Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #23734 Sitting 365 2016-03-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet ta’ restawr

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18676, jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa r-restawr ta' dawn li ġejjin u f'kull każ min tħallas għal dan ix-xogħol kif ukoll ix-xogħol ingħatax b'direct order, b'tender jew wara kwotazzjonijiet: - Restawr tal-monument ta' Ninu Cremona fir-Rabat, Għawdex; - Restawr tal-istatwa ta' Sant' Indrija fix-Xlendi; - Restawr u riabilitazzjoni tal-faċċata tal-Ministeru għal Għawdex; - Restawr tal-funtana Three Hills; - Restawr tal-Kappella taċ-Ċimiterju tar-Rabat, Għawdex; - Restawr tan-niċċa ta' San Alwiġi fl-Għarb; - Restawr tal-Banca Giuratale; u - Tisħiħ u konsolidazzjoni ta' fdalijiet fiċ-Ċittadella?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Leg 12 PQ #23735 Sitting 365 2016-03-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Restawr fuq proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol ta' restawr fuq il-proġetti indikati, min ser jagħmel dan ix-xogħol, kif intgħażel min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti: - restawr taċ-Ċimiterju tal-Pesta fix-Xagħra; - restawr tan-niċċa fi Triq is-Sellum fix-Xagħra; u - restawr tal-istatwa ta' San Pawl f'Marsalforn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li t-tliet proġetti msemmija huma nklużi f’lista ta’ talbiet għal xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni li għadhom qegħdin jiġu evalwati u prijoritizzati.
Leg 12 PQ #18689 Sitting 364 2016-03-02 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — membri ta' bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri kollha tal-bordijiet fl-entitajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji eċċ. li jaqgħu taħtu, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ remunerazzjoni u benefiċċji oħra li kellhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #18676 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet ta’ restawr

Question

Jista' l-Ministru jelenka x-xogħlijiet ta' restawr li qed isiru madwar Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-elenku tax-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru f’Għawdex huwa kif muri fuq il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #18677 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – titjib tal-prodott offrut lit-turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’embellishments u xogħlijiet saru sabiex jitjieb il-prodott offrut lit-turisti f’Għawdex minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru diversi embellishments u xogħlijiet sabiex ikompli jitjieb il-prodott offrut lit-turisti f’Għawdex, fosthom dawk elenkati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #18678 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza Indipendenza u Pjazza Sabina – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli għax-xogħlijiet li saru fi Pjazza Indipendenza u Pjazza Sabina?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex) kien responsabbli għax-xogħolijiet li saru fi Pjazza Indipendenza u Pjazza Sabina.
Leg 12 PQ #23566 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għall-Għawdex — direct order

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab nfurmat li l-Gozo Channel Company Limited, tgħat xogħol ta’ konsulenza lid-ditta ta’ l-Avukati li qegħda ssir referenza għaliha, fis-sena 2006, għall-valur ta’ €1,855.35. Ix-xogħol ġie mogħti b’direct order.
Leg 12 PQ #18670 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ix-Xagħra – sit okkupat mill-miżbla fil-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar u qed isir mis-sit preċedentament okkupat mill-miżbla fil-Qortin, ix-Xagħra, u dan fid-dawl tal-ħidma li qed issir flimkien ma' WasteServ? Jista' jaġġorna dwar is-sit tal-Kus fix-Xewkija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn is-siti huma amministrati mill-Wasteserve, għalhekk nitlob lill-Onorevoli jirreferi din d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #18671 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Eco-Gozo – xogħlijiet għall-proġett ta’ water catchment

