Jista' l-Ministru jgħid x'arranaġamenti hemm maħsuba li jsiru ma' l-istudenti li għandhom id-dyslexia u joqogħdu għall-eżamijiet: (a) għad-dħul fil-Junior Lyceum; (b) tas-SEC; u (ċ) tal-MATSEC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-problemi u l-bżonnijiet ta' min hu dyslexic ivarjaw ħafna, għalhekk mhux kull min hu dyslexic għandu bżonn l-istess arranġamenti speċjali.
Dawk it-tfal li qed joqogħdu għall-eżami tad-dħul fil-Junior Lyceum jista' jkollhom:
* ħin itwal:
* il-possibilita` li tinqara l-karta:
* il-possibilita` li l-kliem li ma jintgħarafx jiġi miktub b'biro ta' kulur differenti biex b'hekk l-eżaminatur ikun jista' jifhem il-kontenut tat-tweġiba ta' l-istudent.
Dawk il-kandidati li jersqu għall-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC u li juru ċertifikat minn prikologu kkwalifikat li għandhom id-dyslexia, normalment jingħataw ħin barrani u fl-istess ħin, ma jiġux penalizzati għal żbalji ta' ortografija ħlief f'eżamijiet fil-lingwi. Madanakollu, kull każ jiġi ttrattat skond il-merti tiegħu, skond il-parir tal-psikologu u r-rakkomandazzjoni ta' kumitat imwaqqaf apposta mill-Universita`.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 21742, jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-pożizzjoni formali tal-kap tad-dipartiment tal-farmaċija meta l-bord tal-fakulta' rrikkmanda it-tibdiliet li diġa' seħħew?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Possibbli l-Ministru jinvestiga element li wasalli li fil-Kulleġġ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għalliem ta' l-istorja ta' Malta ma jafx jitkellem bil-Malti jew agħar minnhekk jagħżel biex jitkellem dejjem bl-Ingliż? L-ilment li wasal għandi jgħid li dan l-għalliem Malti li jgħallem il-Form 3, f'Diċembru li għadda waqt parents day kellem lill-ġenituri bl-Ingliż.
Veru li dan l-għalliem jipprununzja ismijiet Maltin jew ismijiet ta' Granmastri bl-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-gvern fl-oqsma kollha tal-ħajja qed itwettaq il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ffid-diversi oqsma li dwarhom titkellem il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ qed isir dak kollu meħtieġ biex din titwettaq mill-Ministeri, Dipartimenti u Għaqdiet non-Governattivi differenti li b'xi mod jew ieħor huma relatati ma' din il-politika. Għal dan il-għan id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport kif ukoll is-Segretarjat fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni iżommu kuntatt kontinwu ma' dawn il-ministeri, dipartimenti u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq il-kunsill nazzjnali taż-żgħażagħ minn Awissu 1999 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fost ħwejjeġ oħra, l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ wettaq dawn l-imsemmija ħidmiet:
* Konferenza Nazzjonali fuq iż-Żgħażagħ
* Jum iż-Żgħażagħ
* Mediterranean Youth Forum
* Festa Żgħażagħ
* Sports Day 3 ta' Settembru, 2000
* News letter
Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet ġew organizzati mis-segretarjat jew mid-dipartiment taż-żgħażagħ minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:
Fl-1999 - Adventure '99 - Saru żewġ korsijiet bażiċi dwar diversi attivitajiet sportivi ta' livell avventuruż.
Fl-2000 - Adventure 2000
F'Ġunju 2000 - 2 korsijiet għall-għalliema tal-P.E.
a) Sport fl-iskejjel Primarji
b) Sport għall-kulħadd fil-lokalitajiet
F'Novembru 2000 - Kors ta' ġimgħa intensiva li wassal lill-parteċipanti għal ċertifikat intenazzjonali ta' Sport for All leaders level 3.
Bħala parti mill-proġett tal-Youthnet saru korsijiet għall-group leaders ta' l-għaqdiet taż-żgħażagħ dwar l-użu tal-kompjuters u Internet fil-kumpless tal-Pixxina, f'Tal-Qroqq.
Jista' l-Ministru jara li tintlaqa' t-talba ta' l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament li qiegħed f'Form III sabiex jiġi ttrasferit mill-iskola sekondarja San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa għal raġunijiet mediċi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talba għal transfer mill-iskola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa tat-tifel diġa` kienet qed tiġi proċessata.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 21552, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jagħti rendikont kemm id-departmental meeting sar fis-sena akkademika 1999-2000 u x'ġie diskuss fihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma nżammx rekord ta' kemm dipartimental meetings saru. Hemm il-faculty board li jiltaqa` formalment. Tul id-dipartemental meetings ġew diskussi il-kurrikulum, l-eżamijiet, it-testijiet, tqassim tal-kredits u l-mod kif dawn jingħataw.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 21549, jista' l-Ministru jgħid kemm inħolqu postijiet akkademiċi ġodda tul it-tmexxija tal-kap tad-dipartiment tal-farmaċija preżenti? Fiex inħolqu dawn il-pożizzjonijiet? X'talba qed titpoġġa għal postijiet akkademiċi ġodda fis-sena 2001?
