Legislature:
Category:
Reset
Active:

Childrens Allowance — Abbużi

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm familji ibbenifikaw din l-aħħar sena mic-childrens allowance? Kemm familji għadhom ma ħadux iċ-childrens allowance? Kemm familji ibbenefikaw mic-childrens allowance fil-1999 imma ma ikkwalifikawx fil-2000? Kemm kien hemm każi ta' abbuż?. F'dawn il-każi kemm kien stmat li qabżu l-limitu ta' income jew kellhom flus il-bank dawk li ma kellhomx dritt jikkwalifikaw imma xorta kienu applikaw għaċ-childrens allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li madwar 40,700 familja qegħdin jibbenefikaw mill-Allowance tat-Tfal. Hemm madwar 400 familja li għadhom ma ħadux l-Allowance tat-Tfal minħabba li naqsu li jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Matul is-sena 1999 ibbenefikaw 41,570 familja. Ma tinżammx statistika ta' kemm minnhom ma kkwalifikawx din is-sena. Ma nżammitx statistika ta' kemm kien hemm każi ta' abbuż iżda dawn kienu ta' eluf kbar, min ma ddikjarax anqas minn mitt lira u min ma ddikjarax l-eluf. Wieħed biżżejjed jgħid li madwar 10,380 ma ddikjarawx aktar minn mitt lira. Madwar 600 familja ma ħadux l-Allowance tat-Tfal għax qabżu l-limitu tad-dħul. Mhux possibbli tgħid kemm minnhom kienu dawk li nqabbdu li ma ddikjarawx dħul u l-oħrajn li qabżu l-limitu skond ma' ddikjaraw huma stess.

ESPAD' 99 — Riżultati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport komparattiv li janalizza r-riżultati ta' l-ESPAD'99 u l-ESPAD'95?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bi ftehim mal-pajjiżi Ewropej kollha li ħadu sehem fl-istudju ta' l-ESPAD '99, ir-riżultati, ser ikunu ppubblikati fi Frar tas-sena 2001. Għalhekk, ir-Rapport Komparattiv, jiġi ppubblikat wara din id-data.

Dipartiment tas-Servizzi Soċjali — Uffiċċju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-area office tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali huwiex aċċessibbli għal persuni b'diżabilita'? Jekk fin-negattiv, jista' jelenka liema huma u liema m'humiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali għandu tnejn u għoxrin Uffiċċju Distrettwali, għoxrin f'Malta u tnejn f'Għawdex. Mhux kollha huma aċċessibbli għal persuni b'diżabilita' minħabba li xi wħud minnhom m'humiex fil-pjan terran, jew inkella fihom xi ftit turġien biex tasal għalihom. Hawn taħt tinsab lista ta' dawk l-uffiċċji distrettwali li huma jew m'humiex aċċessibbli: AĊĊESSIBBLI MHUX AĊĊESSIBBLI Ħal Balzan Ħamrun Birkirkara Ħal Luqa Bormla Il-Marsa Raħal Ġdid Il-Mosta Ħal Qormi L-Imsida Ir-Rabat In-Naxxar Ħaż-Żabbar San Ġwann San Pawl il-Baħar Tas-Sliema Il-Belt Valletta Ħaż-Żebbuġ Iż-Żejtun Iż-Żurrieq Ir-Rabat, Għawdex In-Nadur, Għawdex

