Peress li l-persuni li jbatu mill-kundizzjoni kiefra tal-Multiple Sclerosis ikollhom titjib sostanjzali fil-kwalità tal-ħajja tagħhom permezz tas-servizz ta’ fiżjoterapija fi djarhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan is-servizz hux se jiġi introdott?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li s-servizz ta’ fiżjoterapija fid-djar huwa wieħed ta’ natura dinamika u li għalhekk id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija qiegħed jaġġorna u jiżviluppa l-metodi tiegħu maż-żminijiet u skont il-bżonnijiet.
Ministeru għas-Saħħa — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' serq ġie rrappurtat fl-Isptar Mater Dei u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu matul ix-xahar ta' April, Mejju u Ġunju 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li kienu irrappurtati sitt (6) każijiet ta’ oġġetti nieqsa minn postijiet pubbliċi, kif ukoll tlett (3) każijiet minn postijiet ristretti (jinkludu Swali). B’total ta’ disa’ (9) każi fi tlett xhur. Il-breakdown ta’ dawn il-każijiet huwa kif jidhru hawn taħt:
April: Erbgħa (4) minn postijiet pubbliċi u wieħed (1) minn post ristrett
Mejju: Tnejn (2) minn postijiet pubbliċi u wieħed (1) minn post ristrett
Gunju: Xejn minn postijiet pubbliċi u wieħed (1) minn post ristrett
Jista’ jkun li kien hemm każijiet oħra li ma ġewx irrapurtati lill-Membri tas-Sigurta’ tal-Isptar Mater Dei, iżda kienu rappurtati direttament l-għassa tal-Pulizija tal-Imsida.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Mater Dei u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul l-2013, Uffiċċjali tal-OHSA wettqu 6 spezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei f’sezzjonijiet differenti tal-isptar, bl-aħħar spezzjoni ssir fit-28 ta’ Marzu 2013. Saru wkoll diversi laqgħat ma’ nies differenti qabel, u jew wara dawn l-ispezzjonijiet. Mhux kull spezzjoni wasslet biex jinħarġu ordnijiet mill-Uffiċċjali għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Boffa u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul l-2013, Uffiċċjali tal-OHSA wettqu żewġ spezzjonijiet fl-Isptar Boffa, bl-aħħar waħda ssir fit-23 ta’ Mejju 2013. Mhux kull spezzjoni tirriżulta f’Ordnijiet maħruġa minn Uffiċċjali għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Karin Grech u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-aħħar darba li Uffiċjali tal-OHSA wettqu spezzjoni fl-Isptar Karen Grech kien fl-10 ta’ Ġunju 2013, waqt li nħarġu wkoll numru ta’ ordnijiet skont l-Att dwar l-Awtorita (Kap. 424). Ġiet skedata follow up inspection biex tkun assigurata l-konformita ma’ dawn l-ordnijiet.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-aħħar darba li Uffiċjali tal-OHSA wettqu spezzjoni fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex matul l-2013 kien fid-19 ta’ Ġunju. Mhux kull spezzjoni ta’ Uffiċċjali twassal biex jinħarġu Ordnijiet mill-Uffiċjali.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fiċ-ċentri tas-saħħa u x'kien ir-riżultat ta' dan l-audit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul l-2013, saru tlett (3) spezzjonijiet f’ċentri tas-saħħa, bl-aħħar spezzjoni ssir fl-4 t’April. Mhux kull spezzjoni li ssir minn Uffiċjali twassal biex jinħarġu Ordnijiet mill-Uffiċjali.
Skont l-Att innifsu, rapporti dwar spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol jitqiesu b’mod kunfidenzjali.
Ministeru għas-Saħħa — xogħol ta’ konsulenzi lil individwi jew kumpaniji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tad-Dentristija — Appuntamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li appuntamenti mad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei minflok tressqu 'l quddiem, tħassru jew intefgħu lura b’sena? Jista’ jgħid kemm-il appuntament huwa involut ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma tħassar l-ebda appuntament.
Appuntamenti għal kura restorattiva (fillings) ġew trasferiti għal bejn wieħed u ieħor b’xahar minħabba li dentist irreżenja u oħra ħarġet b’
carrier break
.
