Jista' l-Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999 f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu karozza b'karozza?
Jista' jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perijodu f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tad-Diretturi u Chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-nefqa totali f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi fil-Ministeru, għall-perijodu Frar / Ġunju 1999. Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4260 rigward il-perijodu Settembru 1998 / Jannar 1999.
Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella oħra dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija li wkoll tagħmel paragun ma' nfieq f'diesel u petrol ta' karozzi ta' diretturi u chairpersons fid-dekasteru ta' dan il-Ministeru f'perijodu simili taħt l-amministrazzjoni ta' qabel.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk fil-Lands Department hemmx technical officer I, jew f'kariga ekwivalenti, li qed juża l-vettura uffiċjali tax-xogħol biex imur id-dar biha kif ukoll għal użu personali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm Technical Officer I mill-Estate Management Department li huwa sekondat fl-uffiċċju tad-Direttur Ġenerali ta' l-Artijiet u Kostruzzjoni li għandu l-permess li juża l-vettura uffiċjali skond il-bżonn, anke wara l-ħin tax-xogħol peress li jkun meħtieġ li jagħmel spezzjonijiet f'dawn il-ħinijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li ġew ingaġġati bħala suldati voluntiera (każi ta' riżerva) humiex se jingħataw preferenza meta jinħarġu sejħiet għal ingaġġ ta' suldati fulltime?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jikkonċerna lill-Armata u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jieħdu l-familjari tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li ġie maqtul waqt id-doveri tiegħu? L-ammont li se jieħdu huwa qrib l-ammont li ħa l-persuna li isimha wkoll qed jintbagħat separatament u li ġiet attakkata waqt il-qagħdi ta' dmirha?
Response (BORG, TONIO)
F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 5919 u 6590.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi kumpannija privata li għandha kopja tad-dokumenti tat-trasferimenti u ipoteki kollha li hemm reġistrati fir-Reġistru Pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kumpanija privata kienet xtrat kopja tal-microfilm tad-dokumenti tat-Trasferimenti u Ipoteki li hemm reġistrati fir-Reġistru Pubbliku.
Ninsab infurmat ukoll li dan jikkomprendi l-ipoteki mis-sena 1965 sal-lum, u t-trasferimenti mill-1972 sal-lum, u li dawn id-dokumenti qegħdin jiġu aġġornati kuljum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa hemm sulari approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal Blokk D fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Meta kienu approvati dawn il-pjanti mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Saru xi talbiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal estensjoni ta' iżjed sulari fi Blokk D? Meta saru? Ġew approvati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-isptar il-ġdid, PA 3717/94, ġiet approvata mill-Awtorita` tal-Ippjanar, fit-28 ta' Lulju 1994. Il-Blokk D in kwestjoni ġie approvat fuq erba` sulari 'l fuq mill-livell tal-art.
Fis-sena 1998, ġiet sottomessa applikazzjoni PA 135/98, għal żieda ta' żewġ sulari fuq il-Blokk in kwestjoni. L-Awtorita` ta' l-Ippjanar approvat żieda ta' sular wieħed fuq dan il-Blokk, fid-29 ta' Jannar 1998.
Għalhekk il-Blokk D, preżentament, huwa approvat għal ħames sulari 'l fuq mill-livell ta' l-art ta' madwaru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa hemm sulari approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal Blokk B fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Meta kienu approvati dawn il-pjanti mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Saru xi talbiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal estensjoni ta' iżjed sulari fi Blokk B? Meta saru? Ġew approvati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-isptar il-ġdid, PA 3717/94, ġiet approvata mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, fit-28 ta' Lulju 1994. Il-Blokk B in kwestjoni ġie approvat fuq żewġ sulari 'l fuq mill-livell tal-art.
Ninsab infurmat ukoll li fit-28 ta' Mejju 1999, ġiet sottomessa applikazzjoni, PA 2744/99, għal żjieda ta' sular ieħor fuq il-Blokk in kwestjoni. Din l-applikazzjoni qegħda tiġi pproċessata mill-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi u nassaba jiksru l-liġi din is-sena xahar b'xahar u x'regolament allegatament kisru kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena in-numru ta' kaċċaturi u nassaba li nqabdu jiksru r-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ (A.L. 146/93) kien kif ġej :
Jannar 2
Frar 8
Marzu 10
April 38
Mejju 8
Ġunju xejn
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-Qorti din is-sena fuq pussess ta' droga u kemm minnhom kienu diġa' tressqu l-qorti qabel fuq akkużi simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena, sas-17 ta' Ġunju, l-Iskwadra ta' kontra d-droga tal-Pulizija, ressqet quddiem il-Qorti 96 persuna fuq pussess ta' droga, li minnhom 22 kienu reċedivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li din is-sena sarilhom il-breathalyser test fuqhom? Kemm taw riżultat pożittiv minn dawk ittestjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ġunju ta' din is-sena kien hemm 91 persuna li sarilhom l-breathalyser test u kollha kienu pożittivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-pulizija kull sena, sena b'sena, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għas-snin 1989, 1990, 1991, 1992, 1993 u 1998 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tagħrif għas-snin 1994, 1995, 1996, 1997, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlametari Nru. 69.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin talli mpurtaw sustanza llegali jew ipprojbita? Kemm minn dawn kienu barranin, x'kienet is-sustanza u kemm kwantita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet rrapportati lill-pulizija ta' vjolenza fuq anzjani, tfal eċċ bejn Jannar u Mejju 1999? X'passi ttieħdu u kemm tressqu persuni l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet irrapportati lill-pulizija bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena?
