ingħata permezz ta’ tender jew b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien ġie spjegat fil-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8538, in-numru ta’ ħaddiema li jiġu pprovduti ta’ kuljum mill-kumpanija msemmija jiddependi fuq it-tip ta’ moniteraġġ li jkun qed isir minn Transport Malta u jvarja bejn 2 u 12-il ħaddiem skont l-eżiġenzi.
Infurmat li fil-perjodu msemmi, jiġifieri bejn Jannar u Marzu 2014, din il-kumpanija tħallset is-sussegwenti ammonti għas-servizz ipprovdut:
Xahar
Ħlas mingħajr VAT
Jannar 2014
€9,811.80
Frar 2014
€7,271.32
Marzu 2014
€10,032.29
Dan is-servizz qiegħed jingħata minn din il-kumpanja bl-istess rati ta’ ħlas u kundizzjonijiet li hemm fil-kuntratt oriġinali li kien intrebaħ wara sejħa għall-offerti.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8540, fejn il-Ministru ndika li dan il-kuntratt skada f’Novembru tal-2013 u skont il-provvediment tal-istess kuntratt seta’ jiġi estiż, peress li għadhom qed jintużaw is-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-estensjoni ta' dan il-kuntratt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, għadhom qed jiġu wżati s-servizzi ta’ din l-istess kumpanija għal finijiet ta’ moniteraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn is-servizzi qegħdin jingħataw xahar b’xahar skont il-ħtiġijiet u dan bl-istess rata ta’ ħlas u kundizzjonijiet li hemm fil-kuntratt oriġinali li kien intrebah wara sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema rotot qed jintużaw mini buses minflok karozzi tal-linja? X'kienet ir-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni? Jista’ jgħid jekk persuna b'diżabilità jew ġenitur b' pushchair jistax jaċċessa dan il-mezz ta' trasport pubbliku? Kif qed jiġu affettwati anzjani li jkollhom bżonn jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku u minflok karozza tal-linja low floor ikollhom jirkbu mini-bus?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot fejn qegħdin jiġu użati mini buses huma rotta 101, 102, 106, 109, 110, 117, 118, 119, 123, 122, 130, 135, 136, 226 u 401. Dawn ir-rotot ma jinkludux ir-rotta 133 li topera b’ mini bus tat-tip low floor.
Ir-raġuni għaliex dawn ir-rotot qed jiġu pprovduti permezz ta’ mini buses hija minħabba li l-vetturi tat-tip low floor li huma disponibbli f’Malta qed jintużaw kuljum fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. Għaldaqstant, l-operatur jalloka mini bus jew coach, liema vetturi mhumiex tat-tip low floor, skont id-domanda ta’ passiġġieri li jkun hemm fuq ir-rotta speċifika u dan minħabba li l-kirja ta’ mini buses hija orħos minn dik ta’ coach.
Infurmat ukoll li l-mini buses li qegħdin jiġu wżati m’humiex aċċessibli għall-persuni b’diżabilità u għal persuni b’pushchair, filwaqt li fil-każ tal-coaches, il-maġġoranza tagħhom huwa tat-tip low floor u għalhekk huma aċċessibbli.
Il-Gvern japprezza d-diffikultajiet li jaffaċċjaw dawn il-persuni u għalhekk qed issir ħidma sabiex jintagħżel operatur ġdid tat-trasport pubbliku fl-anqas żmien possibbli sabiex il-vetturi kollha fuq is-servizz jerġgħu ikunu tat-tip low floor.
Madankollu preżentament persuna li tuża s-siġġu tar-roti tista’ tinforma lill-Customer Services tal-operatur fuq in-numru tat-telefon 21222000 li se tkun qiegħda tuża waħda minn dawn ir-rotot u min-naħa tiegħu l-operatur jipprovdi vettura li tkun aċċessibli għal dak il-vjaġġ.
Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars
Question
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 5576, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-uffiċjali li fil-lista ta' persuni li attendew għall-konferenzi/seminars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea hemm imniżżel biss in-nomenklatura tal-grad tagħhom u/jew il-pożizzjoni tagħhom fi ħdan Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ data protection, din l-informazzjoni ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu/hi d-direttur tal-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura? Jista’ jgħid kemm ilu/ha jokkupa/tokkupa din il-kariga din il-persuna? X'esperjenza għandu/ha din il-persuna fix-xogħol li jimplimenta dan id-dipartiment? Xi kwalifiki akkademiċi għandu/ha din il-persuna li tokkupa din il-kariga?