Childrens Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown ta' kif il-Gvern diġa' naqqas u ser inaqqas in-nefqa tiegħu fuq iċ-childrens allowance b'Lm4 miljun miż-żmien ta' amministazzjoni Laburista?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-nefqa stmata għas-sena 2001 hija ta' Lm16,500,000 jiġifieri hija biss ta' madwar Lm2,000,000 anqas minn kemm hi stmata li ser tkun in-nefqa din is-sena. Matul is-snin in-nefqa fuq din l-Allowance qiegħda dejjem tonqos għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel raġuni hija li n-numru ta' tfal qiegħed kull ma jmur jonqos, filwaqt li t-tieni raġuni hija li d-dħul tal-familja qiegħed dejjem jiżdied, kemm fejn hemm persuna waħda li qiegħda taħdem, u wisq u wisq aktar fejn il-koppja jaħdmu t-tnejn. Niżgura lill-Onor. Interpellant li kull familja ser tirċievi l-Allowance dovuta lilha, kif niżgura wkoll li kull familja li ħadet xi allowance tat-Tfal minħabba nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' dħul ser tiġi mġiegħla tirrifondi l-ammont li ħadet b'qerq.

Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispeċifika x'inhu x-xogħol ta' dawk il-ħames periti li ġew impjegati fuq bażi part-time sabiex il-prinċipju ta' l-aċċessibbilta' għal kulħadd jitpoġġa fil-prattika? Jista' jelenka x-xogħol li għamel kull wieħed minn dawn il-periti? Fejn ittieħdu passi biex jimplimentaw rakkmandazzjonijiet ta' dawn il-periti? Fejn ma ttieħdux passi? Għaliex? Min huma l-periti li ġew impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Benefiċċji soċjali — Childrens allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm beneficiares taċ-children's allowances din is-sena? Kemm mistennija tkun din il-figura is-sena d-dieħla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena hemm madwar 40,700 familja li qegħdin jibbenefikaw mill-Allowance tat-Tfal. Jekk kolox jibqa' miexi bl-istess mod ta' kif varja n-numru ta' benefiċċjarji matul l-aħħar snin, wieħed jista' biss jikkalkula li n-numru ta' benefiċċjarji għas-sena d-dieħla jonqos b'madwar 1,000.

Anzjani — Impjegati barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati mpjegati barranin fil-qasam tal-kura għall-anzjani, sew fis-settur governattiv u anke fil-privat inkluż djar tal-knisja, matul din is-sena, xahar b'xahar, u skond il-grad tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Anzjani ma mpjega l-ebda persuna barranija fil-qasam tal-kura tal-anzjani.

Housing

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid liema blocks ta' appartamenti għandhom: i) Permessi maħruġa mill-Awtorita' tal-Ippjanar; ii) Applikazzjonijiet pendenti ma' l-Awtorita' tal-Ippjanar; iii) Tenders mogħtija; u iv) Pjanti li qegħdin isiru fir-rigward ta' installar ta' lifts mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-informazzjoni għada qiegħda tinġabar, tingħata risposta f'xi Seduta oħra.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn se jittellgħu: i) Il-35 appartament fil-Belt li diġa' nbeda x-xogħol fuqhom? ii) It-8 appartamenti fil-Floriana li għalihom hemm applikazjonijiet mal-Planning Authority? iii) L-40 appartament fil-Floriana li l-proġett għadu fil-bidu tiegħu - f'dan il-każ meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol? iv) L-4 appartamenti fil-Floriana li qegħdin fi stadju tat-tendering?

Response (GONZI, LAWRENCE)

i. L-appartamenti l-ġodda li telgħu il-Belt jinsabu fi Triq Sant'Ursula u f'Nru 140, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. ii. L-appartamenti li għalihom hemm applikazzjoni il-Planning Authority jinsabu f'20-24, Capuchin Street, il-Floriana. iii. L-appartamenti fil-Floriana li l-proġett għadu fil-bidu tiegħu huma dawk ta' Triq l-Argotti/Triq l-Iljun. Saret pre-submission application lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar ftit tal-ġimgħat ilu. Il-proġett hu maħsub li ser jibda lejn il-bidu ta' l-2002 iżda dan jiddependi minn kemm idum ma joħroġ il-permess u mill-konklużjoni tan-negozjati ma sid ta' stabbliment kummerċjali affettwat mill-proġett. iv. L-erba' appartamenti fil-Floriana li qegħdin fi stadju ta' tendering huma dawk ta' Triq il-Kapuċċini. Billi nbidlu l-pjanti (ara (ii)) biex flok 4 units isiru 8, it-tender mhux ser toħroġ għalissa u titħejja waħda ġdida meta jkun ħareġ il-permess għal tmien units.

