Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #22783 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pittura ta' WIA Turner

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pittura ta' W.A. Turner li turi xena mill-Port il-Kbir u qiegħed anke fuq il-jacket tal-ktieb ta' Nicholas De Piro Artists who painted Malta tħalliet toħroġ minn pajjiżna? Peress li din il-pittura minn artist hekk kbir u rispettat, mhux biss fl-Ingilterra imma kullimkien, kienet tifforma parti minn, anżi kienet ġawhra fil-unit patrimonjali ta' pajjiżna, xi skop hemm li din titħalla f'ambaxxata fl-Awstralja u mhux fil-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi kuntrarjament għal dak li nkiteb f'gazzetti Maltin kif ukoll f'"The Maltese Herald" fl-Awstralja, ix-xogħol imsemmi ta' W.A. Turner ma ħariġx minn Malta. Informat ukoll illi dak li kien irrapurtat mis-Sur Albert Agius fil-gazzetta "The Times" ta' nhar it-Tlieta 9 ta' Jannar 2001, huwa żbaljat forsi minħabba li ġie kkwotat ħażin artiklu li deher f'"The Maltese Herald" fl-Awstralja. Li ġara kien illi l-ambaxxatur Malti fl-Awstralja kien ippreżentat b'diversi riproduzzjonijiet ta' xogħlijiet artistiċi li jiffurmaw il-qofol tal-kollezzjoni HSBC ta' Malta. Din il-kollezzjoni għadha Malta.
Leg 9 PQ #22785 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pittura ta' G. Shranz

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Gvern ta' Malta dan l-aħħar minn auction house fl-Londra akkwista pittura taż-żejt ta' G. Shranz? Jekk fl-affermattiv, illum din l-pittura qiegħda Malta? Fejn se tiġi esebita? Kemm inxtrat u kemm tħallset commission fee u VAT fuqha?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif ġie ċċirkulat lill-mezzi kollha tax-xandir fl-1 ta' Diċembru 2000, id-Dipartiment tal-Mużewijiet, xtara f'irkant, il-pittura 'Veduta tal-Port il-Kbir' ta' Anton Schranz, il-Missier (1789-1839) mingħand id-ditta Sotheby's ta' Londra, nhar il-Ħamis 30 ta' Novembru, 2000. L-akkwist sar mill-Kummissarju Għoli ta' Malta f'Londra, l-E.T. Dr George Bonello Dupuis, f'isem id-Dipartiment tal-Mużewijiet. Bl-akkwist ta' pittura ta' dan l-artist, li xogħlijiet tiegħu diffiċli jitfaċċaw fuq is-suq, Anton Schranz issa huwa rrapreżentat fil-kollezzjoni nazzjonali. Din il-pittura waslet Malta nhar il-Ħadd 7 ta' Jannar u nħelset mid-dwana il-Ġimgħa 12 ta' Jannar 2001, meta minnufih twasslet il-Mużew ta' l-Arti, akkumpanjata minn żewġ uffiċjali tal-Mużewijiet. Il-pittura ingħatat in-numru ta' l-inventarju 15485-6 FAS/P/1863. Il-pittura nxtrat għall-prezz tar-riserva (l-inqas prezz li jkun dispost li jaċċetta l-propjetarju), ta' 40,000 lira sterlina (Lm26,488) li magħhom kellhom jitħallsu l-commission fee (16.25%) ta' Sotheby's, jiġifieri 6,500 lira sterlina (Lm4,304). Il-VAT li tħallset Londra fuq dan is-servizz ser jiġi rrifundat, waqt li ma kienx hemm bżonn li jitħallas VAT fid-Dwana ta' Malta minħabba li l-pittura kienet ta' oriġini Maltija. Din is-sena ser tittella' wirja ta' l-arti fil-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti li ser tirrigwarda l-arti ta' Anton Schranz u xogħlijiet oħra ta' uliedu, u fejn ser tiġi esibita l-pittura 'Veduta tal-Port il-Kbir'. Id-dħul għal din il-wirja ser ikun b'xejn. Qabel u wara din il-wirja, il-pittura ser tifforma parti mill-wirja permanenti tal-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti, fis-sala fejn hemm esibiti xogħlijiet oħra fil-ġeneru ta' vedutismu tas-seklu dsatax.
Leg 9 PQ #22788 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kors tal-facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-requirements għal applikanti tal-kors ta' facilitators? Kemm se jkun l-intake għal dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Jannar 2000, beda kors għal dawk il-Facilitators li kellhom is-Certificate in Support Learning in Inclusive Settings. F'Ottubru 2000 beda kors għal Facilitators li kellhom il-Pre-School Education Certificate jew il-Faculty Certificate in Education (Learning Support Trainees). Għall-aħħar ta' Frar ta' din is-sena se jibda kors ieħor għal dawk il-Facilitators li m'għandhom ebda kwalifika f'dan il-qasam. Il-parteċipanti, bħal fil-każ taż-żewġ korsijiet ta' qabel, iridu: * jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għal post ta' Facilitator: * jkunu impjegati bħala Facilitators mal-gvern jew fi skejjel tal-Knisja jew Indipendenti: u * jkunu nominati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Għall-kors ta' Frar 2001, l-intake se jkun ta' 120 li huwa l-massimu li wieħed jista' jieħu fid-dawl tar-riżorsi disponibbli.
Leg 9 PQ #22793 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti tal-mediċina

