B’referenza għall-intervent li għamel il-Ministru waqt id-dibattitu tal-Estimi Finanzjarji ta’ Heritage Malta, jista’ l-Ministru jikkonferma li ma ħarġet l-ebda tender relatata max-xogħol manwali fuq il-Mużew tal-Arti l-Ġdida? Jekk fl-affermattiv meta ħa jibdew joħorġu dawn it-tenders u x’kienet ir-raġuni għal dan id-dewmien?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 18020. L-ewwel tender CT3025/2015 għar-restawr tal-faċċata tal-Berġa tal-Italja ġie ppubblikat fil-5 ta’ Ġunju u għalaq fis-16 ta’ Lulju. Il-proġett MUŻA miexi kif ippjanat u ma hemm l-ebda dewmien.
Ma jagħmilx ħazin l-Onor. Interpellant jekk jipprova jżomm ruħu aġġornat.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-vjaġġi tas-safar kollu li sar minn uffiċjali ta’ Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa?? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li saru dawn il-vjaġġi u minn min saru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi 28 xahar ta’ dina l-amministrazzjoni kien hemm 100 safra INQAS mill-aħħar 26 xahar ta’ Gvern preċedenti minn uffiċjali ta’ Heritage Malta.
Dan ifisser f’inqas żmien, taħt Gvern preċedenti kien isir ferm iktar safar.
Bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u Marzu 2013 kien hemm 179-il safra minn ufficjali ta’ Heritage Malta, filwaqt li minn Marzu 2013 sa nofs Lulju 2015 kien hemm 79-il safra.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li tindika l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet li hemm bżonn fi Triq Profs Nerik Vassallo fis-Siġġiewi sabiex jitneħħew il-ħofor li qegħdin ikunu ta’ inkonvenjent u periklu għar-residenti ta’ din it-triq u tal-madwar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li t-triq imsemmija hija mniżżla fil-lista ta’ xogħolijiet li l-Kunsill se jwettaq fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jara l-byelaw tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, fejn hawker irid iħallas ‘l fuq minn €400 kuljum, liema byelaw kienet maħsuba għall attivitajiet kbar u li qegħda teskludi lil ħafna?
Response (BONNICI, OWEN)
Se ninkariga lid-Direttur għall-Gvern Lokali jidħol fil-kwistjoni u jistudja attentivament din il-bye law li kienet għaddiet fi żmien amministrazzjoni oħra tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jara li jitnaddaf biċċa art li tinsab fi Triq il-Belt Valletta ġewwa Ħal Qormi peress li kif indikat fir-ritratti qed jingħataw separatament hemm ammont ta' skart li permezz tiegħu qiegħed jinġemgħu ġrieden u nsetti li qegħdin jikkawżaw rwejjaħ u mard? Kif ukoll, jista' l-Ministru jara li jittella' ċ-ċint li jdawwar din l-art peress li jinsab fi stat perikoluż għal kull min jgħaddi minn quddiem din l-istess art?
Response (BONNICI, OWEN)
Peress li l-art in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilita’ tal-Kunsill Lokali rispettiv, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Fir-rigward li jittella’ ċint, informat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ressaq it-talba quddiem il-MEPA li hija l-awtorità kompetenti li tista’ tobbliga lis-sid ta’ din l-art biex itella’ ċint.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi huwa impenjat li ġaladarba jiġi identifikat is-sid, jittieħdu l-passi neċessarji flimkien mal-Awtorità Maltija tal-Ippjanar sabiex jitneħħa l-istat ta’ periklu attwali.
Imqabba – Triq Mons. Alfons Caruana – tindif ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu biex parti minn Triq Mons. Alfons Caruana kantuniera ma’ Triq George Martin fl-Imqabba fejn nofs it-triq għadha mhux mibnija din tiġi mnaddfa u mwittija kif ukoll jittella’ ħajt fuq il-linja hekk kif stabbilit mill-MEPA biex jiġi evitat li jkompli jinġema’ iktar ħmieġ li qed iġib miegħu ħafna ġrieden u konsegwentament t' hekk jista’ wkoll iġib il-mard?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li wara l-laqgħa pubblika fil-lokalità ssejjħet laqgħa speċifika mar-residenti fi Triq Monsinjur Alfons Caruana. Wara dik il-laqgħa, fejn ir-residenti semmew diversi problemi li jesperjenzaw il-Kunsill għamel kuntatt mal-MEPA bit-telefon (fit-30 ta’ Marzu 2015) bil-għan li jkun identifikat sid l-għalqa privata, jintalbu jieħdu l-passi meħtieġa billi jmorru fis-sit indikat u jaraw xi problemi kien hemm, u jitolbu lis-sid itella’ l-ħajt.