Dipartiment Bini u Tiswija — Flats

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid liema xogħlijet saru mid-Dipartiment Bini u Tiswija ta' Djar fil-flats tal-Gvern fil-i) Floriana;ii) Belt; iii) Ħamrun; iv) Pieta'; u v) St. Venera fis-sentejn li għaddew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Pensjonijiet — Taxxi

Question

Fid-dawl tal-mistoqsija parlamentari nru 20999 u l-ħlas ta' Lm 563,963 li nqatgħu direttament f'taxxi lill-pensjonanti Maltin u Għawdxin, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qed jikkalkula l-Gvern li jdaħħal f'taxxi mill-pensjoni ta' l-anzjani għas-sena 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi li taħtu jaqa' d-Dipartiment tat-Taxxi Nterni.

Djar — Santa Luċija - Kuntratt

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm biex fil-każ ta' l-okkupant ta' flat f'Santa Luċija jiġi kkorreġut il-kuntratt ta' xiri ta' l-appartament tiegħu meta l-Awtorita' tad-Djar u l-Kummissarju ta' l-Artijiet, it-tnejn, irrikonoxxew li kien sar żball ġenwien li jmur kontra l-persuna imsemmija separatament u li għandu jiġi kkorreġut? Jista' jara li l-affarijiet jitmexxew 'il quddiem wara li ilu s-snin jitħabat biex jieħu dak akkordat lilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn korrispondenza li għaddiet bejn l-avukati ta' l-Awtorita' tad-Djar u dak tal-persuna imsemmija ma jirriżultax li hemm xi ħaġa li għandha tiġi kkorreġuta.

Djar — Għajnuna għat-tiswija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li l-pensjonant li ngħata għotja biex jirranġa d-dar mill-Awtorita' tad-Djar (File HAW 21/2000) ta' Lm408 jitħallas ammont kollu spettanti lilu peress li rċieva biss Lm196.23c minn dan l-ammont riċentement u issa li lesta x-xogħlijiet kollha li kellu jagħmel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm sar kuntratt fejn l-Awtorita' tad-Djar intrabtet li tagħti lil din il-persuna s-somma ta' Lm408, irriżulta li x-xogħol li sar ċioe' il-bdil ta' żewġ twieqi u bieb minn dak ta' injam għall-aluminium ġie stmat mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-valur ta' Lm255. Skond il-kundizzjonijiet ta' l-Iskema, l-applikant ikkwalifika għall-80% ta' l-istima ċioe' Lm204.

