Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vetturi — Test tal-VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi liċenzjati li jistgħu joffru t-testijiet ta' VRT fuq il-vetturi min Ottubru li ġej? Min huma dawn l-operaturi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s`issa għadu ma ġie lliċenzjat ebda operatur biex jagħmel testijiet tal-VRT.

Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura hawn f'Malta u Għawdex li għandhom aktar minn 15-il sena u aktar minn 20 sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karozzi rreġistrati f` Malta u Għawdex li għandhom `il fuq minn 15 `il sena u aktar minn 20 sena huma kif ġej: `l fuq minn 15 `il sena 72,937 `l fuq minn 20 sena 52,271

Zabbar — Triq Papa Alessandru

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li Triq Papa Alessandru, f'Ħaż Żabbar tingħata kisja tarmak peress li minkejja li ilha mimlija bid-djar numru ta' snin għadha qatt ma rat kisja tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fi Triq Papa Alessandru jinsab imniżżel fil-lista ta` xogħolijiet li jridu jsiru f`zoni urbani li prijoritajiet tagħhom qed jiġu kkunsidrati flimkien mall-Kunsill Lokali biex ix-xogħol ikun jista` jiġi mwettaq.

Zabbar — Triq il-Baħrija

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq il-Baħrija, f'Ħaż Żabbar tingħata kisja tarmac? Meta hemm il-ħsieb li x-xogħol fuq din it-triq isir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ż-żewġt partijiet ta` Triq il-Baħrija huma diġa asfaltati u għalhekk il-kisi tagħhom bil-`hot` asfalt irid isir mill-Kunsill.

Fgura — Triq Carmel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex it-talba għat-twessigħ ta' Carmel Str, Fgura (WD 2328/90) ma ġietx implimentata meta l-bini li jrid jitwaqqa' jinsab fi stat perikoluż strutturalment u ta' periklu kbir għal min bħalissa jokkupah?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan il-proġett qed jitwettaq mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostrużżjoni, illum mill-Ministeru ta` l-Ambjent u l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Ġiljan — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi immedjati sabiex xogħol ta' tibdil ta' servizzi fit-toroq, Lapsi, il-Kbira u San Ġorg f'San Ġiljan li ilu li beda xhur jitlesta mill-aktar fis possibbli u eventwalment jitlesta wkoll ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-imsemmija toroq peress li dan qiegħed joħloq inkonvenjent kbir kemm għar-residenti kif ukoll għas-sewwieqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol f`Lapsi Street jikkonsisti fit-tqegħied ta` `Cable ` tad-dawl li issa tlesta, u fil-bdil ta` `water main` u `house services`. Infurmat ukoll li qed jittieħdu l-passi neċessarji biex ix-xogħol koness mat-toroq ikun jista` jitlesta.

Toroq — Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx kondizzjoni mad-dipartiment u entitajiet kollha konċernati rigward is-servizzi fix-xogħol li qed isir f'dawn it-toroq: Triq San Pawl, Triq Paradise u Triq San Ġorġ f'San Pawl il-Baħar biex it-toroq ma jerġgħux jinqalgħu wara ftit taż-żmien? Jista' l-Ministru jgħid ma' liema dipartimenti, sezzjonijiet jew entitajiet saret il-kondizzjoni? Kemm saru laqgħat u meta saru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru diversi laqgħat bejn il-Kunsill Lokali, l-Enemalta, il-Water Services Corporation, id-Dipartiment tad-Drenaġġ, il-Melita Cable, L-Awtorita` tat-Trasport, Maltacom u d-Dipartiment tat-Toroq rigward is-servizzi u x-xogħol li kellu jsir f`dawn it-toroq. Minbarra l-laqgħat formali saru wkoll diversi laqgħat waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq il-post.Id-diversi rapprezentanti, għalkemm qatt ma kitbu formalment, kienu mitluba jassiguraw li x-xogħol meħtieġ isir f`salt. Kien għalhekk li finalment sar ix-xogħol minn diversi entitajiet f`salt. Hu mistenni li l-ebda organiżazzjoni ma jkollha ħtieġa li taqla` l-istess toroq matul is-snin li ġejjin.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema ta' l-ilma tax-xita quddiem il-bank tal-Mid-Med fi Triq San Pawl, f'San Pawl il-Baħar biex l-ilma tax-xita li jinżel minn Triq San Ġorġ ma jmurx ġod-djar iżda jiġi mmexxi lejn Triq il-Parroċċa mingħajr inkonvenjent għar-residenti u qabel ma jsir il-wiċċ finali tat-tarmak? Japprezza li soluzzjoni hija urġenti għax il-problema aktar se tisserja bix-xogħol li sar ftit ilu fl-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li xogħol indikat mill-Onor. Interpellant kien inkluż bhala parti mix-xogħol finali li jrid isir fl-inħawi.