Response (MIZZI, JOE)
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura , li id-dettalji tiegħu se jiġu mgħoddija lill-Onor. Interpellant separatament, ilu f’din il-kariga mill-1 ta’ Diċembru 2013. Qabel din il-kariga, għal dawn l-aħħar għoxrin sena, huwa dejjem okkupa pożizzjonijiet maniġerjali u kellu taħtu ħaddiema ta’ diversi ħiliet, edukazzjoni u esperjenzi ta’ xogħolijiet differenti.
Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi
Question
B' referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5573 u 6203, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' min qiegħed jibbenefika mill-għoti ta' mobile phones, tablets u karozzi fi Transport Malta u x' inhu l-grad tiegħu? Min hu l-uffiċjal li qed japprova dawn il-benefiċċji? Jekk dawn l-apparat/vetturi qed jintużaw wara l-ħin tax-xogħol, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm qed jitħallsu fringe benefits lil kull persuna li qiegħda tibbenefika minn dawn il-benefiċċji? Liema proċedura ntużat biex inxtara/inkera dan l-apparat/vetturi, b'direct order jew inkella b'tender? Kemm hu l-valur ta' dan l-apparat u xiri/kiri ta' dawn il-vetturi u apparat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 5573 u 6203.
Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi
Question
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6203, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma dawn l-eżiġenzi tax-xogħol u kemm-il darba nqalgħu dawn l-esiġenzi u min ibbenifika kull meta nqalgħet tali esiġenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 5573 u 6203.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Staff movement
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istaff movement li kien hemm fid-dipartimenti kollha tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-livelli kollha, inkluż l-ismijiet, gradi u minn liema dipartiment/sezzjoni għal liema dipartiment/sezzjoni, mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li minħabba li diversi dipartimenti m’għadhomx jiffurmaw parti minn dan il-Ministeru wara li dawn tqassmu taħt Ministeri oħrajn u li għaldaqstant huwa ovvju li kellu jkun hemm numru sostanzjali ta’ staff movements, qed nagħti lista tal- istaff kollu li preżentament jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu. Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata l-ebda xogħol mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji , korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi lill-kumpanija li id-dettalji tagħha ingħataw separatament.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema vetturi li għandhom numru ta' reġistrazzjoni barrani, jistabu fuq l-informazzjoni li għandha Transport Malta, fl-information network tagħha? X'inhi r-raġuni li għaliha dejjem jingħad li vetturi bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom barrani ma jistgħux jingħataw ċitazzjonijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk vetturi li jidħlu Malta b'numru barrani, hux qed jiġu reġistrati x'imkien, kemm jekk ikunu se jidħlu biex jinbiegħu Malta, kif ukoll jekk ikunu se jerġgħu joħorġu barra minn Malta wara xi perjodu stabbilit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta tirreġistra n-numri ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi barranin fejn dawn ikunu ser jiġu reġistrati f’Malta għall-ewwel darba. Barra minn hekk, Transport Malta wkoll iżżomm reġistru bid-dettalji ta’ vetturi bi pjanċi barranin illi jkunu tneħħew mit-triq meta jirriżulta illi dawn ma kellhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jinstaqu fuq it-toroq ta’ Malta.
Ninsab ukoll infurmat illi r-raġuni għaliex ma jinħarġux ċitazzjonijiet fuq vetturi bil-pjanċi barranin li jwettqu kontravenzjonijiet waqt li jkunu qed jiċċirkolaw f’Malta hija li s’ issa Transport Malta għad m‘għandiex aċċess għad-dettalji tas-sidien ta’ dawn il-vetturi. Iżda dan ser ikun possibbli permezz ta’ diversi Direttivi Ewropej li ser jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin. Permezz ta’ dawn id-Direttivi, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropeja ser ikunu jistgħu jiskambjaw bejniethom id-dettalji tas-sidien tal-vetturi f’każijiet li jirrigwardjaw il-kontravenzjonijiet hekk kif ġej, bil-għan li jkunu jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa kontra s-sidien rispettivi fl-Istati Membri fejn il-vetturi jkunu reġistrati.