Benefiċċji soċjali — Ħlas tal-Wens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-ħlas tal-wens lil dawk li jgħixu ma' xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna u li jkollhom jabbandunaw ix-xogħol tagħhom għandu massimu ta' ħlas ta' Lm100 fix-xahar? Jaħseb li dan l-ammont ftit wisq għal bniedem li jkollu jabbanduna xogħolu? Hemm ħsieb li din l-iskema tiġi riveduta? Jista' jagħti ftit dettalji dwar din l-iskema għal min japplika eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tipprova għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li (a) tkun qiegħda tieħu ħsieb fuq bażi full-time u regolarment tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett; u (b) tkun qiegħda tgħix fl-istess dar ta' abitazzjoni ta' dik il-persuna li minħabba infermita' tkun kostretta li tgħaddi ħajjitha f'sodda jew f'wheelchair, tista' tirċievi l-Pensjoni tal-Wens. Din il-Pensjoni tingħata jekk min japplika jissodisfa t-test tal-mezzi kalkolati skond id-dispożizzjonijiet ta' Parti IV tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Barra minn hekk il-persuna li tibda tirċievi din il-Pensjoni tista' tkun intitolata għal credits ta' Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata ta' kull erba' ġimgħat hija ta' Lm117.76 li magħha jiġi miżjud il-Bonus Addizzjonali ta' Lm5.36. Barra minn hekk jiġi mħallas il-Bonus ta' Lm58 f'Ġunju u Lm58 f'Diċembru. Il-fatt li l-persuna tkun ikkwalifikat għal din il-pensjoni jista' jkollha d-dritt għall-Karta r-Roża u benefiċċji oħra relatati li huma suġġetti għat-test tal-meżżi. Fil-preżent m'hemm ebda ħsieb li din il-pensjoni tiżdied ħlief bir-rata li tiżdied kull sena għall-għoli tal-ħajja. Wieħed għandu jqis li persuna li tkun qiegħda tieħu il-Pensjoni tal-Wens tkun qiegħda tgawdi b'riżultat ta' l-attivita' tagħha, benefiċċji oħra bħal ma huma dawl u ilma u ħafna drabi tisjir bla ħlas ġaladarba din tkun qiegħda tifforma parti mill-familja tal-persuna li tkun qiegħda tieħu ħsieb.

Garage tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li kien imġiegħel espert fil-garage tal-gvern biex jara jekk il-fannijiet li hemm humiex biżżejjed skond il-kubaġġ ta' l-area kif stabilit mir-regoli internazzjonali fuq is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Jista' jgħid meta saret din iż-żjara? Tlesta r-rapport? Jekk fl-affermattaiv, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? X'inhuma l-konklużjonijiet ewlenin f'dan ir-rapport? X'reazzjonijiet kellu l-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol m'għandhiex informazzjoni li sar xi tip ta' studju dwar dak li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Jekk jixtieq iżjed informazzjoni hu mitlub li jsaqsi lill-Ministru kkonċernat.

Djar — Santa Luċija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-miżuri meħtieġa biex il-bieb prinċipali ta' Blk U Dr A Triq iċ-Ċinerarja Santa Luċija, jiġi rranġat għaliex dan ma jistax jingħalaq sew u qed ikun ta' inkonvenjent fil-maltemp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Skemi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni għal waħda mill-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar ta' persuna li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ġietx pproċessata minkejja li għaddew diversi xhur minn meta ġiet sottomessa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Saru diversi tentattivi bit-telefon mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jikkomunika ma' l-applikanta ħalli jkun jista' jispezzjona il-fond minn fejn saret l-applikazzjoni imma dan kollu kien bla suċċess. Fil-fatt, l-Awtorita' tad-Djar kitbet lil din il-persuna fejn ġiet informata bid-data u l-ħin ħalli tkun tista' ssir l-ispezzjoni.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li xi persuni li jirreġistraw għax-xogħol irċevew xi ġimgħat ilu korrispondenza mingħand l-awtoritajiet fejn infurmawhom li se jitnaqqsilhom id-dole money u wegħduhom li se jingħataw bonus fl-aħħar tas-sena minflok? Jista' jispjega u jagħti aktar dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li ma jafux b'każijiet bħal dak li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant li jgħaddi kopja tal-korrispondenza li qiegħed jirreferi għaliha lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali biex jinvestiga l-każ ikkonċernat.

Pensjoni — Skemi Privati

Question

In konnessjoni mal-pensjoni ta' l-irtirar, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-introduzzjoni ta' skemi privati li kontribuzzjoniijet mħallsa mill-individwu jitnaqqsu mill-kontribuzzjoni ta' l-N.I.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għan-numru ta' Tweġibiet tiegħi f'dan il-parlament dwar il-pożizzjoni tal-Gvern fir-rigward tal-futur tas-sigurta' soċjali f'pajjiżna. B'mod partikolari nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet tiegħi għal Mistoqsijiet Parlamentari Numri 12069 u 15843.