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-intake ta' l-istudenti tal-mediċina matul dawn l-aħħar ħames snin fl-Universita', sena b'sena? X'kienu l-kwalifiki u l-grades mitluba kull sena, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti lokali li daħlu fil-kors tal-Mediċina matul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej: 1996 - 61 1997 - 30 1998 - 35 1999 - 70 2000 - 60 Il-kwalifiki u l-grades mitluba kull sena, sena b'sena, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22827 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, li għalliem fil-klassi year 5 fl-iskola Primarja tal-Fgura qiegħed ikun ta' spiss assenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ebda wieħed mill-għalliema tal-klassijiet tal-Year 5 ma jirriżulta li kien assenti ta' spiss.
Leg 9 PQ #22671 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet għaddejjin bħalissa fl-iskola primarja ta' Bormla? Jista' jserraħ ras numru ta' ġenituri li ma hemm ebda periklu għal uliedhom minħabba dawn ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa ġewwa l-iskola Primarja ta' Bormla qed jinbidel is-saqaf tat-tromba ta' l-uniku taraġ li hemm fl-iskola. Dan ix-xogħol qed isir mill-Kumpanija Kalaxlokk. L-aktar fażi perikoluża f'dan ix-xogħol, jiġifieri t-twaqqih tas-saqaf tal-konkrit, sar fil-vaganzi tal-Milied. F'dawn il-ġranet qed jinbena s-saqaf ġdid bit-travetti u l-bricks. Qed jittieħdu l-prekawzjonijiet, kemm mill-ħaddiema tal-Kalaxlokk u l-awtoritajiet ta' l-iskola, biex it-tfal u l-għalliema ma jkunu esposti għal ebda periklu. Ix-xogħol fuq dan is-saqaf hu mistenni li jitlesta fi ftit ġranet oħra.
Leg 9 PQ #22695 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba ta' Lingwa Franċiża

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Franċiża nxtraw tul is-sena 2000 għal-libreriji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 142 ktieb bl-ilsien Franċiż, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm224. Minn dawn il-kotba, 21 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Leg 9 PQ #22700 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba ta' Lingwa Spanjola

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Spanjola inxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 28 ktieb bl-ilsien Spanjol, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm58. Minn dawn il-kotba, 3 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Leg 9 PQ #22703 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba tal-Lingwa Taljana

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Taljana inxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 143 ktieb bl-ilsien Taljan, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm227. Minn dawn il-kotba, 25 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Leg 9 PQ #22704 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba tal-Lingwa Ingliża

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ingliża inxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 6010 kotba bl-ilsien Ingliż, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm9155. Minn dawn il-kotba, 261 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Leg 9 PQ #22706 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kotba tal-Lingwa Ġermaniża

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ġermaniża nxtraw tul is-sena 2000 għal-librerji pubbliċi, kemm intefqu flus fuqhom u kemm minn dawn għaddew lill-librerija regjonali tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena elfejn ġew mixtirja 98 ktieb bl-ilsien Ġermaniż, għal-libreriji pubbliċi. Dawn swew l-ammont ta' Lm158. Minn dawn il-kotba, 14 għaddew lil-librerija reġjonali tal-Birgu.
Leg 9 PQ #21858 Sitting 471 2001-01-17 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Taqsima ta' l-Istudenti Tqal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfajliet bħalissa jattendu it-taqsima tal-istudenti tqal fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa fl-iSchoolgirl Mother's Unit hemm: 33 tfajla tqila li qed jattendu l-programm ta' 3 ijiem: 20 tfajla tqila li qed jattendu għal counselling; Bejn 20 u 25 tfajla li qed jattendu darba fil-ġimgħa, bit-tarbija tagħhom għas-Support Group.
Leg 9 PQ #22476 Sitting 471 2001-01-17 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Karti bla watermark

