Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8610 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Żejtun - Triq id-Dulliegħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar flimkien mal-pulizija sabiex il-liġi tiġi osservata u ma jibqax isir xogħol kif ukoll jinżammu affarijiet barra fi Triq id-Dulliegħ, iż-Żejtun? Jekk ma ttieħdu l-ebda passi, x'qed iżomm lil dawn l-awtorijiet milli jimxu skond il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma diġa` għidt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6612, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ħadet passi billi ħarġet Enforcement Notices kontra żewġ sidien differenti biex jieqaf il-bdil ta' l-użu tas-siti in kwestjoni. Fil-fatt minn sit minnhom kien tneħħa ż-żiemel, filwaqt li mis-sit l-ieħor kienu tneħħew xi inġenji u scrap. Ninsab infurmat ukoll li minn spezzjonijiet riċenti irriżulta li ż-żiemel reġa` ntefa fejn kien filwaqt li fil-każ l-ieħor għad fadal xi ftit magni li għadhom ma tneħħewx. L-Awtorita` ser tieħu l-passi meħtieġa dwar dawn iż-żewġ każijiet. Għal dak li jirrigwardja l-Pulizija, ninsab infurmat li minn spezzjonijiet li jsiru ta' spiss mill-Pulizija tad-Distrett, ma jirriżultax li qed ikun hemm xi ksur ta' liġi fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #8649 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Isla — Imħażen

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-imħażen li hemm biswit il-Maċina ġewwa l-belt Sengleana fuq in-naħa tax-xellug fuq ix-xatt ġewwa l-istess belt u mhux barra, humiex mogħtija b'titolu legali lil terzi u jekk iva, taħt liema titolu u kemm qed jitħallas fis-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-istores Nru. 1, 2, 3, 4, 5, fi Sheer Bastion, Triq il-Maċina l-Isla, kienu mikrija lill-Malta Labour Party fid-9 ta' Lulju 1981 għas-somma globali ta' Lm400 fis-sena. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar kera li tħallset kien f'Awissu 1997 u kienet tkopri sa Ġunju 1995.
Leg 9 PQ #8650 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Delimara

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin parti mill-fortizza ta' Delimara tingħata lura lill-istat billi hemm kanuni uniċi fid-dinja u ta' min jesponihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fortizza ta' Delimara hija soġġetta għal-kirja. Ninsab infurmat ukoll li qegħdin isiru tentattivi biex jintlaħaq xi forma ta' ftehim bonarju ma' l-inkwilini biex il-fortizza tkun tista` tinfetaħ għall-pubbliku.
Leg 9 PQ #8785 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Raħal Ġdid - patrols

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru beats u patrols aktar ta' spiss mill-pulizija madwar il-Ġnien Sir Paul Boffa ġewwa Raħal Ġdid minħabba l-abbuż sfaċċat tat-teħid tad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-post indikat mill-Onor. Interpellant qed ikun sorveljat minn diversi taqsimiet tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #8787 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Assistant Rescue Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm daqstant dewmien sabiex jitlestew l-eżamijiet għall-Assistant Rescue Officers?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kors ta' taħriġ għal Trainee Rescue Officers kellu jintemm fid-9 ta' Lulju 1999. Ninsab infurmat ukoll li l-parti orali ta' dan l-eżami diġa` saret, filwaqt li l-parti ta' l-eżami bil-kitba, ser issir aktar tard f'dan ix-xahar wara li jirritorna wieħed mit-trainees li jinsab imsiefer. Dan sar fuq parir tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #8870 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Msida St Joseph FC