Dipartiment tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien sewa biex id-Dipartiment tat-Toroq jiċċaqlaq minn Beltissebħ għal post fi Triq il-Kanun f'Santa Venera ftit snin ilu? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jiswa issa ċ-ċaqliq biex minn hawn u ftit ieħor id-Dipartiment tat-Toroq se jmur minn Beltissebħ għall-bini f'San Maison ftit 'il bogħod?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment ma għandux l-informazzjoni dwar l-ispiża nvoluta, la biex id-Dipartiment tat-Toroq mar Santa Venera qabel l-1996 u lanqas biex ġarr minn Santa Venera għal Beltissebħ wara l-1996. Dwar l-aħħar parti tad-domanda l-informazzjoni tkun tista` tingħata aktar il-quddiem.

Ħal Farruġ — Bini ta' ħajt

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex inbena ħajt tul it-toroq, l-Egrett Isfar, il-Masġar u l-Militar Barrani f'Ħal Farruġ? Jaf il-Ministru li b'dan il-ħajt inħoloq hardship ġdid għar-residenti ta' Ħal Farruġ li issa qed ikollhom iduru dawra ma' l-area kollha biex imorru għat-triq ewlenija minn fejn jgħaddi t-trasport pubbliku? Jista' l-Ministru jieħu in konsiderazzjoni dan u jara li almenu jitħalla passaġġ minn fejn jistgħu jgħaddu r-residenti bil-miexi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li nbnew diversi ħitan fil-lokalita` biex bihom jiġu ffurmati t-toroq fil-lokal biex il-limiti tal-propjeta` jew privata jew tal-Gvern miftuħa għall-pubbliku ikunu definiti. Wieħed ikollu bilfors isemmi li la darba jsiru t-toroq, il-pubbliku ma jkollux għalfejn jgħaddi minn propjeta` mhix żviluppata kif ifettilu.

Luqa — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-pelican lights fi Triq Ħal Qormi, Luqa li ġew approvati xhur ilu u anke skond it-tagħrif li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 5853?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed iħejji l-pjanti biex din il-parti tat-triq tkun tista` tiġi rranġata qabel jitwaħħlu l-`lights` indikati biex jiġi evitat periklu akbar għal min ikun qed jaqsam. Wara li jitlesta dan ix-xogħol, jitwaħħlu wkoll il-`pelican lights`.

Qrendi/Żurrieq — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux maħsub li jiġi mtejjeb is-servizz tat-trasport bejn il-Qrendi u ż-Żurrieq billi jkun hemm trasport dirett, minħabba li n-nies tal-Qrendi jkollhom imorru ż-Żurrieq għal diversi affarijiet bħal social services eċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-servizz li qed titlob l-Onor. Membru diġa` jeżisti u jopera bir-Rotot 38 u 138. Ma jidhirx li hemm il-ħtieġa għal żieda f`dan is-servizz.

NATO — Ajruplani tal-gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tmien ajruplani tal-gwerra Ingliżi u Amerikani li niżlu Malta fl-20, 21, 22 u 26 ta' Mejju ħadux sehem fil-gwerra tan-NATO kontra l-Jugoslavja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ajruplani Ingliżi li niżlu Malta fl-20, 21 u 22 ta` Mejju kienu fi triqthom lejn Ċipru, waqt li l-ajruplan Amerikan li niżel Malta fis-26 ta` Mejju kien fi triqtu lejn il-Bahrain.

