Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex Health and Safety Unit? Jekk għandha, jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost dan il-unit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta’ proġetti kbar, l-Awtorità toħroġ sejħa pubblika għal servizzi relatati ma’ Health and Safety. Transport Malta laħqet ukoll ftehim ta’ koperazzjoni konġunta mal-Occupational Health & Safety Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi, fejn jidħlu proġetti u xogħlijiet oħra relatati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9357 jista' l-Ministru jara li barra quddiem il-knisja ta' Kristu Re r-rotta X7 tieqaf ukoll fl-istage ma' ġenb l-għassa ta' Raħal Ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li r-rotta X7 diġà tieqaf fuq il-bus stop ta’ ħdejn l-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid.
Jista' l-Ministru jara li jsir il-major patching meħtieġ fi Triq il-Pantar li tagħti minn Ħ'Attard għall-Mosta, b'mod partikolari tat-trinek li hemm fit-triq peress li din it-triq tintuża minn numru kbir ta' vetturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Pantar m’hiex triq arterjali u lanqas distributorja u għalhekk minħabba li din ma taqax taħt ir-responsabbiltà diretta ta’ Transport Malta, xogħol f’din it-triq isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Il-Belt Valletta — Venda tat-trasport Pubbliku - kiosks
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra b’liema proċess kienu ġew allokati l-kiosks il-ġodda li hemm fil-venda tat-trasport pubbliku fil-Belt Valletta u jekk il-kiosks l-antiki kellhomx jiġu vakati wara dan il-proċess?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li bħala parti mit-tisbieħ tal-Pjazza tat-Tritoni fejn kien hemm il-venda tat-trasport pubbliku ġewwa il-Belt Valletta, l-allokazzjoni tal-gabbani il-ġodda kienet saret mill-amministrazzjoni preċedenti, b'taħdidiet li kienu saru mal-operaturi u l-GRTU. B’dan il-ftehim, l-istess operaturi kienu ġew offruti sabiex jażlu waħda minn tlett skemi bħala kumpens, li kienu :
· Li tittieħed waħda mis-sitt gabbani ġodda li nbnew fil-venda l-ġdida fil-Belt Valletta;
· Li jingħataw kumpens ex gratia ta’ €50,000;
· Li tittieħed waħda mill-gabbani l-ġodda li kien hemm ipproġettati li jinbnew fit-tieni fażi tal-proġett ta’ tisbieħ tal-Pjazza Tritoni. Dan jekk il-MEPA tapprova dan il-proġett u suġġett għall-evalwazzjoni li qiegħda issir mill-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura. Fin-nuqqas li l-proġett jiġi approvat u l-gabbani ma jinbnewx, l-operaturi ta’ dawn il-gabbani jingħataw kumpens ex gratia ta’ €50,000.
Infurmat ukoll li sitta minn dawn l-operaturi kienu għazlu l-ewwel skema u għalhekk huma ġew allokati gabbana ġdida fuq it-terminus il-ġdid.
Il-ftehim kien jistipula li ġaladarba dawn l-operaturi jiġu allokati l-gabbana l-ġdida, dawn kellhom wara perijodu taż-żmien, joħorġu mill-gabbana l-antika.
Peress li kien hemm xi diffikultà sabiex titwassal il-provvista tal-elettriku u l-ilma lil l-istess gabbani, l-operaturi ma setgħux jibdew joperaw mill-gabbani il-ġodda fid-data stipulata fil-ftehim iżda bdew joperaw xi xhur wara.
Transport Malta qiegħdha tieħu il-passi neċessarji sabiex din is-sitwazzjoni tiġi regolarizzata.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 8564, x’inhi r-raġuni illi l-Ministru mhux qed juri din l-informazzjoni lill-poplu Malti u Għawdxi bl-iskuża li din l-informazjoni għandha valur kummerċjali meta ż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija huma proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu? Jista’ issa l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji li l-Gvern qiegħed f'diskussjoni magħhom biex jibdew it-tiftix għaż-żejt u gass fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija?
Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni – proġetti
Question
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8566, jista' allura l-Ministru jispjega kif fil-website tad-DOI il-Ministeru li hu responsabbli minnu hu deskritt bħala li hu responsabbli mill-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' diversi proġetti? Jikkonferma li l-fatt li hu bħala l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam ma jafx illi d-dipartiment tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta' proġetti jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu ma jirriflettix tajjeb fuq il-Gvern li tela' bl-għajta li għandu roadmap? Jikkonferma wkoll li dawn in-nuqqasijiet min-naħa tal-Ministru qed iwasslu biex diversi mistoqsijiet parlamentari li qed isiru mill-Oppożizzjoni mhux qed jiġu mwieġba kif suppost fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u minflok qed jingħataw risposti biex jiġi żgwidat il-poplu?
