Esebizzjoni dwar l-450 sena mill-Assedju l-Kbir – taħriġ lill-voluntiera
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’ser ikun it-training li ser jingħata lill-voluntiera kollha għal waqt l-esebizzjoni dwar l-450 sena mill-Assedju l-Kbir? Jista’ ukoll jgħid kemm hemm voluntiera f’din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
In-numru ta’ voluntiera li qed jieħdu sehem fil-wirja dwar l-Assedju l-Kbir huma ħamsa. Huma ngħataw spjega dettaljata tal-wirja u tal-operat tagħha mill-Kuraturi u mis-Site Executive rispettivament fil-bidu tas-servizz tagħhom.
Nifhem li l-Onor Interpellant għandu fiduċja sħiħa fil-ħiliet tal-Kuraturi u s-Site Executive ta’ esperjenza li għandha Heritage Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il viżitatur żar l-esebizzjoni bit-titlu Road of Roman Emperors in Serbia? Jista' wkoll jgħid kemm-il biljett kumplimentari inħareġ għal din l-esebizzjoni, kif ukoll x’kienet il-kontribuzzjoni ta' Heritage Malta f'din l-esebizzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
In-numru ta’ viżitaturi li żaru l-mużew kemm damet miftuħa l-wirja bejn il-25 ta’ Lulju u t-30 ta’ Awwissu 2015 kien ta’ 6,384. F’dan l-istess żmien kien hemm 235 persuna li żaru l-mużew mingħajr ħlas, li 151 minnhom kienu tfal tal-iskola.
Heritage Malta ma ħarġet ebda kontribuzzjoni finanzjarja imma offriet l-ispazju u l-koperazzjoni kollha meħtieġa. Nifhem li l-Onor Interpellant huwa sodisfatt b’din it-tip ta’ inizzjattiva li tagħti ġieħ lil ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi.
Heritage Malta – okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta — attivitajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet se torganizza Heritage Malta fl-okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta? Jista' jgħid ukoll x'budget hemm allokat ma’ dawn l-attivitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif jaf il-poplu kollu, saru għadd ta' attivitajiet biex jikkommemoraw kif xieraq l-450 sena mill-Assedju l-Kbir.
Nemmen li sar xogħol tajjeb ħafna li bagħat messaġġ pożittiv immens lill-mijiet ta' persuni distinti li żaruna għall-okkazjoni partikolarment il-Kavallieri ta' Malta minn madwar id-dinja kollha.
Nieħu l-opportunita' li nirringrazzja lil kull min għen biex dawn l-attivitajiet kienu suċċess.
Heritage Malta — Bighi u Sant’ Iermu – pjan ta’ evakwazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta’ evakwazzjoni relatat mal-Head Office ta’ Heritage Malta ġewwa Bighi kif ukoll dak ta’ Sant'Iermu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta qatt ma kellha pjan ta’ evakwazzjoni minn meta twaqqfet fl-2003.
Biss aħna rajna li għandha ssir ħidma minnufih fuq policy ta’ evakwazzjoni u proċedura ġenerika għall-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta u dan il-process beda din is-sena u jinsab works in progress.
Kunsill Malti għall-Arti – riżultati għal Diretturi Artistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li l-Kunsill Malti għall-Arti jippubblika r-riżultati tas-sejħiet għal Diretturi Artistiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-riżultati tas-sejħiet għal Diretturi Artistiċi ġew maħruġa u mpoġġija fuq in-notice board tal-Kunsill Malti għall-Arti skont ma jridu l-proċeduri.