Żejtun — Triq il-Falkunier/Triq E. Alfred Bezzina

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta r-ring road li tgħaqqad Triq il-Falkunier għal ma' Triq E. Alfred Bezzina fiż-Żejtun se titkompla? Meta hemm il-ħsieb li tkun lesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

M`għandi xejn x`inżid għar-risposta mgħotija għad-domanda parlamentari Nru 3340.

Qormi — Crashbar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir xi crashbar jew xi forma oħra ta' safeguard għal pedestrians fi Triq Ħal Qormi, jiġifieri bejn Ħal Qormi, Ħal Farruġ u Ħal Luqa minħabba l-volum tat-traffiku li jgħaddi mit-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jipprepara pjanti biex din iż-żona kollha tiġi rranġata. Għalhekk m`hemmx il-każ li jsir ix-xogħol spontanju issa meta waslu biex jitlestew dawn il-pjanti.
Leg 9 PQ #7701 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Ħamrun — Regional Road - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 7546 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u cioe': Jista' jgħid jekk għandux rapport ta' ħsarat li jidher li hemm fil-ħajt tal-mina ta' Regional Road, Ħamrun? Jaf il-Ministru li min jgħaddi mill-istess tunnel jinduna anke bi qtar ta'ilma li jinżel fuq il-karozzi li jkunu għaddejjin? Il-ħajt qiegħed jitmermer bl-ilma li qed jixrob. Qiegħed isir studju fuq il-ħsarat? Jekk iva, x'inhuma u minn fejn ġejjin? X'beħsiebu jagħmel il-gvern biex isewwi l-ħsarat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m`hemmx ħsarat strutturali fil-ħajt imsemmi mill-Onor. Interpellant. It-tbajja f`xi partijiet tal-ħajt kienu ġew ikkaġunati minn ħsarat fis-sistemi ta` l-ilma u d-dranaġġ li kienu ssewwew żmien ilu mill-entitajiet ikkonċernati. Dawn it-tbajja jibqgħu jitfaċċaw minħabba l-umdita` u x-xaba ta` l-art li tkun ġejja mill-blat ta` wara t-triq. Dan jiġri wkoll fil-mina. M`hemmx ħsieb għalissa li tinbidel il-qoxra tal-ħajt sabiex jgħaddi żmien biex l-art tissaffa u l-melħ ma jibqax joħroġ mill-ħajt.

Dingli — Triq Pawlu Ebejer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jsir ix-xogħol fuq ir-retaining wall fi Triq Pawlu Ebejer, Dingli qabel ma jsir xogħol ta' tarmac minħabba li dan il-ħajt jinsab fi stat strutturali perikoluż?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma jirriżultax li dan l-ħajt qatt kien ippjanat li jinbidel iżda tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel l-ispezzjonijiet li hemm bżonn biex jiġi determinat jekk hemmx xi periklu.

Dingli — Triq Claudette Agius

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta' water culvert fi Triq Claudette Agius, Dingli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol tal-water culvert mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru tat-Trasport u Telekomunikazzjoni — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998, 'l hawn? Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: (1) kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma; (5) għal-liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw; (7) kemm huma fl-ammont?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-5 ta` Settembru `l hawn inxtrat karozza waħda mill-Ministeru għall-użu tal-Permanent Secretary skond it-Termini tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-Uffiċjal. Din inxtrat wara kwotazzjonijiet miġbura u l-ispiża kienet tammonta għal Lm10,000. Il-karozza msemmija hija Toyota Corolla u nxtrat mingħand Michael Debono Ltd., Notabile Road, Ħaż-Żebbuġ.

Żejtun — Triq id-Dejma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ Triq id-Dejma fiż-Żejtun? X'inhu jżomm li dan ix-xogħol ma jsirx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha u x-xogħol f`dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.