Jista' l-Ministru jgħid x'ġie deċiż dwar l-istudenta li isimha qed jintbagħat separatament li ma tħallietx tkompli din is-sena skolastika fil-kors tagħha fl-Institute of Health Care? Kif ittieħdet deċiżjoni drastika bħal din mingħajr ma kienet ingħatat xi twissija qabel? Ma ġiex ikkonsidrat li għamlet żmien ma tattendix il-kors għal raġunijiet mediċi u umani?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenta msemmija ġiet ittrattata bħal kull student ieħor ġewwa l-Institute. Peress li l-istudenta ma kienetx f'qagħda li tkopri l-modulu fit-'Trauma and Medical/Surgical Nursing' kif preskritt fir-regolamenti, l-istudenta għandha l-opportunita` li tirrepeti s-sena. Dan jgħodd għal kull student li għal xi raġuni jew oħra ma jkunx f'qagħda li jtemm dan il-modulu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar tul is-sena li għaddiet fuq is-sit pre-istoriku f'B'Buġia magħruf bħala "Borġ in-Nadur" jiġi użat aħjar u adattat bħala attrazzjoni turistika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tul is-sena li għaddiet, is-sit kien taħt il-ħarsien tad-Dipartiment li jintervjeni f'każ ta' periklu għall-fdalijiet arkejoloġiċi. Tul is-sena kien hemm ukoll bosta interventi biex jitneħħa l-ħaxix li jikber madwar it-tempju pre-istoriku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani dwar id-dipartiment tal-kultura u kif dan jiġi mtejjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġie mfassal pjan sabiex id-Dipartiment tal-Kultura jiżvolġi ruħu f'Kunsill Nazzjonali għall-Kultura u l-Arti. Huwa ppjanat li dan il-Kunsill jippromwovi u jimplimenta l-politika kulturali ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ u lil min jirrappreżentaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-membri tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huma:
Alessandro Farrugia - President - Nominat mill-Ministru
Stefan Vella - Viċe President - F.Z.I.
Andre` Chetcuti - Secretary General - M.Z.P.N.
Mario Sacco - Deputy Secretary General - U.H.M.
Luke Vella - Teżorier - co-opted
Joseph Mifsud - International Secretary - Gh.S.L.
Ivan Saliba - Deputy International Secretary - co-opted
Edmond Buhagiar - P.R.O - co-opted
Lorraine Aquilina - Equal Rights Officer - co-opted
Lorraine Busuttil - Membru - irriżenjat
Arthur Azzopardi - Membru - Nominat mill-Ministru
Francis X.Ciantar - Executive Secretary
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 4035, jista' l-Ministru jgħid fiex inhuma l-affarijiet fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom qed isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet konċernati biex jinstabu 'premises' alternattivi u li jissodisfaw l-esiġenzi tal-partijiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ta' restawr sar ġewwa l-Forti Rikasoli l-Kalkara tul dawn l-aħħar snin u jekk hemmx il-ħsieb li din tkun miftuħa għall-pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena li għaddiet ġewwa l-Forti Rikasoli sar it-tibdil tas-soqfa (Barracks) kif ukoll xi xogħlijiet ta' tberfil fuq il-fili tal-knisja li hemm ġewwa l-forti stess. Dan ix-xogħol sar kollu kemm hu mit-taqsima tar-restawr tal-Ministeru ta' l-Ambjent, liema sezzjoni hija responsabbli għar-restawr ta' bini storiku. Huwa maħsub li fiż-żmien li ġej se jsir aktar xogħol ta' restawr ġewwa din il-Foti. Dan ix-xogħol ser isir ukoll mill-Ministeru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rettur ta' l-Universita' jagħtix medja tat-talbiet imressqa mid-dipartimenti universitarji għas-sena 2000/1? X'inhu l-medju tat-talba kapitali u rikorrenti? Liema huma l-akbar voti dipartimentali li qed jingħataw lin-naħa tax-xjenza? X'riċerka qed issir minn dawn id-dipartimenti F'liema ġurnali internazzjonali ġiet ippublikata din ir-riċerka?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex it-tifla mill-Pieta' li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tattendi Form II fl-iskola Fra Diego Bonanno, il-Marsa jkollha t-trasport ipprovdut lilha mid-dar għall-iskola kif inhi intitolata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti minn tal-Pieta` jattendu l-iskola Tereza Nuzzo l-Ħamrun fejn hemm provdut it-trasport. Il-ġenituri ta' l-istudenta msemmija talbu huma biex it-tifla tagħhom tibdel l-iskola u aċċettaw li tmur l-iskola Fra Diego Bonanno għalkemm intqalilhom li trasport għall-iskola Fra Diego Bonanno mill-Pieta` mhux provdut peress li l-Pieta` m'hix fil-'Catchment Area' ta' l-iskola.
B'riferenza għal petition no. PL 2186 u l-mistoqsijiet parlamentari nru. 19347 u 21784, peress li l-inkonvenjent għar-residenti għadu hemm tant li fid-29 ta' Diċembru 2000 u fl-10 ta' Jannar 2001 reġgħu saru attivitajiet, il-ħatt ta' l-apparat tal-catering reġa' sar mill-istess bieb fi Triq l-Ibjar, it-triq reġgħet kienet ingombrata sakemm dawn ħattew u żarmaw u wara pparkjaw fejn mhux suppost, il-mużika baqgħet sejra sas-1.00 am u wara reġa' kien hemm l-istorbju sakemm iżżarma kollox u dan baqa' sejjer sat-3.15a.m., jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi riżolta mill-aktar fis?
Kemm ser idum jistenna r-reazzjoni tal-Bord tal-Mediterranean Conference Centre qabel jieħu l-azzjoni meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sitwazzjoni għal kwestjoni ta' l-inkonvenjent qegħda tiġi indirizzata billi kif diġa` irrispondejt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 19347 qed isiru l-arranġamenti għal tibdiliet strutturali. Fl-immedjat inħarġu sturzzjonijiet sabiex kemm jista' jkun, wara nofs il-lejl, il-bieb fuq Old Wells Street ma' jintużax.
Ninsab informat ukoll li fit-18 ta' Jannar kien hemm funzjoni li għalkemmm ħadet fit-tul ma kienx hemm inkonvenjent għall-ġirien.