Kien hemm diversi okkażżjonijiet oħra li sar kuntatt mal-MEPA, iżda baqgħat ma ttieħdet ebda azzjoni u s-sid qatt ma ġie mġiegħel inaddaf l-għalqa u jtella’ l-ħajt skont il-liġi.
F’Lulju, fuq is-sit soċjali, ir-residenti tal-inħawi tellgħu ritratti ta’ skart fi Triq Mons Alfons Caruana. Hemmhekk is-Sindku personalment marret mal-kollettur tal-iskart biex tidentifika ż-żona problematika, u rriżulta li r-ritratti li tellgħu ir-residenti onlajn kienu meħudin mill-gallariji, u kienu jirreferu għal skart f’nofs plot privata, mimlija ħaxix għoli ħafna, b’tali mod illi l-boroż suwed setgħu jispiċċaw f’nofs l-għalqa biss billi jitwaddbu minn fuq xi bejt, gallarija jew min nofs it-triq. Eventwalment, ir-residenti tellgħu onlajn anke filmati ta’ ġrieden, li bdew iduru għall-iskart mormi fl-istess għalqa privata.
Il-Kunsill aġixxa immedjatament fuq dawn l-ilmenti, billi kkuntattja lis-Central Regional Health Inspectorate. Filfatt, aktar minn darba, intefa’ l-velenu tal-ġrieden fiż-żona in kwistjoni. Ġew ikkuntattjati wkoll il-Pulizija mill-għassa taż-Żurrieq, li marru fuq il-post mas-Sindku, u li ntalbu jgħinu biex ikun identifikat sid l-għalqa u jkun imġiegħel itella’ ċ-ċint madwar l-għalqa tiegħu skont il-liġi.
Biex jiġi evitaw li jibqa’ jintefa’ l-iskart fi plots privati, il-Kunsill qiegħed ukoll skip ħadra magħluqa bejn Triq Monsinjur Alfons Caruana u Triq George Martin. Din l-iskip għandha tintuża mir-residenti li ma jkunux jistgħu joħorġu l-iskart qabel jgħaddi l-kollettur, biex il-boroż suwed ikunu f’kontenitur magħluq u ma jkunux faċilment aċċessibbli għall-annimali bħall-ġrieden. Il-kunsill qiegħed ukoll jieħu stimi biex fiż-żona jinstalla sistema ta’ CCTV cameras, bil-għan li dawk li jiksru l-liġu, speċjalment fejn jidħol ir-rimi tal-iskart, iħallsu għal għemilhom. Intalab wkoll is-servizz tal-Green Wardens, biex min jinqabad jikser il-liġi jkun immultat.
Għalkemm mhux kompitu tal-Kunsill li l-plot privata infestata bil-ġrieden titnaddaf, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba qed iġib stimi ta’ kemm se jiswa x-xogħol, bil-għan li issa li l-ġrieden inqerdu bil-velenu, l-annimali mejtin jitneħħew minn din iz-zona residenzjali u ma jxerrdux mard.
Peress li l-Gvern Ċentrali hu kommess li fil-futur qrib jasfalta it-triq li tmiss kantuniera mas-sit in kwistjoni, jiġifieri Triq George Martin, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba se jinsisti biex din il-parti tat-triq quddiem il-plot imsemmi, tieħu wkoll saff qatran biex jinqata’ l-ħmieġ. Dan kollu fl-isfond illi qiegħdin f’kuntatt mal-MEPA biex ikunu identifikati l-wisgħa tat-triq fil-parti fejn qed jintefa’ l-iskart, ġaladarba ma nafux l-identita’ ta’ sid il-plot.
Jista' l-Ministru jispjega fuq liema kriterji u wara liema sejħa pubblika qed jiġu magħżula l-ġuristi li qed jiġu nominati biex jassistu fl-abbozzar ta' sentenzi fil-Qrati tagħna?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għad-domanda tal-Onor. Interpellant, il-ħatra tak-Ġurist kienet waħda mill-proposti kif elekanti fir-rapport tal-Kummissjoni Bonello, fuq liema proposti qed jitħejja abbozz ta’ liġi biex wara ssir konsultazzjoni fuq l-istess.