Postijiet pubbliċi li għandhom servizz ta' wifi b'xejn
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet pubbliċi (pjazez, toroq, ġonna eċċ.) li fihom s-servizz ta' wifi b'xejn? Jista' jgħid fejn jinsab f'kull lokal madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti d-dati ta' meta beda jopera kull wieħed minn dawn is-servizzi b'xejn ta' wifi f'kull lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsilli Lokali li f’kull lokalità hemm servizz ta’ wifi b’xejn li bdew joperaw fi żminijiet differenti bejn l-2006 u l-2014.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Heritage Malta hux qed tagħmel użu ta’ servizzi ta’ kuntrattur sabiex jinħadmu l-payrolls tal-impjegati tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-expression of interest li Heritage Malta ħarġet għal dan il-għan kif ukoll il-kuntratt marbut ma’ dan is-servizz. Jista’ wkoll jispjega għaliex inħasset il-ħtieġa li jingħata dan il-kuntratt?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta bdiet tagħmel użu ta’ servizz ta’ kuntrattur sabiex jinħadmu l-pagi tal-impjegati. Sabiex ingħata l-kuntratt saret sejħa għal offerti li nbgħatet lil numru ta’ kuntratturi u minnhom intgħażlet l-irħas proposta, skond il-proċeduri. Is-sottomissjonijiet kienu dawn:
1. KPMG €8900 + €850 (1 time fee)
Up to 310 staff /year
2. PriceWaterHouseCoopers (PwC) €11,825 + €200 (1 time fee) / year
3. Grant Thornton €5,525 inclusive of all required work / year
4. PKF No quotation sent
Inħasset il-ħtieġa li jsir hekk sabiex ir-riżorsi umani li normalment jieħdu ħsieb il-
payroll
ikunu jistgħu
jiddedikaw ruħhom għal xogħol ieħor fil-qasam tal-finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm Heritage Malta tiddedika labour hours fix-xahar għal xogħol fuq payroll?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ sieghat kull payroll (x13) sabiex tinħadem il-paga huwa ta’ madwar 40 siegħa. Peress li dan ix-xogħol issa qed isir minn kuntrattur, dawn is-siegħat qed jiġu ddedikati għal xogħol ieħor.
Heritage Malta – L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni — xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn Heritage Malta qed terġa tipposponi x-xogħol tant meħtieġ li jrid isir fl-Ipoġew ta' Ħal Saflieni? Jista' wkoll jgħid meta hu maħsub li dan is-sit jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku wara li x-xogħol ikun tlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tender għax-xogħolijiet meħtieġa fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni – li kien jirrikjedi studji tekniċi u ta’ disinn minħabba s-sensittivita’ ta’ dan is-sit ġie ppubblikat fit-18 ta’ Settembru.
Ix-xogħol se jibda f’Jannar li ġej u mistenni jitlesta fit-tielet kwart ta’ l-2016.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji Heritage Malta tagħżel il-partners tagħha vis-a-vis promozzjonijiet u offerti abbinati mal-multisite pass?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kriterji huma varji. L-ewwel ma jiġi kkunsidrat huwa r-rilevanza tal-kontenut tal-partner mal-wirt kulturali li tamministra Heritage Malta, il-potenzjal ta’ kummerċ li jista’ jiġġenera, u mal-exposure li tieħu l-Aġenzija permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn, li huma varji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas li jingħata lill-partner ta' Heritage Malta fir-rigward tal-Valletta ticket li ġie rriklamat ftit xhur ilu? Jista' wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relatat ma dan il-ftehim?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ħlas li jingħata lill-partner fil-Valletta ticket huwa ta’ €5 għal kull biljett ta’ adult (li jiswa €25), €3.50 għal kull biljett ta’ anzjan (li jiswa €20), u €2.50 għal kull biljett tat-tfal (li jiswa €15).
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim imsemmi.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rappreżentazzjonijiet li ttellgħu fi Pjazza Teatru Rjal minn meta dan beda jiffunzjona? Jista' jgħid liema kumpanija kienet responsabbli għal kull waħda minn dawn ir-rappreżentazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (individwi jew kumpaniji) li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, Segretarjat Parlamentari jew entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu fl-aħħar 12-il xahar? Għal liema skop qed tingħata din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Dan is-servizz ingħata wara sejħa għall-offerti jew b’direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-konsulenti (individwi jew kumpaniji) li qed jagħtu servizz lill-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari kif mistoqsi huma kif jidhru fit-Tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward dewmien fil-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jimplimenta diversi miżuri biex jispedixxi l-proċeduri fil-Qrati, speċjalment dawk Ċivili u fil-fatt bi Clearance Rate ta’ 104% il-Qrati tagħna jinsabu fit-tielet post komparat mal-bqija tal-pajjizi li ssottomettew informazzjoni lill-Kunsill tal-Ewropa.
Dan ifisser li qed jinqatgħu iktar kawżi milli fil-fatt jidħlu u fl-aħħar snin kien hemm tnaqqis ta’ 11 fil-mija fil-kawzi pendenti.
S’intendi dan ma jfissirx li l-problemi ssolvew kollha – ifisser biss li bdejna nimxu fit-triq it-tajba ta’ iktar effiċjenza.
M’huwiex desiderabbli li l-Ministru tal-Ġustizzja jgħarbel każijiet pendent individwali, anke għaliex hemm strutturi u fora oħra mwaqqfa bil-Kostituzzjoni li jistgħu jagħtu r-rimedji meħtieġa u nkun dispost li nindika l-liġijiet opportuni lill-Onor Interpellant.