Question

Jista' l-Ministru jelenka x’xogħlijiet saru minn Eco-Gozo minn Marzu 2013 sal-lum, b'mod partikolari proġetti ta' water catchment fil-widien?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba, hija skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #18672 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Università ta’ Malta u MCAST – studenti Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti Għawdxin fl-Università ta' Malta u l-MCAST f'Malta u kif assista tali studenti fl-aħħar sentejn u nofs?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li a rigward l-ewwel parti tad-domanda l-informazzjoni hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra; u bħala informazzjoni addizzjonali jrid jingħad illi l-Gvern preżenti kien u għadu kommess illi jgħin lill-istudenti Għawdxin, dawk li jattendu l-Universita’ ta’ Malta, l-MCAST u l-ITS. Eżempju ta’ dan huma: · Lockers fl-Universita’ għall-istudenti Għawdxin; · żieda ta’ €100 kull term; · Kważi l-istudenti Għawdxin kollha għandhom il-benefiċċju li jagħmlu l-eżamijiet Għawdex; · a rigward l-istudenti tal-ITS gie introdott s-suġġett tal- hospitality fil-livell sekondarju.
Leg 12 PQ #18673 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t’Għawdex –servizzi ġodda lil pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-pazjent Għawdxi qiegħed jibbenefika minn servizzi ġodda li bdew jingħataw mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #18674 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Skola Medika ta’ Barts – investiment għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ifisser għal Għawdex l-investiment tal-iskola medika ta' Barts?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan hu investiment qawwi għal Għawdex li ser iġib iktar opportunitajiet ta’ xogħol u investmenti anċillari. Ser jiżdiedu n-numru ta’ sodod, speċjaliżazzjonijiet fil-qasam tal-mediċina, sa 300 student, li mhux biss ser iħallsu għat-tagħlim imma li ser iġibu magħhom tip ta’ xogħol ġdid (bżonnijiet ta’akkommodazzjoni, ikel, trasport, divertiment), turiżmu mediku li wkoll għandu ‘-multiplier effects’ tiegħu fl-ekonomija ta’ Għawdex. Barts u il-London School of Medicine and Dentistry għandhom isem internazzjonali li ser iġġib professjonalita fis-servizzi li jingħataw fl-isptar t’Għawdex. Fuq kollox il-ħaddiema ta’ l-isptar ser ikunu parteċipi f’din il-bidla għall-aħjar u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ser jitjiebu, barra l-fatt li ser jibqgħu ħaddiema tal-Gvern.
Leg 12 PQ #18675 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Fast Ferry Service bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk hemmx il-ħsieb li jkun varat fast ferry service bejn il-gżejjer?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif intqal diversi drabi l-Gvern preżenti hu kommess biex ikompli jtejjeb l-aċċessibilità b’kull mezz. Dwar is-servizz ta’ fast ferry service twaqqaf kumitat ad hoc li jien infurmat wasal fl-istadju li jiddeċiedi l-konkluzzjonijiet tiegħu.
Leg 12 PQ #18664 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema taċ-Ċivil rikolati minn Malta għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati ħaddiema taċ-Ċivil minn Malta għal Għawdex minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa, ġew relokati 326 ( tlett mija sitta u għoxrin ) ħaddiema taċ-Ċivil minn Malta għal Għawdex. Dan għamilnih biex inkomplu ntejbu s-servizzi mediċi u edukattivi f’Għawdex, b’mod partikolari. Minnhom hemm ukoll 29 Pulizija li ġibnihom Għawdex bil-għan li nżiedu s-sigurta’ fil-gżira tagħna.
Leg 12 PQ #18665 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Foreign Direct Investment

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm sar Foreign Direct Investment f'Għawdex bejn Settembru 1998 u Frar 2013, xahar b’xahar b’mod separat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ investiment dirett barrani approvat mill-2004 (minn meta il-Malta Enterprise ġiet imwaqqfa) għal Għawdex huma ta’ proġett 1 li ġie approvat fi 2005 u jopera fis-settur tal-inġenerija. Żewġ (2) proġetti oħra ġew approvati fi 2008 u wieħed (1) fi 2011 imma dawn mgħadhomx joperaw. Dan juri biċ-ċar il-faqar ta’ investiment barrani f’Għawdex taħt amministrazzjoni Nazzjonalista’.
Leg 12 PQ #18666 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – żieda ta’ turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda ta' turisti li Għawdex esperjenza minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Din iż-żieda ma’ ġietx mix-xejn imma rreġistrajna tali żieda għax dan il-Ministeru qed jaħdem bil-galbu u b’viżjoni.
Leg 12 PQ #18667 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – ftuħ ta’ lukandi u/jew boutique hotels