L-akbar problema tad-dipartiment tad-dentistrija hija li ma jeżistix team maqgħud. Il-compliment tad-dentisti huwa anqas milli suppost. Għadu kemm irreżenja dentist ukoll. L-istennija biex persuna tara dentist hija waħda li mhux xierqa. Dwar dan nitlob lill-onorevoli membru biex jara t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jirriżulta li biex isir
check up
għas-snien, wieħed irid jistenna aktar minn sentejn. Infakkar lill-kamra li dawk li għandhom il-kartuna roża, jew huma tfal tal-iskola, tista’ tingħatalhom kura wkoll u għalhekk skont ftehim mad-dipartiment tad-dentistrija, dawn qed jingħataw preferenza żgħira billi twaqqaf protokol ta’
ratio
bejn dawn tal-kartuna roża u tfal u dawk li jmorru għal
check up
biss.
Ninsab infurmat li minħabba nuqqas ta’
compliment
tad-dentisti, ġew posposti lura appuntamenti għal
check up
b’sena.
Minħabba f’hekk, il-Ministeru għas-Saħħa ħareġ sejħa għal sitt dentisti biex jiġu ngaġġati mal-gvern. Ninsab infurmat ukoll li b’arranġamenti li saru, sar
deployment
differenti ta’ dentist minn
Mount Carmel
u mill-Primary Health (b’arranġament temporanju ma’ dawn l-entitajiet) biex b’hekk setgħu jerġgħu jinfetħu check up clinics oħra u reġgħu lura dawn l-istess appuntamenti ‘l quddiem b’madwar ġimgħatejn wara l-appuntament oriġinali.
Jista’ l-Ministru jgħid xi swiet il-ħidma tal-Gvern kontra t-tipjip sena b’sena mill-2008 ’l hawn? Jista’ jagħti din l-informazzjoni maqsuma fuq spejjeż marbutin ma’: edukazzjoni u prevenzjoni; u spejjeż marbutin mal-kura ta’ pazjenti li jkollhom kundizzjoni relatata mat-tipjip?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-nefqa tad-dipartiment tas-saħħa fil-kampanja edukattiva u f’għajnuna ta’ clinics biex jitwaqqaf it-tipjip mill-2008 kienet ta’mitejn u erba’mitt elf, disa’mija, sitta u sebgħin ewro ( € 204,976. )
Ninsab infurmat ukoll li l-ispejjeż relatati mal-kura tal-pazjenti b’kundizzjonijiet li jirriżultaw minn ħsara li jġib it-tipjip,qadt ma’nżammet.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni f’għamla ta’tabella li tispjega sena b’sena hekk kif inhu mitlub.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni li l-festa tal-Madonna tal-Karmnu li ssir kull sena fl-Isptar Monte Karmeli din is-sena ssir fuq ġurnata waħda? Jista’ jgħid x’attivitajiet saru s-sena l-oħra u x’se jsiru din is-sena? Għaliex din is-sena qed jintalbu donazzjonijiet mill-istaff għal din il-festa? Għal-liema events konnessi ma’ din il-festa se jkunu jistgħu jattendu l-pazjenti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma’ ttieħdet l-ebda deċiżjoni li l-festa ssir biss fuq ġurnata waħda.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-attivitajiet li saru s-sena li għaddiet u li saru din is-sena
Infurmat ukoll li bħala ġest lejn il-Madonna tal-Karmnu, l-istaff kien mistieden mill-kumitat organizzattiv tal-festa sabiex, min jixtieq, jagħmel donazzjoni ta’fjuri biex jiġu pprezentati lill-Madonna waqt il-Quddiesa Konċelebrata tal-Hadd 7 ta’ Lulju.
Il-pazjenti kienu mistedna u mgħejjuna jattendu għal kull attivita konnessa ma’din il-festa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sena hux se tiġi organizzata s-serata li tiċċelebra u tippremja l-ħidma tal-impjegati fil-qasam tas-saħħa mentali u li kienet issir kull sena fil-ġnien tal-Isptar Monte Karmeli? Jekk iva, meta se ssir din is-serata?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li din l-attivita’, li sas-sena li għaddiet kienet issir bħala parti mill-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fl-Isptar Monte Carmeli, hija ppjanata li ssir iżjed tard matul is-sena.
Infurmat li dan sar minħabba li ried jiġi analiżżat l-infieq li kien qed isir marbut ma’ din is-serata.
Min informazzjoni li għandi, fis-snin mgħoddija l-ispejjeż marbuta mas-serata Premju Ħaddiem tas-Sena kienu qed ikunu madwar għoxrin elf ewro.