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-Imsida St Joseph FC ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bil-għan li dan il-lokal ikollu l-każin tal-football tiegħu wkoll?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, PA 5910/96, qegħda fl-istadju ta' l-Appell.
Leg 9 PQ #9013 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Effiċjenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex il-Planning Authority issir iktar effiċjenti u jonqsu il-burokraziji u l-poteri li għandhom li f'xi każi jistgħu jwasslu għal abbuż? X'miżuri ittieħdu s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Mal-bidu tal-leġislatura, l-Gvern beda diskussjoni wiesgħa ma' Korpi Kostitwiti u l-entitajiet kollha li dehru li setgħu jikkontribwixxu għall-operat aħjar ta' l-Awtorita`. F'dan il-proċess ta' diskussjoni l-pubbliku ġenerali wkoll ġie mistieden jagħti l-fehmiet tiegħu f'numru ta' laqgħat pubbliċi fejn il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari semgħu diversi opinjonijiet. L-Awtorita` wkoll ikkummissjonat studju mill-Management Efficiency Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan l-istudju identifika bosta affarijiet li jistgħu jiġu mtejba, partikolarment strutturi mministrattivi, kif ukoll aspetti proċedurali. Fuq din il-bażi, l-Awtorita` bdiet proċess ta' tibdil intern li hu mistenni jindirizza aspetti ta' effiċjenza fl-operat tagħha. Wara dan il-proċess ta' diskussjoni, l-gvern qiegħed fl-istadju li jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex it-tibdil fl-operat intern ta' l-Awtorita`, kif ukoll il-provvedimenti legali ta' l- Att ta' l-Iżvilupp isiru fl-aħjar interess tal-pajjiż. Fuq l-aspett ta' poter li semma l-Onorevoli, kemm il-Gvern, kif ukoll l-Awtorita` mhumiex lesti jittolleraw l-ebda abbuż. F'dan il-kuntest, kull allegazzjoni t'abbuż tiġi nvestigata bl-akbar serjeta` u reqqa.
Leg 9 PQ #9051 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-karozza JAB 342 ġiet ittowjata nhar il-Ħadd 11 ta' Lulju, 1999? Jista' jikkonferma li l-imsemmija karozza ġiet rilaxxata l-Ħadd stess? Jista' jikkonferma li ma sarx ħlas tal-multa qabel il-karozza ġiet rilaxxata? Jista' jikkonferma li sa nofsinhar tal-lum it-Tlieta 13 ta' Lulju, 1999 il-multa kienet għadha ma tħallsitx? Jekk fl-affermattiv, x'passi se jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-karozza li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet irmunkata fil-11 ta' Lulju 1999 u ġiet rilaxxata wara li sar magħruf li din kienet tappartjeni lill-Dipartiment tal-Gvern. Infurmat ukoll li l-multa tħallset nhar l-14 ta' Lulju 1999 fuq irċevuta numru 137916.
Leg 9 PQ #7994 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Work permit - disk jockeys barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-disk jockeys barranin li qed jiġu Malta biex idoqqu f'dawn ir-rave parties iridx ikollhom work permit? Kemm ġew disk jockeys jaħdmu hawn Malta din is-sena? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-work permits ta' dawk id-disk jockeys li ngħataw il-permess biex jaħdmu din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4224, ninsab infurmat li mill-bidu ta' din is-sena nħarġu 31 work permit sabiex disc jockeys barranin jipparteċipaw f'diskoteki lokali, 16 minnhom f'party Ta' Qali bejn is-6 u s-7 ta' Ġunju, 1999. Ma jidhirlix li hu l-każ li npoġġi kopji ta' dawn il-work permits fuq il-Mejda tal-Kamra, pero` jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi nformazzjoni dwar xi permess partikolari, lest li ngħaddilu din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #7995 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal rave parties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn permessi għal rave parties jew parties f'postijiet mhux soltu liċenzjati għal dawn l-attivitajiet li huma pendenti llum u kemm saru din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ma jeżistux permessi 'ad hoc' għal rave parties. Jeżistu permessi għal parties li jsiru barra minn post liċenzjat. Ninsab infurmat li din is-sena l-Pulizija approvat 3 permessi għal parties ta' dat-tip li diġa` saru, filwaqt li approvat żewġ permessi oħra għal parties li għad iridu jsiru.
Leg 9 PQ #7996 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Posters għal rave parties

