Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Każi ta' kollużjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu persuni l-isptar minħabba li weġġgħu wara kollużjonijiet? Kemm weġġgħu wara li ħabtu ma' karozza oħra u kemm wara li s-sewwieq tilef il-kontroll?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-isptarijiet.

Għawdex — Prostituti mressqa l-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew arrestati prostituti f'Għawdex u kemm minnhom tressqu l-qorti fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant ma kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti fuq reati ta' prostituzzjoni ġewwa Għawdex.

Reġistru Pubbliku — Żwieġ Ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li jiġi legalizzat żwieġ ċivili bejn persuni ta' l-istess sess?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemm l-ebda intenzjoni li dan it-tip ta' żwieġ jiġi legalizzat u dan peress li huwa inkompatibbli mal-liġi taż-Żwieġijiet ta' Malta li tippermetti biss żwieġ bejn persuni tas-sess oppost.

ID Card — Bdil tas-Sess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-tmien persuni li għamlu sex change u biddlu l-ID card tagħhom minħabba f'hekk, jistgħux jiżżewġu ċivilment?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm ma hemmx definizzjoni ta' żwieġ fil-Kap 255 tal-Liġijiet ta' Malta, il-partijiet għandhom ikunu mara u raġel skond l-artikolu 15 ta' l-istess Kap.

Kunsilli lokali — Xogħol mill-kuntratturi

Question

Jisa' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk teżistix linja gwida għall-kunsilli lokali dwar kuntratturi li jieħdu xogħol ta' l-istess kunsilli, liema gwida tirreferi għal kemm ikollu ħaddiema u inġenji kull kuntrattur, u allura jkunu jistgħu jevalwaw jekk kuntrattur jistax jieħu ċertu xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Proċeduri dwar Offerti (maħruġa bis-saħħa ta' l-Avviż Legali 180 ta' l-1996) jirreferu kemm għall-Kundizzjonijiet Ġenerali kif ukoll Speċifiċi għall-għoti ta' kuntratti mill-Kunsilli Lokali. Għalkemm m'hemm l-ebda linja ta' gwida dwar numru ta' ħaddiema u inġenji, il-Proċedura P.3.II, item 14 tistipula li l-kuntrattur li jitfa' l-offerta hu obbligat li jinkludi bħala informazzjoni. "ix-xogħol jew is-servizzi li jkunu sa jsiru minnu bir-riżorsi tiegħu nnifsu" Barra minn hekk, item 14 (e) ta' l-istess Proċeduri jitolbu wkoll li l-offerent ikun mitlub jistabbilixxi r-responsabbilita' tal-persuni jew entitajiet proposti, u l-Kunsill ikollu dritt joġġezzjona għal xi persuna jew entita'.

Vetturi mingħajr liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex jitnaqqas in-numru ta' karozzi bla liċenzja imġedda li hawn jiġru fit-toroq?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6390 fejn kont spjegajt kif it-tneħħija ta' vetturi abbandunati huwa regolat bir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolamenti tat-Traffiku (AL nru 94 ta' l-1997). Skond Regolament 3(2) ta' dawn ir-Regolamenti .... "Il-Kummissarju jew il-Kunsill (Lokali) jista' jneħħi kull vettura li ma tkunx thallsitilha l-liċenzja tat-triq għal xi sena kurrenti kull meta t-tiġdid ta' dik il-liċenzja jkun skada b'aktar minn tliet xhur". Dawn ir-Regolamenti jirreferu għad-delega ta' infurzar li tinkludi t-tneħħija ta' vetturi li jkollhom il-liċenzja tat-triq mhux imġedda. Minn naħa tal-Pulizija ninsab infurmat illi jsiru spezzjonijiet fuq vetturi fit-toroq sabiex ikun iverifikat jekk il-liċenzja tkunx imħallsa. Fil-fatt matul din is-sena ġew mogħtija mhux anqas minn 2,046 ċitazzjoni dwar dan in-nuqqas.