Response (MIZZI, JOE)
Nittama li l-Onor Interpellant japprezza li fil-website tad-DOI jidhru ir-responsabbilitajiet diversi li jiffurmaw il-Portafoll tal-Ministeru u mhux l-ismijiet tad-dipartimenti/direttorati/entitiajiet. Nassigurah li bħala l-Ministru responsabbli naf ben tajjeb il-ħidma li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi. Naħseb biżżejjed li wieħed isemmi l-ħidma li saret sa mill-ewwel ġranet ta’ din l-amministrazzjoni sabiex tingħata spinta lix-xogħlijiet tal-Baċir Numru wieħed li tħallew mitluqin mill-gvern ta’ qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti sar/qed isir ix-xogħol fuqhom mill-ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Works & Infrastructure Department li fost oħrajn hu kompost mill-Projects Implementation Directorate, Manufacturing and Services Directorate, Marine, Storm Water and Valley Management Unit, Rehabilitation Projects Office u Cleansing Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li saru jew li għadhom qiegħdin isiru mill-ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt il- Works & Infrastructure Department. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tad-Direttorat għat-Tindif, dawn dejjem għaddejjin b’xogħol ta’ rutina ta’ tindif fiż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali. Dan l-istess Direttorat jinsab ukoll impenjat f’proġett ġdid fejn se tingħata spinta lit-tindif fiż-żoni turistiċi, liema proġett mistenni jinbeda fil-futur qrib.
B' referenza għat-tweġiba li l-Minisru ta għall-mistoqsija parlamentari 8569, kif jispjega l-fatt illi hu bħala l-Ministru responsabbli minn Transport Malta ma jafx illi l-qafas legali eżistenti li jirrigwarda t-tqegħid ta' billboards hekk kif imniżżel f'Artiklu 4 tal-Avviż Legali LN 171 tal-1993 (Ordni tal-1993 dwar Reklami) u l-Guidelines of the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-iskeda tal-Avviż Legali 368 tal-2004, jirregola diġà l-proliferazzjoni ta’ billboards illegali? X' qed iżomm lill-Ministru milli jieħu dawk il-passi neċessarji biex iwaqqaf il-proliferazzjoni ta' dawn il-billboards illegali? Min qiegħed igawdi finanzjarjament mill-proliferazzjoni ta' dawn il-billboards illegali? X'inhi r-raġuni illi għalkemm għamilt diversi mistoqsijiet parlamentari relatati ma' dawn il-billboards illegali għal dawn l-aħħar sitt xhur, il-Ministru qatt ma ta risposta adegwata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avviż Legali 368 tal-2004 u l-Avviż Legali 171 tal-1993 qatt ma ġew aġġornati sabiex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi li saru fil-billboards matul is-snin u sabiex jindirizzaw l-inkonsistenzi bejn dawn il-partijiet tal-liġi. Għaldaqstant, bħalissa Transport Malta qed tagħmel reviżjoni tal-qafas legali u qed tiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-billboards kollha li hemm fit-toroq biex tkun f’pożizzjoni li tibda tinforza.
B' referenza għat-tweġiba li l-Ministru ta għall-mistoqsijiet parlamentari 7594 u 8567, x’inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx jippubblika l-istudju Report of Major Hazards u Emergency Response Plans relatati mat-tħaffir għaż-żejt li għandu jsir f'Area 4 ftit tax-xhur oħra bl-iskuża li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali? Għaliex il-Ministru mhux qed jippubblika dawn id-dokumenti marbuta mal-bir, meta dan il-bir huwa proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u għaldaqstant il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkollu l-informazzjoni kollha?
Response (MIZZI, JOE)
Skont il-kuntratt li l-Gvern għandu ma' Phoenicia Energy u Melita Exploration, dokumenti marbuta mal-bir huma meqjusa bħala kunfidenzjali u għalhekk il-Gvern ma jistax jippublika dawn id-dokumenti.
Tajjeb inżid li dan il-kuntratt ġie iffirmat taħt Gvern Nazzjonalista fl-2008 u għalhekk il-kundizzjonijiet tal-kuntratt huma dawk imposti mill-Gvern preċedenti. Tajjeb ngħid ukoll li l-Gvern ta’ dak iż-żmien ma rnexxielux iwettaq l-obligi tal-kuntratt u għalhekk il-bir esploratorju li kellu jitħaffer fit-2011 baqa’ ma tħaffirx. Wara sena biss li ilna fil-Gvern dan il-bir issa se jibda jitħaffer.