L-idea tal-Ġurist hija meħuda mis-sistema tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn kull Imħallef ikun assistit minn espert li jabbozza għall-konsiderazzjoni finali tal-Imħallef, normalment wara diskussjoni preliminari mal-Imħallef stess, is-sentenzi relattivi. Dawna jagħmlu wkoll xogħol imprezzabbli ta’ riċerka. Huwa mistenni li dawn il-Ġuristi jgħinu għall- ispedizzjoni aħjar tal-kawżi.
Aħna dehrilna li tenut kont tal-bżonn urġenti li l-kawżi jinqagħtu iktar malajr ikun għaqli jekk minn issa jiġu appuntati avukati
full-time
fuq kuntratt definit u qasir mal-Qorti sabiex jassistu lill-Ġudikanti fil-Qrati Ċivili fir-riċerka u fl-abbozzar tas-sentenzi.
Dan għandu jwassal biex f’qasir żmien ikun hemm titjib fin-numru ta’ kawzi li jiġu konklużi. Għandu jwassal ukoll għal grupp ta’ avukati mħarrġa li jekk il-Ġudikanti jidhrilhom li huma tal-livell mistħoqq ikunu kandidati ideali għal Ġuristi.
Wara diversi diskussjonijiet inkluz mal-Prim Imħallef u mal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti kien hemm qbil li l-ġudikanti sedenti (u mhux il-politiku) jissottomettu diversi ismijiet ta’ persuni kompetenti li jkunu jistgħu jiġu kunsidrati bħala avukati addetti mal-Qrati.
Minbarra dan, b’rispett sħiħ tas-separazzjoni tal-poteri, il-Prim Imħallef innomina żewġ ġudikanti sedenti li flimkien mad-Direttur tal-Qrati għandhom jivverifikaw u jekk ikun hemm bżonn jżommu laqgħat mal-persuni hekk suġġeriti. Wara li ssir il-verifika, tkun fid-diskrezzjoni tal-Prim Imħallef ma’ liema ġudikanti jiġu assenjati l-avukati magħżula.
Jiena nemmen ħafna f’dan il-proġett. Nemmen li b’hekk se nagħtu iktar għodod lill-ġudikanti sedenti b’nies li jkunu magħżula kompletament minnhom u li finalment se jwasslu għal ġustizzja iktar spedita.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16731, jista’ l-Ministru jgħid meta Heritage Malta ħa tħoss li jkun il-ħin opportun li toħroġ il-penali abbinati man-nuqqas li l-kuntrattur/i li joffru s-servizz għas-sigurtà lill-istess Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 16731.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16734, jista’ l-Ministru jikkonferma li n-nuqqas ta’ 1,121 siegħa f’overtime li ma ngħatax lill-grad ta’ watchman f’Heritage Malta huma abbinati mal-performance bonus tal-2014 tas-CEO tal-istess aġenzija u li huma mniżżla f’żewġ miri jiġifieri: “Ensure financial stability and sustainability of HM” u “Implement cost-efficiency measure as required”?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-miri msemmija tas-CEO jirreferu għall-Aġenzija b’mod globali u mhux għal xi settur partikolari. Fost l-oħrajn, l-overtime f’dan il-grad qed jonqos minħabba li n-numru ta’ watchmen impjegati mal-aġenzija qed jonqos.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentair 16735, jista’ l-Ministru jgħid jekk jarahx strambil-fatt li filwaqt li l-management ta’ Heritage Malta qed jiġi ppremjat finanzjarjament għal żieda f’introjtu filwaqt li l-ħaddiema l-oħra tal-Aġenzija li qegħdin fuq il-front line u li bis-saħħa tagħhom qed jiżdied l-introjtu mhux qed jiġu rikonoxxuti għall-kontribut tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li, filwaqt li l-kontribut tal-impjegati kollha huwa apprezzat ħafna, rikonoxximenti finanzjarji jistgħu jingħataw skont il-kundizzjonijiet tax-xogħol rispettivi.