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dekasteru tiegħu, cost centre b' cost centre, kemm kienet in-nefqa għax-xiri ta' karti bla watermark fis-sena 2000? Kemm inxtraw riżmi ta' karti bla watermark għal kull cost centre? Minn fejn inxtraw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fid-dekasteru tiegħi inxtraw dawn ir-riżmi ta' karti bla watermark: Nru ta' Riżmi Lm Minn fejn inxtraw Segretarjat Parlamentari 10 12.70 Quill Office Services Ltd 10 23.27 Velmor Stationery Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni 200 379.49 Progress Press Dipartiment tal-Libreriji u 675 1238.63 Galaxy Ltd (Cost Centre 01) Arkivji 100 260.70 Galaxy Ltd (Cost Centre 02) Dipartiment tal-Kultura 161 311.27 Minn diversi sorsi li joffru servizz ta' stationery
Leg 9 PQ #22542 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sir Adrian Dingli - Fence

Question

Jista' l-Ministru jara jistgħux jittieħdu passi biex jinfetaħ bieb fil-fence ta' l-iskola Sir Adrian Dingli f'Pembroke min-naħa tal-ground t'isfel biex l-istudenti li jaslu hemm ma jkollhomx għalfejn jimxu distanza twila jqandlu basktijiet tqal biex jaslu fil-klassijiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser issir il-konsultazzjoni miħtieġa ma' l-iskola konċernata dwar is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #22548 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx sar studju dwar il-fatt li ħafna tfal ta' l-iskola huma eħxen milli suppost? X'kontroll qed isir fuq l-ikel/snacks li qed jinbiegħu fil-canteens/tuck shops fl-iskejjel? Jintużaw esperti fl-ikel tajjeb biexjgħallmu t-tfal x'inhu l-aħjar għalihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sena l-oħra sar survey mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u d-Dipartiment ta' Servizzi għall-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali). Is-survey hu msejjaħ "Imġieba għall-Ħajja Aktar b'Saħħitha fi Tfal ta' l-Iskola". Dan sar fid-29 ta' Marzu 2000 ma' tfal ta' 11, 13 u 15-il sena u ħadu sehem madwar 5,000 tfal. S'issa ma waslulniex konklużjonijiet jew rakkomandazzjonijiet. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija informat li kull kuntrattur li jmexxi Tuckshop fl-iskejjel għandu jimxi mar-regoli tal-kuntratt para 6, "X'għandu u x'Mgħandux jinbiegħ mit-Tuckshop". Jintalbu jsiru spezzjonijiet ukoll mid-Dipartiment tas-Saħħa. Fejn jinsabu xi irregolaritajiet dawn jiġu rranġati mill-kuntrattur u/jew mill-kap ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #22586 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti qagħdu għal eżamijiet: (a) tal-MATSEC (b) Edexel tal-London University (c) tal-London Chamber of Commerce and Industry u (d) City and Guilds fl-aħħar sentejn, jiġifieri kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22587 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' studenti barranin fl-Universita' ta' Malta, kull sena, fl-aħħar tlitt snin? Kemm minnhom iggradwaw f'Malta kull sena? F'liema fakultajiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar tlett snin in-numru ta' istudenti barranin kien dan: 1998 - 323 student 1999 - 414 student 2000 - 531 student Ħadd minn dawn l-istudenti għadu ma gradwa peress li ebda kors li jwassal għal grad ma hu anqas minn tlett snin.
Leg 9 PQ #22589 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mediterranean Conference Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru konferenzi fil-Mediterranean Conference Centre, kull sena, fl-aħħar tlitt snin? Jistgħax jgħid kemm kien il-profit jew telf li ġie reġistrat minn dawn l-attivitajiet kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar tlitt snin saru dawn il-konferenzi: 1998 - 39 konferenza 1999 - 63 konferenza 2000 - 116 konferenza L-informazzjoni li ntalbet fit-tieni parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma' nistax nirrispondiha.
Leg 9 PQ #22652 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istatus ma' l-Universita' ta' Malta tal-persuna li bħalissa qed iservi bħala Segretarju Ġenerali tal-PN?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħal f'każi simili fl-imgħoddi s-sur Joe Saliba għandu l-istatus ta' Precincts Officer u qiegħed fuq leave mingħarj ħlas wara li talba għaldaqstant ġiet approvata mill-Kunsill ta' l-Universita`.
Leg 9 PQ #22264 Sitting 468 2001-01-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Solar Energy

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk sarx studju matul 1-1999 u sena 2000 dwar il-possibilita' l-iskejjel tal-gvern ikollhom sistema moderna ta' dawl permezz tas-solar energy? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jikkunsidra li jsir dan l-istudju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima Bini ta' Skejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni s'issa m'għamlet ebda studju tul l-1999 u s-sena 2000 dwar il-possibilita` li l-iskejjel tal-gvern ikollhom sistema moderna ta' dawl permezz tas-solar energy. Inżid iżda li fl-eżekuzzjoni ta' l-ippjanar ta' l-iskola sekondarja tas-subien ġdida fil-Karwija, qiegħdha tiġi konsidrata din il-possibilita`.