Transport Malta – bidla fid-direzzjoni tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9756, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu t-talbiet li saru mill-kunsill lokali u liema approvazzjoni ma ġietx implimentata billi d-direzzjoni tat-traffiku fit-toroq imsemmija inbidel matul l-aħħar xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorita tat-Trasport, irriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qabel li d-direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Ġeraldu tinqaleb bil-kontra fit-25 ta’ Settembru 2013. Din it-talba ġiet milqugħa fit-27 ta’ Settembru 2013. Din l-approvazzjoni għadha ma ġietx implimentata mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Ukoll Triq it-Torri hija two-way fuq il-post imma din it-triq kienet ġiet approvata bħala one-way parti mill-progett ta’ tisbieħ fl-inħawi.
mezzi tat-trasport pubbliku — numru ta' passiġġieri
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta'passiġġieri li nġarru mill-mezzi tat-trasport pubbliku, kull sena matul is-snin 2007 sa 2014 (sa l-aħħar ta' Mejju) ? Kif inġabru ċ-ċifri li fil-fatt qed jingħata bħala numru ta' passiġġieri li nġarru b'tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ passiġġieri li nġarru mill-mezzi tat-trasport pubbliku f’ Malta u Għawdex fil-perijodu bejn is-sena 2007 sas-sena 2013 kien is-sussegwenti:
Sena
Patrunaġġ
2007
32,556,336
2008
32,017,316
2009
30,641,582
2010
31,690,114
2011
32,784,907
2012
34,030,681
2013
39,438,822
In-numru ta’ passiġġiera li nġarru bejn Jannar 2014 u April 2014 huwa s-sussegwenti:
Xahar
Patrunaġġ
Jannar 2014
2,914,148
Frar 2014
2,894,859
Marzu 2014
3,268,541
April 2014
3,575,810
Il-figura għal Mejju għadha mhix disponibbli.
Bejn Jannar u April 2014 inġarru 12,653,358 passiġġier, żieda ta’ 933,008 passiġġier fuq l-istess perijodu tas-sena ta’ qabel.
Iċ-ċifri ta’ passiġġiera li nġarru bejn l-2007 u Ġunju 2011 kienu bbażat fuq in-numru ta’ biljetti li nbiegħu fil-każ ta’ Malta, filwaqt li fil-każ t’ Għawdex ittieħdet stima tal-passiġġiera li kienu użaw is-servizz.
Minn Awwissu tas-sena 2011 ‘l quddiem, l-Operatur tat-Trasport Pubbliku beda juża kalkolu ibbażat fuq in-numru ta’ passiġġiera hekk kif innotat mill-Passenger Counter Units li hemm fuq kull xarabank, kif ukoll l-ammont ta’ biljetti mibjugħa bħala bażi ta’ passiġġiera li jkunu qegħdin jużaw is-servizz.
Minħabba diffikultajiet li kellu l-Operatur ta’ dak iż-żmien, jiġifieri Arriva Malta Ltd, dan ma kienx f’ pożizzjoni li jgħaddi l-informazzjoni ta’ kemm kienu nġarru passiġġiera fl-Lulju tas-sena 2011. Għaldaqstant, kienet ittieħdet stima ta’ kemm kienu nġarru passiġġiera għal dak ix-xahar.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8565, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-40 triq li semma' li se jsirilhom xogħol minn Transport Malta? Jista’ jgħid f'liema lokalitajiet ser isir dan ix-xogħol? Jista’ jgħid kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta se tkun qed taħdem fost l-oħrajn fuq it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha, jiġifieri fuq it-toroq li qatt ma natgħalhom wiċċ. Ix-xogħol ikun imqassam madwar l-erba reġjuni f’Malta u kull triq ikollha il-programm individwali tagħha skont il-bżonn tax-xogħol.
B' referenza għal mistoqsija parlamentari 8562, peress illi l-Ministru ma weġibx għall-mistoqsijiet li sarulu, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġi kollha f'dawn il-lokalitajiet humiex se jiġu bi ħlas? Jista’ jgħid kemm ser ikun dan il-ħlas? Kull min jipparkja f'dawn il-lokalitajiet se jkollu jħallas, inkluż ir-residenti ta' dawn il-lokalitajiet?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta ħejjiet reviżjoni tal-polza eżistenti rigward il-parkeġġi fit-toroq. Din ir-reviżjoni se tiġi mnedija bħala dokument ta’ konsultazzjoni fejn kull entità u l-pubbliku se jkollhom l-opportunità li jgħaddu l-kummenti u s-suġġerimenti meħtieġa.
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 8563, x’inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx jgħid min huma l-kumpaniji li qed juru interess illi jibdew ifittxu għaż-żejt u gass fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija bl-iskuża li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali? Jista’ jara li tingħata din l-informazzjoni li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt għaliha peress li ż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija huma proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi kollu?