Djar — Bini ta' ċint f'art tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittella' ċint f'art (plot tal-gvern) li jinsab fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bdew il-proċeduri sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Għalhekk ma jkunx opportun li jsiru spejjeż sabiex jinbena ħajt madwar il-plot f'dan l-istadju.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Printing

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus matul din is-sena fi printing fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'liema printing press saru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Plot tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'isir f'każ li persuna tieħu plot tal-gvern u wara għaxar snin tibqa' ma tibnihiex bħalma ġara fil-każ tal-plots f'Wied Ħesri l/o Siġġiewi tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-plot li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet ingħatat lill-persuna kkonċernata mill-Awtorita' tad-Djar. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali.

Forti Delimara

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidilna jekk għandux il-ħsieb il-gvern jintervjeni biex ma jkomplix jitħalla l-Forti Delimara jaqa' fi stadju ta' żdingar aktar avvanzat?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern qiegħed f'negozjati ma' l-inkwilin biex jerġa' jieħu l-Forti f'idejh.

Avukat Ġenerali — Każijiet li ngħataw in-nolle prosequi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet li ngħataw in-nolle prosequi mill-avukat ġenerali f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jagħti dawn id-dettalji: 1) id-data ta' meta ngħatat kull nolle prosequi; 2) x'kien il-każ?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tinsabx taħt forma kompjuterizzata u tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi sabiex tinġabar. Għaldaqstant tweġiba tkun tista' tingħata f'xi Seduta oħra.

Sliema: Triq San Pietru — Reserved Parking Bays

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8097, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-reserved parking bays jaqgħux taħt ir-responsabbilita' ta' l-ADT jew tat-traffic control board?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita' dwar it-Trasport taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għall-iżvilupp Urban u Toroq, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dak il-Ministeru.

Kunsilli lokali — Uffiċini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-kunsilli ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu żewġ talbiet minn Kunsilli Lokali biex jieħdu self. Dawn huma l-Kunsill taż-Żejtun u dak ta' Ħad Dingli.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Priġunieri taħt l-Influwenza ta' Droga/Alkaħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li lejn l-aħħar ta' Mejju 2004 il-priġunieri f'diviżjoni partikolari kienu taħt l-influwenza qawwija ta' droga jew alkoħol? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-ebda perijodu tas-sena ma jirriżulta li f'xi diviżjoni partikolari l-priġunieri kienu instabu jew kienu taħt influwenza ta' droga jew alkoħol. Jekk ikun il-każ, naċċerta lill-Onor. Interpellant li jittieħdu l-passi dixxiplinari kontra dawk involuti.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Christmas Party

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li matul il-Christmas party tas-sena 2003 il-maġġoranza tal-priġunieri kienu fis-sakra? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-party tal-Milied tal-priġunieri jkun maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti hija dik ta' l-entertainment fejn jiġu mistiedna kantanti, għanejja u entertainers oħra. Dan idum għal madwar siegħa u nofs u ma jitqassam l-ebda tip ta' ikel jew xorb. It-tieni parti hija dik fejn il-priġunieri jingħataw borża bil-ħelu u tazza minerali waqt li dawn ikunu fid-diviżjoni tagħhom. Dan kollu jsir fil-preżenza ta' uffiċjali tal-ħabs SRT u membri tal-Bord tal-Viżitaturi. Fir-rigward tal-party tal-2003, ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda rapport li xi priġunier kien fis-sakra kif allegat fil-mistoqsija.

Qrati — Nassaba/Kaċċaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu kaċċaturi u/jew nassaba l-qorti din is-sena? Għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2004 tressqu 376 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali); u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).

Qrati — Każ differit

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W118 u għar-risposta relattiva mogħtija fis-27 ta' Settembru 2004, jista' il-Viċi Prim Ministru jinnota li jista' ikun li għandu informazzjoni żbaljata peress li nista' nassigurah li jeżisti imputat - id-dettalji ta' dan l-imputat jiena qed ngħaddihom separatament - li kien tressaq il-qorti fis-6 ta' Frar, 1989 u li l-każ tiegħu jinsab pendenti quddiem il-maġistrat Joseph Apap Bologna? Jista' ġentilment iforni l-informazzjoni rikjesta?

Response (BORG, TONIO)

Wara li l-Onor. Interpellant għadda l-informazzjoni korretta dwar l-individwu, jirriżulta li din il-kawża tinsab għas-sentenza quddiem l-imsemmi Maġistrat.