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-posters/riklami li hemm imwaħħla ma' Regional Road, minn St Andrews sal-Marsa, għal dawn il-parties humiex bil-permess jew le u jekk le, jista' l-Ministru jgħid liema parties qed jirriklamaw u jekk humiex se jitneħħew jew le mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

It-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4221 għadha tgħodd. Jekk jirriżulta li dawn twaħħlu kontra l-liġi, jitneħħew.
Leg 9 PQ #8153 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Tuna Panning

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet għal tuna panning f'Malta li għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm żewġ applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għal tuna penning.
Leg 9 PQ #8602 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru trasferimenti fil-korp tal-pulizija minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid f'liema kategorija kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #8605 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Karozzi misruqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm insterqu karozzi minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #8606 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' qtil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' qtil u kemm minnhom ġew solvuti minn Settembru, 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998, u Ġunju 1999, kien hemm erba` każi ta' qtil, li minnhom tlieta ġew solvuti. Kien hemm każ ieħor li għadu mhux ċar jekk kienx omiċidju volontarju jew le.
Leg 9 PQ #7988 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għases - Ħawt bl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx raġuni li llum mad-diversi għases tal-pulizija m'għadniex naraw dak il-ħawt bl-ilma għal xi annimal mitluf jew maħsub illi jista' jkun fl-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-S.P.C.A. li kienet tipprovdi dawn il-ħwat fejn xi għases tal-Pulizija ma għadiex tosserva din l-użanza.
Leg 9 PQ #8771 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru hemm fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Minn liema post jopera dan id-dipartiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, fil-preżent il-complement fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu ta' 69 persuna. Ta' min jgħid ukoll li minnbarra dawn, hemm 10 uffiċjali tal-Pulizija li ġew magħżula bħala Leading Assistance and Rescue Officers, kif ukoll 35 membru tal-Korp tal-Pulizija li qegħdin jitħarrġu bħala Assistances and Rescue Officers biex eventwalment dawn jagħmlu xogħol f'dan id-Dipartiment. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jopera minn Ħal Far.
Leg 9 PQ #8772 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Biċċiet tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il biċċa tal-baħar għandu għad-dispożizzjoni tiegħu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Mingħand min inxtraw jew ingħataw?

Response (BORG, TONIO)

In-numru ta' dgħajjes/laneċ li għandu għad-disposizzjoni tiegħu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa erbgħa. Minn dawn, żewġ laneċ tas-salvataġġ jinsabu taħt il-kustodja tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta. Dawn jitħaddmu b'koperazzjoni bejn il-Forzi Armati u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Barra minn dawn il-laneċ, id-Dipartiment għandu ukoll tlett dinghies. Dawn il-bejjeċ tal-baħar ġew finanzjati taħt ir-raba` Protokol Finanzjarju mal-Gvern Taljan u għalhekk inxtraw mill-Italja.
Leg 9 PQ #7981 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni f'pussess ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mgħoddija persuni mill-Forzi Armati lill-pulizija wara li nqabdu f'pussess ta' droga din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li din is-sena ġew mgħoddija mill-Forzi Armati lill-Pulizija wara li nqabdu f'pussess ta' droga kien ta' 35.
Leg 9 PQ #7982 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffikar ta' annimali

Question

Billi llum wara d-droga l-aktar illi jiġu traffikati huma l-annimali b'mod illegali, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-pulizija illi huma mħarrġa biex jgħarfu l-annimali kollha li llum huma protetti taħt is-Cites Convention?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-membri ta' l-Iskwadra ta' l-A.L.E. tal-Pulizija, għandhom tagħrif bażiku fuq dan is-suġġett, pero` dawn dejjem jikkonsultaw mad-Dipartiment ta' l-Ambjent fejn ikollhom diffikulta.