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm fetħu jew hemm pjan li jinfetħu, lukandi u/jew boutique hotels minn Marzu 2013 sal-lum? Kemm għalqu lukandi f'Għawdex bejn Settembru 1998 u Frar 2013 u liema kienu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ ta’ applikazzjojijiet għall-akkomodazzjoni li ġew sottomessi minn Marzu 2013 sal-lum. Bejn Marzu 2013 sal-lum infetħu żewġ stabilimenti: lukanda ta’ żewġ stilel u Guest house. Bejn Settembru 1998 u Frar 2013 għalqu 3 lukandi li kienu l-Andar (erba’ stilel), l-Imġarr (ħames stilel), kif ukoll l-Atlantis (tlett stilel). Fl-istess perjodu għalqu ħames Guest houses.
Leg 12 PQ #18668 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – programmi biex jiġi attirati turisti

Question

Jista' l-Ministru jelenka xi inċentivi jew programmi li vara jew se jvara biex attira/jattira aktar turisti lejn Għawdex? Jista' jgħid kif qed jikkumbatti l-problema tal-istaġjonalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex vara diversi inizjattivi biex jattira iktar turisti lejn Għawdex u jikkumbatti l-problema tal-istaġjonalita. Filwaqt li inżamm ir-reklamar fuq pubblikazzjonijiet prinċipali u speċjalizzati, sar sfors intensiv fuq il-midja diġitali, fejn qed isir kampanja ta’ reklamar diġitali ffinanzjata b’fondi mill-Unjoni Ewropeja. Sar reklamar ukoll fuq siti prinċipali tal-ivvjaġġar bħal Tripadvisor. Travelzoo, u Responsibletourism. Il-Ministeru ffoka wkoll fuq setturi relatati mal-adventure tourism, climbing u mixjiet, li huma l-iktar popolari fix-xhur tal-Ħarifa u tax-Xitwa. Il-Ministeru għandu l-ħsieb ukoll li jniedi skema li biha jkun jista’ jgħin d-Diving Centres f’Għawdex biex jipparteċipaw f’fieri speċjalizzati barra minn Malta, u biex jirreklamaw l-attivita’ tagħhom. Il-Ministeru ffoka wkoll l-isforzi tiegħu li jkompli jirreklama bis-sħiħ fuq livell internazzjonali l-attivitajiet kulturali prinċipali Għawdxin bħal-opri, il-festivals kulturali nternazzjonali, il-Milied u l-Karnival. Il-Ministeru pparteċipa wkoll f’fieri nternazzjonali barra minn Malta, u għen lill Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu biex tipparteċipa f’diversi fieri. Sar ukoll sforz intensiv fuq it-turiżmu domestiku bl-organizzazjoni ta’ diversi attivitajiet, u ta’ Travel to Gozo weekends fejn residenti f’Malta ġew inċentivati li jżuru lil Għawdex billi jiġu mogħtija nollijiet irħas fi żminijiet partikolari fejn l-attivita’ f’Għawdex tkun ġeneralment iktar batuta.
Leg 12 PQ #18669 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Industrija tal-Films

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu fil-qasam tal-industrija tal-films? Kemm hu kkalkolat li ħalla fl-ekonomija Għawdxija l-film ta' Brad Pitt u Angelina Jolie? Kif qed jippjana l-istess Ministeru li jisfrutta tali film?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-kumpanija inkarigat mill-film ta’ Brad Pitt u Angolina Jolie nefqet madwar Euro 12 miljun fuq il-produzzjoni tal-film, bil-filming isir kollu fuq il-gzira Għawdxija . Dan l-ammont jitla ħafna aktar meta wieħed jqis il-flus li l-crew tal-film nefqu meta kienu Għawdex, fosthom f’ħwienet u restoranti Għawdxin. Dan l-ammont ma jistax jiġi kwantifikat bi preċiżjoni, iżda l-indikaturi ekonomiċi juru li fil-perjodu tal-film ġiet ġenerata attivita’ ekonomika kbira. Il-film ħaddem mijiet ta’ nies , direttament mal-kumpanija tal-produzzjoni , u inderettament permezz ta’ servizzi varji li l-kumpanija kellha bżonn. Il-Ministeru flimkien mal-Film Commission qed jaħdmu sabiex jattiraw ħafna aktar produzzjonijiet lejn Għawdex.
Leg 12 PQ #23003 Sitting 361 2016-02-24 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex, dipartimenti u entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ma tawx xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija imsemmija mill-2004 sa Marzu 2013.