Valletta 2018 – għajnuna lill-Komunità Virtwali Kelma Kelma
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Valletta 2018 b’xi mod hijiex tgħin lill-komunità virtwali Kelma Kelma? Jekk dan hu l-każ, jista’ jgħid kif qed tingħata din l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-proġett Kelma Kelma Nota Nota huwa proġett kulturali verament sabiħ, divertenti u fl-istess waqt għandu l-għan li jmexxi 'l quddiem ir-rispett lejn il-lingwa Maltija u t-tħaddim brillanti tagħha.
Dan il-proġett ġej direttament mingħand l-artisti u m'huwiex ħolqien tal-entitajiet kulturali Governattivi. Dan, fil-fehma tiegħi, jagħmilha espressjoni iktar awtentika mil-lat kulturali.
S'intendi l-entitajiet kulturali Governattivi jappoġġjaw u jgħinu kemm jistgħu lil dan il-proġett.
Ha nġib ftit eżempji. Għad-disa kunċerti ta’ Kelma Kelma Nota Nota ingħata prezz speċjali għall-użu ta' Pjazza Teatru Rjal.
Bl-istess mod, il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien ma' Pjazza Teatru Rjal ħadu ħsieb huma l-ispiża sabiex seta' jintrama big screen fil-pjazza tal-Parlament.
Nemmem li din il-kollaborazzjoni hija waħda sabiħa u sinerġetika
Valletta 2018 – għajnuna lill-School of Performing Arts
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Valletta 2018 b’xi mod hijiex tgħin lill-School of Performing Arts? Jekk dan hu l-każ, jista’ jgħid kif qed tingħata din l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
L-School of Performing Arts tiġi ffinanzjata mill-baġit tal- Universita’ ta’ Malta.
Naturalment l-entitajiet kulturali jikkollaboraw u b’mod indirett jgħinu lil din l-iSkola.
Iċ- Ċentru għall-Kreattività ta’ St. James Cavalier u l-Kunsill Malti għall-Arti, parzjalment ffinanzjaw il-korsijiet ta’ scriptwriting. Dawn il-korsijiet huwa pprovduti b'kollaborazzjoni mal-School of Performing Arts.
L-ewwel kors tnieda fl-2014-2015 u din is-sena ser jiġu offruti żewġ korsijiet oħra (Scriptwriting 1 u Scriptwriting 2). L-Iskola torganizza l-korsijiet u tipprovdi lecturer permanenti li jikkoordina u jgħati lectures. Dawn il-kosijiet jistgħu jitqiesu bħala preparament għal kors Universitarju intitolat Degree in Liberal Arts, u jipprovdu ċertifikat ta' attendenza.
Il-fondazzjoni Valletta 2018 u l-Kunsill Malti għall-Arti jipprovdu l-ħlas għal lecturers barranin, kif ukoll it-trasport tagħhom, spejjeż ta' akkomodazzjoni u per diems.
Nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lil din l-iSkola tal-ġid enormi li tagħmel lill-kommunita’ kulturali tagħna.
Kunsill Malti għall-Arti – Call for applications għall-Diretturi
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ħarġux call for applications sabiex jimtlew postijiet għalDiretturi (Festival Strategy u Corporate Services) mal-Kunsill Malti għall-Arti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom? Jista’ jpoġġi wkoll kopja tal-kuntratti ta’ dawn id-diretturi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta hija fl-affermattiv.
Qed inqiegħed kopja tal-call for applications għad- Direttur tal-
Festivals
u Direttur
Corporate Affairs
fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif mitlub minn l-Onor. Interpellant.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti dawn iż-żewġ
call for applications
, fl-istess żmien ħarġet ukoll sejħa għal Director Strategy, tali sejħa qed titqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara kopja tal-kuntratt, nista’ naghmel dan privatament.
Billi bosta drabi, f’ċertu lokalitajiet iktar minn oħrajn qed tissemma l-ħtieġa li jiġu stallati cameras ta’ sigurtà, jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li fil-baġit li jmiss ikun hemm vot apposta għal dan il-għan?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-cost benefit analysis li sar fir-rigward tal-Gozo Museum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Cost Benefit Analysis tal-Gozo Museum jifforma parti integrali mill-applikazzjoni li saret għall-fondi tal-Unjoni Ewropea 2014 – 2020.
Kif jaf l-Onor Interpellant applikazzjonijiet għal fondi Ewropej jobdu standards rigoruzi u stretti ħafna.
M’huwiex indikat li s-CBA jiġi ppubblikat f’dan l-istadju.