Legislature:
Category:
Reset
Active:

Detox Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni rrikorrew għall-assistenza mill-vizzju tad-droga fid-Detox Centre għall-perijodi mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-31 ta' Diċembru, 1999 u mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 1999, 759 persuni bi problema ta' droga attendew ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox; 2. Mill-1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Ottubru 2000, attendew 851 persuni fl-imsemmi Ċentru.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-koppja pensjonanta li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, jirċievu ċ-ċekk tal-pensjoni kemm jista' jkun malajr b'mod partikolari wara li f'mistoqsija parlamentari li għamilt jiena ġew assigurati li ser jirċevuh?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma spjegajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20831, l-pensjoni tal-persuna msemmija titħallas ma' l-ewwel pagamenti li jkunu dovuti wara li l-persuna tkun rtirat. F'dan il-każ l-ewwel pagamenti ta' pensjoni għal min jirtira jitħallsu fid-9 ta' Diċembru. Dwar dan, il-persuna kkonċernata diġa' ġiet infurmata.

Benefiċċji soċjali — Children's allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħlasijiet ta' children's allowance li huma b'lura? Veru li hemm każijiet ta' trabi li saħansitra twieldu f'April 2000 u li sal-lum il-ġenituri għadhom ma rċevewx iċ-children's allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' talbiet ġodda li għadhom pendenti għall-Allowance tat-Tfal huwa ta' 95 u dawn huma talbiet li waslu fid-Dipartiment bejn l-24 t'Ottubru 2000 sat-13 ta' Novembru 2000. Hemm 270 każ ta' talbiet pendenti ta' qabel l-24 t'Ottubru. Dawn għadhom pendenti minħabba li l-applikanti kkonċernati naqsu li jibgħatu d-dokumenti li talabhom id-Dipartiment sabiex ikun jista' jipproċessa t-talba tagħhom.

Toroq — Slum Clearance

Question

Wara ir-risposta li ta l-Ministru fir-risposta tiegħu fil-mistoqsiia parlamentari nru. 21428, jista' l-Ministru jidentifika t-toroq u n-numri ta' dawk il-units fejn se jsiru xogħlijiet ta' slum clearance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Anzjani — Dar fil-Gżira

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-kondizzjoni ħażina tas-soqfa tal-home ta' l-anzjani tal-Gżira fejn hemm saħansitra perikli f'ċerti strutturi b'konsegwenza għall-impjegati u r-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Anzjani qiegħdin jieħdu l-passi kollha meħtieġa u mmedjati biex din il-problema tkun solvuta fl-interess ta' kulħadd.

Progetti — Persuni bi Problemi Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar fiex ser ikun jikkonsisti l-proġett li ser isir fl-ex DOE il-Birgu? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-post hux ser iservi ta' residenza għall-persuni bi problemi soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li tajt xahrejn ilu għall-Mistoqsija simili Numru 19102 li kien għamilli.

Benefiċċji soċjali — Relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se joħroġ ir-relief tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u dak ta' l-SKA għal martu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Benefiċċji soċjali — SKA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tieħu ċ-cheque ta' l-SKA li ilu wieqaf ħafna u jekk hiex tieħu l-pensjoni korretta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti raġuni lill-koppja anzjani li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament għaliex tnaqsitilha Lm41 fix-xahar u ġiet imġiegħla tħallas Lm6.00 fix-xahar mill-pensjoni.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-koppja minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Impjegati Ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda matul is-sena 2000 ma' organizzazzjonijiet jew entitajiet parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Xi gradi qegħdin jokkupaw dawn il-ħaddiema? X'salarji/benefiċċji qed jieħdu l-imsemmija ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Djar — Drenaġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tiswija tad-Djar jirranġaw il-problemi ta' drenaġġ li hemm fi flat li d-dettalji tiegħu jidhru separatament minn din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.

San Vinċenż de Paule

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita' hemm li l-persuna anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tiddaħħal f'San Vinċenż de Paule?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjana li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament ġiet ammessa f'San Vinċenz de Paule fit-22 ta' Novembru 2000.

Slum clearance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jiddentifika l-lokalitajiet fejn hemm postijiet fuq slum clearance li għamel il-kumitat ta' slum clearance group? Kemm ġew identifikati postijiet f'kull lokal? Jista' jgħid jekk dawn humiex tal-gvern jew tal-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħdin isiru xogholijiet ta' Slum Clearance f'dawn il-lokalitajiet: Valletta: 34 unit (żewġ siti) Bormla: 30 unit (tliet siti) Tarxien: 7 units (sit wieħed) Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li hemm ippjanati xogħolijiet ta' Slum Clearance f'dawn il-lokalitajiet: Bormla: 112 unit (żewġ siti) Floriana: 36 unit (żewġ siti) Vittoriosa: 3 units (sit wieħed) Msida: 133 unit (erba' siti) Isla: 3 units (sit wieħed) Dawn il-postijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta' xi postijiet f'Bormla u l-Msida li huma ta' l-Uffiċċju Kongjunt huma kollha ta' sidien privati u qiegħdin jiġu esproprijati biex isir ix-xogħol.

Djar — Sussidji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk is-sussidju li bħalissa jingħata fir-rigward tad-djar tal-gvern hux se jibqa' jingħata jekk Malta tkun membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Membru hi mitluba tiċċara xi tfisser bil-kliem "sussidju li bħalissa jingħata fir-rigward ta' djar tal-Gvern". F'kull każ, pero', l-Onor. Membru taf li l-U.E. mhux biss tippermetti, imma tħeġġeġ lill-membri tagħha biex jaddottaw politika mibnija fuq valur tas-solidarjeta'. Dan ifisser li pajjiżi membri jistgħu jkollhom miżuri ta' għajnuna diretta lil dawk il-familji jew persuni li jkunu jikkwalifikaw għal xi benefiċċji soċjali, nkluż, per eżempju sussidju fuq il-kera għal skop soċjali.

Djar — Research and Policy Development Unit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'riżultati xjentifiċi u demografiċi ħarġu mir-riċerki li għamlet ir-Research and Policy Development Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali tar-Research and Policy Development Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-perijodu 15 ta' Lulju 1999 sal-15 ta' Ottubru 2000.