(a)
sewqan b’veloċità eċċessiva
(b)
ma jsirx użu miċ-ċintorin tas-sigurtà
(ċ)
tonqos milli tieqaf meta jixgħel id-dawl aħmar tat-traffiku
(d)
sewqan taħt l-influwenza tax-xorb
(e)
sewqan taħt l-influwenza tad-drogi
(f)
tonqos milli tilbes elmu ta’ sigurtà
(g)
użu ta’ karreġġjata projbita
(h)
użu illegali ta’ telefown ċellulari jew ta’ kull tagħmir ta' komunikazzjoni ieħor waqt is-sewqan
Transport Malta — ħaddiema li jaħdmu fil-Freeport Corporation
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-ħaddiema, f'kategoriji differenti, mhux bħala persuni individwali, li jaħdmu fil-Freeport, li iżda, huma mpjegati ta' Transport Malta? Liema kategoriji ta' ħaddiema jaqgħu taħt Transport Malta minkejja li huma mpjegati tal-Freeport jew tal-Freeport Corporation? Kemm hemm ħaddiema li llum jaħdmu ma' Transport Malta li iżda jitħallsu mill-Freeport Corporation? X'inhuma l-gradi ta' dawn il-ħaddiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-ħaddiema li jagħmlu xogħol fil-Freeport li iżda huma impjegati ta’ Transport Malta huma fil-grad ta’ Maritime Security Compliance Executive.
M’hemm l-ebda ħaddiema li jaqgħu taħt Transport Malta iżda huma mpjegati tal-Freeport jew tal-Freeport Corporation, jew ħaddiema li jaħdmu ma' Transport Malta li jitħallsu mill-Freeport Corporation.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istaff movement li kien hemm fi Transport Malta fil-livelli kollha, inkluż l-ismijiet, gradi u minn liema dipartiment/sezzjoni għal liema dipartiment/sezzjoni, mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Peress illi l-proġett ta' Triq Diċembru 13 mill-bidu tiegħu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kien ipprogrammat li jitlesta fl-ewwel kwart ta' din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid x’inbidel mill-programm ta' xogħlijiet oriġinali peress illi l-Ministru allega diversi drabi illi x-xogħol kien waqa’ lura u meta ħa t-tmexxija ta' Transport Malta hu, ix-xogħol reġa’ ġie on track? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programme of works oriġinali li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti u l-programme of works hekk kif kien emendat mal-bidla fil-gvern? Fit-tibdil li sar, jekk kien hemm tibdil, x' kienet l-ispiża involuta?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Triq Diċembru 13 li kien beda f’Novembru 2011, twaqqaf mill-Gvern preċedenti f’Novembru 2012 u pposponih għal Marzu 2013. Dan ifisser li x-xogħol fuq din it-triq twaqqaf għal 4 xhur. Skont l-amministrazzjoni preċedenti, waħda mill-iskużi għat-twaqqif ta’ dan il-proġett, kienet minħabba x-xita. B’konsegwenza ta’ dan, 5.5 miljun ewro kienu fil-periklu li jintilfu għaliex ma sarx progress kif kien ippjanat minn qabel fuq ix-xogħlijiet infrastrutturali u b’hekk ix-xogħol fuq din it-triq waqa’ lura. Il-Partit Nazzjonalista stess, fir-rapport ikkummissjonat minnu dwar it-telfa elettorali ta’ Marzu 2013, stqarr li “L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċertu toroq u proġetti infrastrutturali oħra urew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern”.
Għaldaqstant, immedjatament kif kien hemm bidla fl-amministrazzjoni ngħatat d-direzzjoni minni lil Transport Malta sabiex jitkomplew x-xogħlijiet, anke meta it-temp ma kienx daqshekk jippermetti, bir-riżultat li dan il-proġett tlesta meta kien ippjanat. B’dan il-mod mhux talli ma ġewx involuti spejjeż ġodda, iżda ġie evitat li ż-żmien ta’ sospensjoni jitwal iktar mill-180 ġurnata stipulati fil-kuntratt u b’hekk ġiet ukoll evitata l-possibilta’ ta’negozjar mill-ġdid tal-kuntratt kif ukoll ġie ndirizzat ir-riskju li jintilfu l-fondi allokati mill-Unjoni Ewropeja għall-proġett jekk dan ma jiġix attwat kif mistenni.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tender oriġinali li kienet ħarġet Transport Malta fi żmien il-gvern preċedenti bil-lokazzjonijiet fejn kellhom jeħlu 50 charging points allokati u jindika wkoll fejn weħlu ċ-charging points s' issa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika fejn kellhom jeħlu ċ-charging points hawn fuq imsemmija u fejn attwalment weħlu? Jekk inbidlu xi lokazzjonijiet ta' dawn iċ-charging points, jista’ jagħti raġuni għaliex sar tali tibdil?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma kienet ħarġet l-ebda tender għal 50 charging points. It-tender li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien inħareġ mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Wara li ttieħed parir tekniku mingħand l-Enemalta (li bil-liġi hija s-sole supplier tal-elettriku f’Malta) u Transport Malta, ġew magħżula is-siti ta’ fejn kellhom jitwaħħlu dawn iċ- charging pillars fil-lokalitajiet. Dan il-proċess kien inbeda f’Diċembru 2012 u tkompla jiġi aġġornat, minn żmien għal żmien.
Bejn Jannar u Marzu tal-2012, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ta’ dak iż-żmien kien għamel konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali ta’ Malta sabiex dawn jagħtu l-proposti tagħhom għas-siti għaċ-charging pillars. Sabiex ikun hemm ċertezza fuq it-twaħħil, reġgħu intbgħatu ittri ta’ konsultazzjoni lill-Kunsilli Lokali kollha għall-proposti tagħhom, fl-istess perjodu.
It-tweġiba numru 71 ta’ Kjarifika numru 4, maħruġa fl-10 ta’ Diċembru 2012 mid-Dipartiment tal-Kuntratti, bħala parti mit-tender CT3098/2012 Adv. CT/A/033/2012 kienet tgħid: “The following list is a provisional list and the Contracting Authority reserves the right to amend as required”.
Madankollu, infakkar lill-Onorevoli Interpellant li meta din l-amministrazzjoni ġiet fdata bit-tmexxija tal-pajjiż, ittieħed stock tal-livell ta’ progress tal-proġetti kollha, sew dawk nazzjonali u sew dawk iffinanzjati minn sorsi oħra, eżempju l-Unjoni Ewropea. Wieħed mill-proġetti li deher li kien f’ diffikulta kien il-proġett DEMO EV, li għalkemm l-applikazzjoni għalih kienet saret mill-Gvern preċedenti, kien jidher biċ-ċar li minħabba cirkustanzi varji, anke market pressures, dan il-proġett kien f’diffikulta u fir-riskju li ma jiġix konkluż. Wara li saru l-interventi meħtieġa, dan il-proġett seta’ jitkompla u mexa b’ passi mgħaġġla. Il-Gvern irrispetta il-lista ta’ voluntiera li kienet inġabret mill-Gvern preċedenti, u reġa ħareġ anke sejħa oħra sabiex iżid il-livell ta’ parteċipazzjoni, sew minn individwi kif ukoll minn NGOs.
Minħabba diversi ilmenti li saru minn xi kunsilli lokali u/jew individwi, instabu postijiet alternattivi, iżda li xorta jkunu f’ pożizzjoni teknikament vijabbli, u dan biex kemm jista’ jkun jitnaqqas kull inkonvenjent. Għaldaqstant, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-lista proviżorja kif ukoll il-lista finali ta’ fejn twaħħlu jew ser jitwaħħlu dawn iċ- Charging Pillars.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il televiżjoni nxtara minn Transport Malta mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Xi speċifikazzjonijiet u qies kien kull televiżjoni li nxtara? B' liema metodu nxtara kull televiżjoni, b'direct order jew kwotazzjoni? Min ipprovda dawn it-televiżjonijiet? Kemm intnefaq għal kull televiżjoni? Meta nxtara kull televiżjoni u fejn ġie stallat?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 945 u 5579.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq it-toroq fiż-żona tal-Blata l-Għolja l-Mosta? Jista’ jgħid kemm huwa ppjanat li se jdum ix-xogħol f’din iż-żona? Il-bankini fl-istess żona ukoll se jingħataw manutenzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fiż-żona tal-Blata l-Għolja fil-Mosta se jkun qed isir f’żewġ fażijiet li għalihom qed jiġu ppreparati t-tenders. Ix-xogħol se jkun qed jinkludi rikostruzzjoni tat-toroq kollha eżistenti inkluż il-bankini.
Jista' l-Ministru jgħin biex tinbidel ir-rotta 136 minn kif inhi bħalissa u tibda tgħaddi minn ġewwa il-Mosta wara li titlaq mill-Għargħur qabel ma tinżel Birkirkara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-preżent diġà hemm rotot oħra tat-trasport pubbliku li jgħaqqdu lil Għargħur mal-lokalitajiet tal-Mosta u Birkirkara. Rotta 35 tgħaqqad lil Għargħur mal-Mosta filwaqt li r-Rotta 136 imsemmija mill-Onor. Interpellant tgħaqqad lil Għargħur mal-lokal ta’ Birkirkara.
Infurmat ukoll li sakemm jintgħażel l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku mhux se ssir tibdil fir-rotot eżistenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb ta' ffurmat ta' triq ġdida jew twessiegħ tat-triq fl-area f'Ħal Lija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet spezzjoni fit-triq imsemmija u jirriżulta li l-parti ta’ triq indikata m’hiex inkluża fl-iskema tal-bini. Inżid li l-iffurmar tat-toroq mhiex responsabiltà ta’ Transport Malta iżda ta’ min ikun qed jiżviluppa il-proprjetà.