Kemm minnhom kienu serqiet ta' karozzi u fid-djar privati?
Kemm tressqu persuni l-qorti b'konnessjoni ma' dawn is-serqiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena il-Pulizija kellha 3,118 rapport ta' serq, li minnhom 433 kienu dwar serq ta' karozzi filwaqt li 245 kienu dwar serq minn djar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-planning authority għal djar ta' l-anzjani ġodda? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-planning authority għal estensjonijiet ta' djar eżistenti? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-planning authority għall-immodernizzar ta' djar ta' l-anzjani antiki? X'inhi l-politika tal-gvern preżenti dwar djar ġodda ta' l-anzjani rigward min għandu jmexxihom, ċioe' jekk għandux ikun il-gvern jew il-privat? Meta xi kuntrattur privat imexxi djar ta' l-anzjani bħal dik taż-Żejtun, x'miżuri amministrattivi jieħu d-dipartiment biex jikkontrolla l-istandards tas-servizz provdut? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li jorbot il-kuntrattur privat li jmexxi d-dar ta' l-anzjani fiż-Żejtun?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel tlett partijiet tal-Mistoqsija ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għandha quddiema żewġ applikazzjonijiet pendenti għal djar ġodda ta' l-anzjani, filwaqt li l-Bord ta' l-Appelli għandu quddiemu applikazzjoni għal dar ġdida għall-anzjani li hi pendenti għal deċiżjoni fuq talba ta' appell mill-applikant.
Tweġiba għall-kumplament tal-Mistoqsija ingħatat f'Seduta 121.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ittowjati karozzi mill-5 ta' Settembru, 1999 sal-lum? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġew ittowjati? Jista' jgħid kemm minnhom kienu karozzi tal-Ministeri jew li jaqgħu taħt xi dekasteru ta' xi wieħed mill-Ministri? Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata bid-dati u l-postijiet ta' meta dawn il-karozzi ġew ittowjati u jekk il-multa in kwestjoni ġietx imħallsa?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7651.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi investigazzjoni mill-pulizija dwar ħarba ta' xi stowaway minn fuq il-vapur Mint Arrow waqt li kien fil-Freeport u waqt li kienu mgħassa mill-pulizija? X'kien ir-riżultat ta' l-investigazzjoni, jekk saret, u humiex se jittieħdu xi passi dixxiplinarji kontra min jekk kien responsabbli minn xi nuqqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara li dan il-każ ġie nvestigat mill-Pulizija, ma rriżultax li kien hemm lok għall-proċeduri dixxiplinarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni li ġew identifikati bħala immigranti klandestini din is-sena? Kemm intbagħtu lura pajjiżhom din is-sena, kemm għadhom hawn? Minn liema pajjiżi huma dawk li nqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' klandestini li nqabdu wara li daħlu Malta b'dgħajjes jew li nqabdu fl-ibħra territorjali ta' Malta u nġiebu hawn matul din is-sena kien ta' 144. In-nazzjonalita` ta' dawn il-persuni kienet kif ġej :
Niġerjana, Eġizzjana, Alġerina, Iraqina, Ghaniża, Somala u Sierra Leone.
Ninsab infurmat li total ta' 138 intbagħtu lura pajjiżhom jew fil-pajjiż minn fejn ġew waqt li 6 għadhom f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol għamlu d-dgħajjes/laneċ tal-protezzjoni ċivili kemm ilhom li waslu Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm ilhom hawn Malta, id-dgħajjes/laneċ tal-Protezzjoni Ċivili għamlu xogħol li kien jikkonsisti f'taħriġ għall-membri tal-istess Dipartiment. Fil-preżent iż-żewġ laneċ tas-Search and Rescue jinsabu fil-kustodja tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta li hija responsabbli għall-intervent immedjat f'każ ta' salvataġġ fuq il-baħar. Dan ix-xogħol isir b'koordinazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Ninsab infurmat ukoll li ser jingħata bidu għat-taħriġ intensiv lill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-lanċa Garibaldi li nġiebet Malta ftit tal-ġimgħat ilu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti din is-sena talli ħallew il-klieb tagħhom iħamġu bankini pubbliċi u kemm ittellgħu persuni l-Qorti talli rmew skart jew materjal ieħor fejn mhux suppost?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma ttellgħa ħadd il-Qorti, filwaqt li dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li din is-sena sal-15/06/99 itellgħu 10 persuni l-Qorti talli rmew skart jew materjal ieħor fejn mhux suppost.