Fost dan l-infieq hemm figuri li meta wieħed janaliżżahom, jara li ma jagħmlux sens finanzjarju, fosthom dawk marbuta ma’ kiri ta’ ħwejjeġ, xorb alkoħoliku, apparti ammont sostanzjali marbut ma’ sahra.
Infurmat li din is-sena, s-serata Premju Ħaddiem tas-sena se tkun organizzata b’anqas spejjeż, b’kontabilita u wkoll trasparenza w li għaliha se jkunu mistiedna l-ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli, għaliex fis-snin ta’ qabel dawn ftit li xejn kienu jkunu mistiedna.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3000, jista’ l-Ministru jagħti tweġiba kompleta u jgħid xi proċess intuża sabiex tintgħażel il-kumpannija RSM li qed tagħmel dan l-eżerċizzju, u kemm hi l-ispiża involuta? X’inhuma t-terms of reference għal din l-evalwazzjoni? Ħarġet call for tender jew expression of interest, jew ingħatat direct order?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li minħabba is-sensitivita u l-kunfidenzjalita tad-data u tal-eżerċizzju involut dan il-kuntratt ingħata b’Direct Order għas-somma ta’ħamsa u għoxrin elf (€25,000 VAT eskluża). Il-proċessi li jirregolaw dan it-tip ta’ xiri hekk kif stabiliti fil-Public Procurement Regulations u fiċ-Ċirkolari MFIN 3/2013 ġew segwiti u ngħatat l-approvazzjoni meħtieġa mill-Ministeru għall-Finanzi ġiet mogħtija.
It-Terms of Reference tal-evalwazzjoni kkonċernata huma li:
1. Ikun stabbilit li hemm il-kontrolli u is-superviżjoni meħtieġa biex kemm jista jkun jitnaqqsu ir-riskji ta’ xi telf ta’ data, ikun hemm kontabbiltà u jiġi żgurat li l-proċessi isegwu l-liġijiet konċernati;
2. Ikun stabbilit jekk bi proċess ġdid tiżdiedx l-effiċjenza;
3. Ikun stabbilit jekk l-informazzjoni meħtieġa u li tintuża biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, u għall-raġunijiet ta’ operat, hix tiġi jew tistax tiġi iġġenerata.
Jista’ l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġranet tnaqqsu 10 security officers mill-Isptar Mater Dei u dan f'postijiet importanti ħafna bħall- emergenza, I.T. section u loading bay?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li r-raġuni li tnaqqsu dawn is-security guards hija illi fejn kienu qed jiġu użati ma kienx hemm lok li jaħdem security guard f’pożizzjoni fissa mal-post u l-ispiża għal dawn is-security guards ma kienetx tiġġustifika il-benefiċċji li kienu qed jittieħdu mill-isptar. Fil-fatt, f’postijiet oħra ma sarx dan. L-isptar kontinwament qiegħed iħares lejn il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż tiegħu u jagħmel tibdiliet minn żmien għal żmien biex ir-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effettiv.
Infurmat ukoll li m’hemm l-ebda ħsieb li jitnaqsu aktar.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – stennija għal admission
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti jistennew għall-admission fuq stretcher fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew f'xi parti oħra tal-Isptar Mater Dei matul ix-xahar ta' Ġunju 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3008, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma nħariġtx tender jew expression of interest għal dan is-servizz imma ngħata b'direct order?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ir-raġuni li dan is-servizz ingħata b’direct order hija minħabba l-fatt li l-eżerċizzju kien jesiġi aggornament ta’ eżerċizzju simili li sar fil-passat mill-istess kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-iskala tax-xufiera tal-ambulanzi u xi pjanijiet għandu sabiex dawn l-istess xufiera jitilgħu skala?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li x-xufiera tal-ambulanzi jinsabu skala 16.
Nagħmel referenza għall-istqarrija Ministerjali li jiena bħala Ministru għas-Saħħa kont ressaqt, fit-3 ta’Lulju 2013, li fiha tajt spjega anki f’dan ir-rigward tas-servizzi tal-ambulanzi (
Ambulance Dispatch
Centre).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati ilmenti fid-Dipartiment tal-Customer Care tal-Isptar Mater Dei (maqsumin skont kull kategorija tal-ilment) matul ix-xahar ta' April, Mejju u Ġunju 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ilmenti li ġew reġistrati fid-Dipartiment tal-Customer Care tal-Isptar Mater Dei matul it-tlett xhur imsemmija huwa ta’elf seba mija u ħdax (1711) il-persuna.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.