Response (MIZZI, JOE)
Qiegħed nieħu pjaċir li qiegħed terġa tagħmilli din il-mistoqsija. Fit 30 ta’ Novembru tas-sena 1998, għall-mistoqsija parlamentari 2057 li kont għamilt jien lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Fenech Adami, li kienet:
‘Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista bid-dati, mill-1993 sal-lum, tad diskussjonijiet li saru li għandhom x’jaqsmu mat-tiftix, tħaffir, riċerki, eċċ taż-żejt? Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ħa sehem fid-diskussjonijiet u x’kien ir-riżultat ta’ kull diskussjoni?” ,
il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien weġibni li:
‘Niskanta kif l-Onor. Interpellant jagħmel mistoqsija bħal din meta jaf – u bħala ex-Ministru responsabbli għat-Tiftix għaż-żejt, jaf sewwa – li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali, u mhux ftit.’
Għalhekk issa nispera li l-Onor. Interpellant, li avolja qatt ma kien Ministru responsabbli għal dan is-settur, jitgħallem ukoll mill-istess kliem tal-eks Prim Ministru Fenech Adami u b’hekk jibda jirrealizza li l-informazzjoni li kull darba qiegħed jitlob ma tistax tingħata minħabba li għandha valur kummerċjali.
Billi diversi ġimgħat ilu, minħabba inċident tat-traffiku tkisser bus shelter fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar (qrib ir-roundabout tax-Xemxija), liema shelter kien ukoll il-kawża ta’ korriment ta’ almenu persuna waħda, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan ix-shelter fi triq prinċipali baqa’ ma’ ġiex irranġat sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju 2014, Transport Malta innotifikat lill-entità privata li tipposjedi l-bus shelter li hemm istallat biswit il-bus stop Simar li dan kien tkisser kawża ta’ inċident tat-traffiku. Din l-entita’ kienet mitluba sabiex b’mod immedjat tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tassigura li kwalunkwe periklu li seta’ kien hemm jitneħħa. Din il-kumpanija għamlet dan xi ġranet wara li kienet innotifikata.
Infurmat ukoll li dan il-bus shelter inqala fit-12 ta’ Ġunju 2014 (minbarra l-Advertising Panel) minn din l-istess kumpanija u dan sabiex isirulu t-tiswijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet twettqu mill-ħaddiema tal-Ministeru matul l-aħħar ħmistax-il xahar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar? X' xogħlijiet oħra qed iwettqu bħalissa u jew diġà hemm ftehim li jwettqu matul ix-xhur li ġejjin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħlijiet li twettqu mill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħi matul l-aħħar ħmistax-il xahar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar hu kif ġej:
Lokalita
Xogħlijiet
Mellieħa, Qawra u San Pawl
Patching
Pavimentar u bankini
Livellar u konkos ta' modijiet
Manutenzjoni fil-Bajja tal-Mellieħa li jinkludi xogħol ta' żebgħa u tikħil.
Culverts
Ħitan
Tindif
Titjib taż- żona tal-parkeġġ tal-Qawra.
Salini
Xogħol ta' pavimentar , livellar ta' toroq u tisbieħ tal-ħitan tas-Salini
Selmun
Family Park
Tisbieħ u tiswijiet tal-Belvedere ta' Selmun
Xogħlijiet oħra li qed iwettqu bħalissa u diġa' hemm ftehim li jitwettqu matul ix-xhur li ġejjin huma xogħolijiet ta' żebgħa u manutenzjoni fiż-żoni turistiċi.
Lista dettaljata tax-xogħlijiet kollha msemmija hawn fuq qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se tittieħed azzjoni dwar ħames bus shelters li qegħdin fi Triq Hompesch il-Fgura u qegħdin fi stat ħażin uħud anke imsaddin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li b’kollox Transport Malta se tkun qed tibdel ħames bus shelters fi Triq Hompesh il-Fgura, fejn diġà applikat u akkwistat
il-permessi meħtieġa mill-MEPA. Wieħed minn dawn il-
bus shelters
diġà ġie mibdul, filwaqt li l-erba’ l-oħra se jitwaħħlu fil-fażi li jmiss, ġaladarba jintagħżel il-kuntrattur.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Bordijiet tal-għażla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjoni vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord bord tall-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra is-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra is-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X'rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li nħatru f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9545.
Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kumpanija li id-dettalji tagħha ingħataw separatament, ingħatat bi €15,153.93 xogħol mill-Ministeru tiegħi u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu. Dan l-ammont jirrapreżentaw xiri varji ta’ materjal u ma jirrapreżżentawx għoti ta’ tenders. Il-kumplament tal-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegat
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kienx impjegat tas-Servizz Pubbliku qabel ma kien jifforma parti mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura? Jekk fl-affermattiv, meta daħal jaħdem mas-Servizz Pubbliku u f'liema grad? Jista’ jindika xi grad u konsegwentament x’pożizzjoni għandu l-istess persuna fil-Ministeru tiegħu? X'inhi r-rinumerazjoni inkluż 'allowances' u perkaċċi oħra li qed tieħu din il-persuna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament ma jifformax parti mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura.