Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol — Każ dwar relief

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni biex il-bord ta' l-appell ta' l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jibgħat għaż-żagħżugħ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li twaqqaflu r-relief mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali b'konsegwenza li jista' jispiċċa bi problemi mentali (dipression)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol tisma l-każ ta' appelli minn deċiżjonijiet ta' l-ETC skond l-ordni li jkunu waslu għangħa. L-appellanti kollha huma fl-istess sitwazzjoni (jew simili) taż-żagħżugħ imsemmi. Għalhekk biex issir ġustizzja l-Awtorita' tħoss li din il-proċedura għandha tinżamm.

Għawdex — ETC

Question

Peress illi jirriżulta li l-ETC f'Għawdex qed taħdem b'nuqqas ta' staff li jista' anke jkun kaġun ta' ineffiċjenza fl-operat ta' l-ETC, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub li jkun hemm żieda fil-ħaddeima?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li s-servizz li qed jingħata mill-ETC f'Għawdex huwa wieħed sodisfaċenti u l-istatistika interna tindika l-ħidma u l-effiċenza tal-istaff tal-ETC f'Għawdex. L-ETC f'Għawdex għandha l-kumpliment sħiħ ta' impjegati b'wieħed minnhom qiegħed fuq leave fit-tul u mistenni jirritorna fi żmien ftit xhur.

Għawdex — Job centre

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-job centre fi Pjazza San Fraġisk, fir-Rabat, Għawdex ilu magħluq minn Ottubru 2003?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan l-uffiċju jkun miftuħ il-ġurnata kollha għall-pubbliku kull nhar ta' Tnejn u kull nhar ta' Tlieta. Fil-fatt ir-reġistrazzjoni ta' nies minn uħud mill-irħula f'Għawdex isir minn dan l-Uffiċju. Dan l-uffiċju jingħalaq l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Għawdex — Nadur - skola tad-drama

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar sentejn mill-imprests li jingħataw mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni lill-iskola tad-drama fin-Nadur, x'kienet is-somma li ntnefqet għas-sala tat-teatru ta' l-iskola? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi somma oħra jew xi forma ta' għajnuna oħra mogħtija mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni għar-refurbishment ta' din is-sala?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tagħtix flus impressed lill-iskejjel Għawdxin. Dawn jiġu allokati mill-Ministeru ta' Għawdex. Għalhekk din il-parti tal-mistoqsija għandha tiġi riferuta lil dan il-Ministeru.

Fgura — Football ground

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-ground tal-football tal-Fgura jingħata dik l-attenzjoni li tixraqlu bħal wiċċ ġdid u fencing?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport s'issa ma għandu l-ebda talba għal xogħol fil-ground imsemmi. Fil-fatt il-policy attwali hija li kull talba għall-manutenzjoni trid issir b'parteċipazzjoni u kontribut finanzjarju mill-Għaqda Sportiva li tkun qed tagħmel użu mill-faċilita'.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5845 u cioe' jista' jgħid f'liema oqsma ekonomiċi ngħataw sensji minn Jannar 2004 sa l-aħħar ta' April 2004 u x'kien in-numru tal-persuni milquta f'kull qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-bidu tas-sena sa l-aħħar ta' April ,2004, 982 persuna, 513 mis-settur industrijali u 469 mis-settur tas-servizzi, irreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC. Minn dan l-istess numru 486 persuna ma baqgħux jirreġistraw u allura sa l-aħħar ta' April 2004 il-bilanċ li baqa' jirreġistra' kien ta' 496 persuna.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5844 u cioe' jista' jgħid kemm ingħataw sensji f'April 2004 u maqsuma skond l-etajiet - dawk taħt it-30 sena u dawk ta' 'il fuq minn 30 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'April 2004, 91 persuna ingħataw is-sensja mis-settur industrijali u 106 persuna mis-settur tas-servizzi. Tagħrif dwar l-etajiet ma wasallix u inkun nista' nagħtih f'xi seduta oħra.

Mġarr, Malta — Skola San Anton

Question

Peress li l-iskola San Anton bagħtet ċirkolari lill-ġenituri ta' l-istudenti dwar il-possibbilta' li tiftaħ sixth form, jista' il-Ministru jgħid jekk biex tiftaħ sixth form hemmx bżonn ta' liċenzja jew permess speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li jekk sixth form proposta tkun estensjoni ta' skola sekondarja eżistenti, taħt l-istess kap ta' l-iskola, ma jkunx hemm bżonn ta' liċenzja ġdida. Jekk sixth form proposta tkun skola ġdida, ikun meħtieġ li ssir applikazzjoni ta' liċenzja.

ETC — Persuni li kienu jirreġistraw fuq part 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li kienu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru, li mhumiex jirreġistraw bħalissa, għax inħarġilhom ċertifikat mediku fit-tul?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni m'għandiex l-informazzjoni mitluba. Dan peress li l-Korporazzjoni ikollha biss min waqaf mir-reġistrar u mhux ir-raġuni. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ma tafx kemm persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru waqfu jirreġistraw għax għandhom ċertifikat mediku.

Skejjel ta' l-Istat — Learning packs

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi learning packs fl-iskejjel sekondarji ta' l-Istat? Jista' jgħid minn min ġew sottomessi u kemm kienet kull offerta? Jista' jgħid jekk ġiex magħżul xi learning pack u jekk le, meta se jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ħareġ sejħa għall-offerti għall-learning pack ta' l-Istudju Soċjali. Pack wieħed biss jiġi sottomess. Dan il-learning pack qed jiġi evalwat u għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni jekk hux ser jiġi adottat fl-iskejjel. Informat ukoll li informazzjoni dwar kemm kienet l-offerta ta' dawn il- packs , hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata f'dan l-istadju.

Skejjel — Studenti b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-Universita', fl-MCAST, fil-junior college u fl-iskola għolja Giovanni Curmi? Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet edukattivi hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-informazzjoni mitluba hija hekk :- Skola Studenti b'diżabilita' Popolazzjoni Universita' 86 9037 MCAST 70 3201 Junior College 7 2954 Giovanni Curmi 2 1090

Għawdex — Skola primarja ta' l-Għarb

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn dawk konċernati, b'mod partikolari tal-kap ta' l-iskola primarja ta' l-Għarb, fejn f'din l-iskola tifel mar l-iskola b'mus u dan b'periklu serju għat-tfal l-oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta l-kap ta' l-iskola kien infurmat minn student ieħor li tifel kien daħal b'mus il-Kap ta' l-iskola mill-ewwel widdeb lit-tifel konċernat u ikkonfiska l-mus. Il-ġenituri tat-tifel ġew infurmati bil-każ minnufih.

Universita' — Rapport tal-Profs Lauri

Question

Jista' il-Ministru jgħid wara r-rapport tal-kumitat tal-Profs Lauri dwar l-Universita' u s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, x'azzjoni jew rapporti saru mill-Universita' jew mid-diviżjoni jew mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Jekk iva, jista' ipoġġi dawn id-dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultalix li saru xi rapporti oħra fuq is-suġġett.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Lezzjonijiet bi ħlas

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'jitlob id-dipartiment ta' l-edukazzjoni mingħand min jixtieq jibda jagħti lezzjonijiet (privat) bi ħlas?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li kull uffiċjal pubbliku għandu jitlob il-permess qabel ma jwettaq xogħol privat barra l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu, bħal ma hu miktub fil-Public Service Management Code 7.3.3.2. li jirrigwarda xogħol privat.

Bini ta' skejjel ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi pjani ta' bini ta' skejjel ġodda fil-ħames snin li ġejjin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fejn se jsir dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva. Fil-fatt bħalissa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tikkonsidra l-abbozz li ħejjiet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada dwar Pjan Strateġiku mifrux fuq numru ta' snin. Meta dan il-Pjan ikun finalizzat inkun nista' nagħti tweġiba sħiħa. Sadanitant qed tinbena l-iskola l-ġdida fil-Karwija, limiti ta' Ħal Kirkop u qed isir xogħol ta' permessi u pjanti fuq skola ġdida fiż-Żokkrija, limiti tal-Mosta, u skola oħra f'Pembroke.

Bord ta' l-Appell — Relief

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni biex il-Bord ta' l-Appell jibgħat gall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li twaqqaflu r-relief mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali b'konsegwenza li ma għandhux flus biex iħallas il-kontijiet ta' dawk u ilma, il-kirja ta' dar u għal mard li għandu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol tqis li l-ġustizzja titwettaq billi tisma' l-każi ta' l-appelli mid-deċiżjoni tal-ETC skond l-ordni li jkunu waslu għandha. L-appellanti kollha huma fl-istess sitwazzjoni (jew simili) taż-żagħżugħ imsemmi fil-Mistoqsija u għalhekk biex issir ġustizzja l-Awtorita' tħoss li din il-proċedura għandha tinżamm.