B’referenza għall-intervent li għamel il-Ministru waqt id-dibattitu tal-Estimi Finanzjarji ta’ Heritage Malta, jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-ewwel tenders relatati mal-proġett MUZA?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li, kif ġie ddikjarat fid-diskors imsemmi, l-ewwel tender CT3025/2015 għar-restawr tal-faċċata tal-Berġa tal-Italja fi Triq Merkanti ġie ppubblikat fil-5 ta’ Ġunju 2015 u għalaq fis-16 ta’ Lulju 2015. Il-Proġett MUZA miexi kif ippjanat.
Ma jagħmilx ħazin l-Onor. Interpellant jekk jipprova jżomm ruħu aġġornat.
B’referenza għall-intervent li għamel il-Ministru waqt id-dibattitu tal-Estimi Finanzjarji ta’ Heritage Malta, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħass il-ħtieġa li jfaħħar b’isimhom numru limitat ta’ nies? Ma jaħsibx li billi għamel hekk, eskluda barra numru enormi ta’ nies, li huma l-fus tal-istess Aġenzija u li kieku ma kienx għalihom, in-nies li semma’ ma setgħu jagħmlu xejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Naħseb li l-Onor. Interpellant ma kienx attent waqt is-Seduta Parlamentari li qed jirreferi għaliha għaliex jien irringrazzjajt lil ħaddiema kollha diversi drabi. Issa, nirringrazzja lilu li qed jerġa’ jagħtini din l-opportunità li mill-ġdid nirringrazzja lil ħaddiema kollha ta’ Heritage Malta għax-xogħol siewi u tajjeb li qed jagħmlu tant hu hekk illi fl-aħħar sena kien hemm żieda fin-numru ta’ viżitaturi f’bosta mużewijiet mis-sena 2013 għas-sena 2014, fosthom:
- Il-Palazz tal-Granmastru fejn kien hemm żieda ta’ 14,324 viżitatur
- L-Armerija fejn kien hemm żieda ta’ 11,436 viżitatur.
- Il-Katakombi ta’ San Pawl fejn kien hemm żieda ta’ 5,858 viżitatur
- Mu¿ew Nazzjonali tal-Arti fejn kien hemm żieda ta’ 3,064 viżitatur
- Ħaġar Qim fejn kien hemm żieda ta’ 2,946 viżitatur
- Il-Ħabs l-Antik t’Għawdex fejn kien hemm żieda ta’ 2,584 viżitatur
- L-Imnajdra fejn kien hemm żieda ta’ 1,712 viżitatur
- Ta’ Ħaġrat fejn kien hemm żieda ta’ 1,280 viżitatur
- Il-Mitħna ta’ Kola fejn kien hemm żieda ta’ 818 viżitatur
- L-Ipoġew fejn kien hemm żieda ta’ 552 viżitatur
- Skorba fejn kien hemm żieda ta’ 542 viżitatur
Meta wieħed jikkunsidra is-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, s-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta fejn għall-ewwel darba Heritage Malta għalqu s-sena b’profitt.
Bir-ragun, niftahar bil-ħiliet tal-ħaddiema ta’ Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li wara x-xogħol estensiv li sar fuq il-mekkaniżmu strutturali intern tal-mitħna iktar kmieni din is-sena, dan issa wasal biex jiġi konkluż u fi ftit gimgħat oħra jitpoġġa l-kappell f’postu. L-antenni ta’ barra jitwaħħlu iktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x’jiġri mid-deheb u oġġetti oħra li jinstabu fuq persuna mejta? Jista’ jgħid kif dawn jistgħu jiġu rritornati lura għand il-werrieta? Jista’ jgħid ukoll jekk hemm xi żmien stipulat sa meta dan irrid jiġri?
Response (BONNICI, OWEN)
Meta tinstab persuna mejta u tinfetaħ inkjesta, id-deheb u oġġetti oħra li jinstabu fuq il-persuna l-mejta normalment jittieħdu l-Qorti sabiex jiġu annessi mal-inkjesta u jinżammu mill-uffiċjal inkarigat mill-esebiti. Biex dawn l-oġġetti jiġu ritornati lill-werrieta tkun trid issir talba lill-Maġistrat inkarigat mill-inkjesta u m’hemm l-ebda żmien stipulat fil-liġi sa meta tista' ssir din it-talba.
Jista' l-Ministru jgħidilna kemm-il seduta hemm quddiem il-Qorti tal-appell differita fis-sena 2013 u 2014 minħabba indispożizzjoni jew raġuni oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Nifhem lil-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Qorti ta’ l-Appell Ċivili (Sede Superjuri).
