Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern issa hux beħsiebu jkompli l-programm ta' bini ta' skejjel ġodda? Jista' jgħid b'liema programm beħsiebu jimxi bih il-Gvern? Liema huma l-iskejjel ġodda li għandhom jinbnew u sa liema data għandhom jitlestew? Jista' jagħti d-dettalji dwar liema huma l-iskejjel immarkati bħala phasing out school u d-dati meta dawn se jingħalqu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-pjan ta' bini ta' skejjel se jkompli. Dejjem huwa mportanti li wieħed jirrevedi kull pjan li jsir u bħalissa qed isir eżerċizzju sabiex jigi stabbilit pjan ta' bini għall-iskejjel ġodda.
Is-sena skolastika li ġejja l-'Phasing Out Schools' se jiffunzjonaw bi studenti tal-Form 4 u Form 5. Għas-sena ta' wara jkunu jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet skont il-bżonnijiet tal-istudenti ta' kull skola. Ma jkunx għaqli li l-istess deċiżjoni ta' għeluq tittieħed għall-iskejjel kollha. Id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu skont il-bżonnijiet tal-istudenti u l-ħaddiema.
Peress li l-Ministru ħabbar li se tinbeda s-sistema ta' co-ed fl-iskejjel governattivi, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx rapport minn esperti li fuqu l-gvern ibbaża d-deċiżjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, min għamel dan ir-rapport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li s-sistemi co-ed ilhom fis-seħħ madwar id-dinja kollha u hemm ħafna studji li juru l-vantaġġi ta' din is-sistema. F'pajjiżna wkoll għandna din is-sistema fil-qasam indipendenti u ħalliet il-frott tagħha fl-iżvilupp tat-tfal, jiġifieri fl-iżvilupp akkademiku, soċjali, psikoloġiku u anke emozzjonali. Meta wieħed jistudja ir-riżultat tas-sistema co-ed f'pajjiżna wieħed jara li dan l-iżvilupp mhux biss huwa pass naturali imma wkoll pass li ser itejjeb il-kwalita' fl-edukazzjoni f'pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux d-data meta beħsiebu jintroduċi s-servizz ta' sigurtà fl-iskejjel? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min se jipprovdi t-tali servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li sigurta' fl-iskejjel diġa' hemm. Il-proviżjoni ta' sigurta' fl-iskejjel tingħata minn watchmen, cctvs, reception areas u sistemi kontrollati ta' aċċess. Li jrid isir issa huwa li jitjieb il-livell ta' sigurta' fl-iskejjel billi fejn hu possibli fuq medda ta' żmien jiġu ntrodotti aktar reception areas, sistemi ta' cctv u aktar kontrolli ta' aċċess.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 206 u t-tweġiba għaliha, jista' l-Ministru jgħid jekk b’konsegwenza tal-evalwazzjoni ta’ Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta’ Gvern preċedenti Nazzjonalista għall-MCAST hux se jieqaf ix-xogħol fuq il-bini ta' campus ġdid? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv kemm hemm ħsieb li jtawwal dan il-waqfien mix-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Mhux se jieqaf ix-xogħol fuq il-bini ta' campus ġdid għall-MCAST.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 206 u t-tweġiba għaliha, jista' l-Ministru jgħid jekk b’konsegwenza tal-evalwazzjoni ta’ Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta’ gvern preċedenti Nazzjonalista għall-MCAST, jekk dan id-dewmien jistax jipperikola xi għoti ta' fondi Ewropej?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Mhux se nħalli l-evalwazzjoni tipperikola l-għoti ta' fondi Ewropej.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 206 u t-tweġiba għaliha, jista' l-Ministru jgħid jekk b’konsegwenza tal-evalwazzjoni ta’ Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta’ gvern preċedenti Nazzjonalista għall-MCAST, jassigura lill-Kamra li l-bini ta' campus ġdid se jitlesta fiż-żmien stipulat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ix-xogħol fuq il-campus tal-MCAST se jitkompla kif kien ippjanat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 208 u t-tweġiba tiegħu għaliha, jista' l-Ministru jgħid sa meta huwa maħsub li l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki se jkollu post xieraq minn fejn jopera wara li tneħħa minn Casa Leoni f'qasir żmien biex jiġi akkomodat Ministeru ieħor?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 209 u t-tweġiba tiegħu għaliha, jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskola sekondarja ġdida tal-bniet tal-Iskola San Benedittu f’Ħal-Kirkop ippjanata minn Gvern Nazzjonalista hix se titkompla wara li jitlesta b’mod pożittiv il-proċess mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 209 u t-tweġiba tiegħu għaliha, jista' l-Ministru jgħid x’inhu ippjanat jekk jitwal il-proċess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jew jekk Gvern Laburista ġdid jibqa' ma jallokax fondi, kif kien se jsir minn Gvern Nazzjonalista, biex tinbena din l-iskola ġdida?
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn ġewx impjegati nies, li qabel kienu jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), ma' Minisiteri, dipartimenti tal-gvern, koporazzjonijiet u entitajiet oħra governattivi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid:
a) liema huma dawn id-dipartimenti/entitajiet li magħhom ġew impjegati;
b) kemm kien ilhom jirreġistraw mal-ETC; u
ċ) x'kienu l-job preferences tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xoghol u Taħriġ (ETC) u ġew impjegati ma' Ministeri, dipartimenti tal-gvern, korporazzjonijiet u entitajiet oħra governattivi mill-11 ta' Marzu sas-26 ta' April 2013 kien ta' sitta. Din skont l-informazzjoni li tirċievi l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mill-formoli ta' bidu ta' impjieg.
Id-dipartimenti, entitajiet u Ministeri huma li ġejjin:-
Ministeru tas-Saħħa
Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ
Kunsill Lokali Ħamrun
Kunsill Lokali Rabat
Kummissjoni Persuni b'diżabilita'
Ħamsa minn dawn il-persuni kienu ilhom jirreġġistraw għal anqas minn sitt xhur filwaqt li l-persuna l-oħra kien ilu jirreġistra bejn sitt xhur u tnax-il xahar.
Il- Job Preference tagħom kien kif ġej:-
Legislators, Senior Officials and Managers
Professionals
Technicians and associate professionals
Elementary occupation
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni impjegati mill-ETC
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu ġewx impjegati individwi li huma minn barra s-Servizz Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u jekk kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fis-segretarjat tiegħi hemm tnax-il persuna li ġejjin minn barra s-Servizz Pubbliku. Żewġ persuni minnhom kienu jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ filwaqt li persuna oħra kienet tirreġistra 3rd part.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Kunsill Malti għall-Isport bejn Ġunju 2012 u Marzu 2013? Jista' jgħid f'liema gradi ġew impjegati? Jista' jgħid ukoll kif saret is-sejħa għall-impjiegi u kemm applikaw f'kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn il-perjodu Ġunju 2012 u Marzu 2013 ġew impjegati 16-il persuna full-time u 284-il persuna part-time mal-Kunsill Malti ghall-iSport. Dawn ġew impjegati wara sejħa interna fis-settur pubbliku u/jew sejha pubblika. Aktar informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kapijiet tal-iskejjel Post-Sekondarji, Sekondarji u Primarji f'Malta u f'Għawdex u li jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li l-Ministru qal fuq program televiżiv li l-Gvern Laburista mhux se jibqa' jibni skejjel ġodda imma minflok se jiffoka fuq il-manutenzjoni ta' l-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol hux se jsir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija tiegħu hi mibnija fuq premessa żbaljata.
Peress li l-Ministru qal fuq program televiżiv li l-Gvern Laburista mhux se jibqa' jibni skejjel ġodda imma minflok se jiffoka fuq il-manutenzjoni tal-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid kif se jissodisfa ċerti kriterji u standards mitluba mill-Kurrikulum Minimu Nazzjonali fosthom f'dak li huwa bini ta' laboratorji fi skejjel qodma?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 234.
Peress li l-bini tal-skejjel ġodda kif proġettati mill-Gvern Nazzjonalista preċedent kien miexi id f'id mar-riforma fil-qasam tal-Edukazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk allura l-gvern hux bi ħsiebu jwaqqaf jew ibiddel xi ħaġa minn dak proġettat fir-riforma b'mod partikolari f'dawk li huma kulleġġi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed issir evalwazzjoni tas-sistema tal-Kulleġġi u deċiżjonijiet futuri jittieħdu wara din l-evalwazzjoni.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ingaġġ ta' konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) mid-9 ta' Marzu 2013 'il quddiem li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li żewġ persuni nħatru bħala konsulent fid-dekasteru tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn. Dawn huma s-Sur Maurice Gruppetta u s-Sur Edward Caruana. Kopja tal-kuntratti relattivi tal-konsulenti msemmija (dokumenti 'A' u 'B' rispettivament) qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.