Legislature:
Category:
Reset
Active:

Entitajiet pubbliċi — Rendikont ta' djun

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti: 1) rendikont ta' djun (self u djun ieħor) illi 64 fondazzjoni u entitajiet pubbliċi għandhom illum? 2) Jista' jagħti wkoll id-dettall ta' numru ta' nies li jinsabu ingaġġati ma' l-istess entitajiet pubbliċi u fondazzjonijiet u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tagħhom f'kull entita'? Il-lista ta' l-entitajiet tinsab ma' l-istatistika tal-qagħda finanzjarja tal-gvern li ħarġet bejn is-16 u s-17 ta' Marzu.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ħafna mill-entitajiet imsemmija la għandhom self u lanqas xi djun oħra. Imma l-Onorevoli Interpellant jifhem illi l-bqija ta’ l-entitajiet jinħtieġu self mill-banek biex imexxu l-attività kummerċjali tagħhom u mhux xieraq nippubblika dan it-tagħrif. Nista’ ngħid li sa l-aħħar tas-sena l-oħra, l-ammont kollu dovut lill-banek kien ta’ Lm59.4 miljuni. Għat-tieni mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-impjegati ta’ l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Għar-rigward ta’ l-impjegati ma’ l-entitajiet u fondazzjonijiet l-oħra, l-Onorevoli Interpellant għandu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeri kkonċernati.

Sajjieda — Rebate mill-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sajjieda humiex ser ikunu intitolati għal ħlas ta' Lm39 bħala r-rebate tal-VAT? Jista' il-Ministru jgħid meta dan ir-rebate jekk fl-affermattiv ser jiġi mgħoddi lilhom? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li s-sajjieda mhux ser jirċievu dan ir-rebate bħala kumplament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kumpens imsemmi bbenefikaw minnu dawk kollha li, fil-fatt, jibbenefikaw mill-kumpens għall-għoli tal-ħajja li l-Gvern jagħti minn sena għall-oħra. L-Onorevoli Interpellant jifhem li l-‘COLA’ ma tingħatax lil dawk li jaħdmu għal rashom.

Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi — Kiri ta' vetturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kirjiet ta' karozzi, vannijiet u vetturi oħra matul Jannar u Frar ta' din is-sena tal-ministeru preċedenti tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi u d-dekasteri li kienu jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-istess nefqa s-sena l-oħra, 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kiri ta’ karozzi, vannijiet u vetturi oħra fid-dekasteru tiegħi f’Jannar u Frar 2003 kien ta’ sbatax-il elf, ħames mija u għoxrin liri Maltin (Lm17,520) u għall-istess perjodu din is-sena kien ta’ sebgħa u għoxrin elf, tmien mija u ħamsa u tletin liri Maltin (Lm27,835).

Importazzjoni ta' prodotti

Question

X'vantaġġ se jkollhom il-poplu u l-ekonomija ta' pajjizna bil-miżura li se jintoduċi l-gvern li jdaħħal salvagwardji fuq l-importazzjoni ta' prodotti li ma nipproduċux ? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk l-oqsma ta’ l-ekonomija li se jmorru tajjeb b'din il-miżura ta' taxxi indiretti fuq l-ikel tal-poplu u tat-turisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti nnegozja pakkett sħiħ u komprensiv ma' l-Unjoni Ewropeja bl-iskop li jinħoloq spazju adekwat biex l-ekonomija Maltija, inkluż is-settur agrikolu, tkompli tirristruttura ruħha fuq medda ta' żmien. Dan inaqqas l-probabbilita ta' skossi bla bżonn għal kull min jaqla' ħobżu mis-setturi konċernati. Dan il-pakkett ser jiġi implementat fil-kuntest tat-tħaddim tal-politika agrikola Komunitarja minn Malta. Pero tajjeb wieħed ifakkar li l-Gvern Malti rnexxilu jikseb id-dritt li jimplimenta mekkaniżmu ta' sussidju li huwa ntiż biex jimmitiga xi differenzi li jista' jkun hemm bejn il-prezz fl-UE u dak fis-suq internazzjonali.

Missione per la collaborazione nel campo della difesa — Kopja ta' ftehim

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li permezz tiegħu il-Missione Taliana di assistenza tecnico-militare inbidlet fil-Missione per la collaborazione nel campo della difesa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li għandi npoġġi kopja tal-ftehim imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra iżda lest li ngħaddi kopja tiegħu lill-Onorevoli Interpellant privatament.