Irrid ngħid li s-sena li għaddiet żdiedu l-ammont ta’ seduti appuntati u naqsu l-ammont ta’ seduti differiti. Dan wassal għal titjib fil-Clearance Rate ta’ din il-Qorti. Ma jfissirx però li għamilna biżżejjed u l-Gvern jemmen li l-waiting time f’dina l-Qorti għadu għoli wisq.
Il-Gvern fil-fatt, kif imħabbar fl-aħħar budget, se jippilota abbozz ta’ liġi li jemenda l-proċedura ċivili li se jipprovdi soluzzjonijiet għall-aħjar spedizzjoni tal-kawzi anke quddiem din il-Qorti.
Intant l-informazzjoni sena b’sena fl-aħħar erba' snin hi kif ġej:
Sena
Total ta' Seduti Differiti
Total ta' Seduti Appuntati
2011
Qorti tal-Appell (Sede Superjuri)
5
109
2012
Qorti tal-Appell (Sede Superjuri)
6
114
2013
Qorti tal-Appell (Sede Superjuri)
4
101
2014
Qorti tal-Appell (Sede Superjuri)
1
119
Peress li l-użu ta’ drones qed jinfirex, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex l-abbuż mid-drones ikun projbit u l-użu tagħhom ikun ikkontrollat u l-privacy tal-individwu tkun protetta b’mod konkret?
Response (BONNICI, OWEN)
L-użu tad-drones, speċjalment minn persuni privati, jqanqal bosta kwistjonijiet kemm mil-lat ta’ sikurezza u ta’ użu ta’ spazju tal-ajru kif ukoll mil-lat ta’ protezzjoni tal-privatezza.
Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar it-Trasport hija impenjata fl-abbozzar ta’ Avviż Legali fuq is-suġġett illi dwaru saret u għandha terġa' ssir konsultazzjoni pubblika.
Kif diġà ngħad aktar ‘l fuq dan huwa wkoll suġġett li jqajjem tħassib anke mil-lat ta’ rispett tad-drittijiet fondamentali u partikolarment mil-lat tar-rispett għad-dritt tal-privatezza u għalhekk il-Ministeru tiegħi se jagħti l-kontribut tiegħu minn dan l-aspett.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont il-parir li għandu, meta l-burka - l-ilbies li jgħatti l-wiċċ kollu - tintlibes f’postijiet pubbliċi jew waqt sewqan ta’ vetturi , tkunx konformi mal-liġijiet ta’ Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni 'l għala din is-sena ma kienx imqassam il-ktejjeb kommemorattiv li normalment jitqassam waqt il-funzjoni li ssir fil-Konkatedral ta' San Ġwann nhar Jum l-Indipendenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Naħseb li l-Onor Interpellant għandu raġun jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward u jiena stess għamilt l-istess rimarka mal-Kumitat Festi Nazzjonali.
Esiġejt li dan in-nuqqas ma jiġix ripetut għas-sena li ġejja.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – mobile phones mħallsa mill-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nħoloq wara r-reshuffle ta' April 2014.
Il-mansjonijiet tal-Ministeru responsabbli mill-Gustizzja f'din il-legi¿latura huma differenti mill-mansjonijiet tal-Ministeru responsabbli mill-Ġustizzja fi Gvern preċedenti, anke għaliex waqt li f'leġi¿latura preċedenti l-Ministeru responsabbli mill-Ġustizzja ma kellux Segretarju Parlamentari miegħu, il-Ministeru llum hu magħmul kemm minn Ministru u kemm minn Segretarju Parlamentari.
Fl-aħħar leġislatura s-Segretarjat Privat fil- Ministeru responsabbli mill-Ġustizzja kellu massimu ta’ 14-il numru bil-mobile phone mħallas mill-Gvern u l-ispi¿a fuq mobile phones f’din il-legislatura kienet ta’ Eur 45,500.
Bejn April 2014 u t-30 ta' Ġunju 2015 is-Segretarjati Privati fil-Ministeru tiegħi u tas-Segretarjat Parlamentari bejniethom kellhom 9 persuni bil-mobile phone mħallas bl-ispiza tkun ta’ Eur 17,020.30.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – xiri ta’ biljetti minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rikjesta. Inxtraw b'kollox 71 biljett li l-valur medju tal-biljetti huwa dak ta’ €388.11. Kull darba li inxtraw dawn il-biljetti intalbu kwotazzjonijiet skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern.