Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport — Mobile phone

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu, 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li, fl-1999, mhiex xi ħaġa straordinarja, u żgur li hekk għandu jkun, li Ministru jkollu użu ta` `mobile phone`. Jien infurmat li bejn il-5 ta` Settembru 1998 u l-aħħar ta` Marzu 1999 in-nefqa fuq il-`mobile phone` li nagħmel użu minnu jien kienet ta` LM243. Ma` narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru tat-Trasport — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' delegazzjonijiet ministerjali, dipartimentali inklużi awtoritajiet, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru li siefru barra minn Malta mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Kemm kienet in-nefqa globali nvoluta? Kemm kienet in-nefqa għal kull delegazzjoni separatament? X'kien l-impenn ta' kull delegazzjoni u x'riżultati nkisbu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nagħmel riferenza għat-tweġibiet li tajt għal-mistoqsijiet parlamentari nru. 103, 5767 u 5876. Informazzjoni dwar delegazzjonijiet għadha qed tinġabar.

Birgu — Marina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'irid isir minn persuna li għandha boat u tixtieq berth fil-marina tal-Birgu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika x`tip ta` `boat` qiegħed jirreferi għaliha.

Mtarfa bypass — Resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tender għar-resurfacing ta' l-Imtarfa bypass, l/o Rabat tkopri biss naħa waħda ta' din it-triq, meta ż-żewġ naħat jinsabu fi stat ħażin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ġie deċiz li jsir ir-`resurfacing` ta` korsija waħda tat-triq imsemmija biex ikun hemm l-opportunita` li jiġu ppruvati l-proposti tal-Konsulenti Ġermaniżi fuq art taflija bħalma teżisti f`dik iż-żona. Wara li jsir dan ix-xogħol bi prova u skond ir-riżultati, wieħed ikun jista` jagħmel ix-xogħol meħtieġ fil-korsija l-oħra.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq u l-arterji prinċipali fil-pajjiż li se jsir xogħol fuqhom skond il-prijoritajiet tal-Gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wieħed jista` jgħid li t-toroq prinċipali u arterjali kollha se jsir xogħol fihom skond il-pjan imħejji mill-Konsulenti Ġermaniżi tal-Ġvern u l-informazzjoni mitluba tingħata aktar `l quddiem.

Awtorita' Marittima — Inkjesti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inkjesti hemm pendenti quddiem l-Awtorita' Marittima u dwar xiex inhuma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-preżent hemm investigazzjonijiet dwar inċidenti li jaqgħu taħt il-`Merchant Shipping Act`, li għadhom pendenti.

Birżebbuga — Triq l-Immakulata Kunċizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara x'passi se jittieħdu sabiex ix-xogħlijiet li nbdew fuq Triq l-Immakulata Kunċizzjoni f'Bengħajsa, Birżebbuga fis-sena 1988 jinġiebu fit-tmiem ħalli jispiċaaw it-tbatija u l-inkonvenjent għar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li xi xhur ilu saret stima tax-xogħol meħtieġ u bħalissa wieħed qed jistenna li jitlestew xogħolijiet oħra biex dan ix-xogħol ikun jista` jsir.

Bormla — Triq l-Iljun

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tissewwa Triq l-Iljun f'Bormla u l-bankini ta' din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għadu kif ingħata kuntratt mid-Dipartiment tat-Toroq biex isir ix-xogħol f`din it-triq u dan ser jinbeda bit-tibdil tal-`main` ta` l-ilma.

San Ġorġ — Triq Dragonara - Traffic Control Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Dragonara fid-direzzjoni għall-Bajja ta' San Ġorġ, hijiex approvata bħala one way traffic mit-Traffic Control Board? Jekk hija approvata, jista' l-Ministru jieħu l-passi biex dak approvat jiġi fis-seħħ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq Dragunara kienet `One Way Traffic` fid-direzzjoni għall-bajja ta` San Ġorġ sa Awissu ta` l-1996, iżda fuq talba tal-Pulizija u tad-Direttur tat-Toroq din saret `Two Way`. Il-Pulizija talbet lill-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku biex is-sistema preżenti għalissa tibqa fis-seħħ u tiġi reveduta meta jinfetħu toroq ġodda fiż-żona.

Bordijiet Governattivi — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita tal-Ministeru tiegħi huma; AWTORITA` TAT-TRASPORT PUBLIKU Mr Alfred Triganza B.A.(Hons.) M.I.A., C.P.A., Dip.M., M.C.I.M . - Chairman Mr Pius Fenech - Deputy Chairman Ms Angela Callus - Member Mr William Soler B.Sc.Eng., B.A.Arch., A.M.I.C.e., A&CE - Member Mr Arthur Gauci B.A.(Hons.) Accty., C.P.A., M.I.A. - Member AWTORITA` MARITTIMA TA` MALTA Dr Edward Woods LL.D. -Chairman Dr Mark Bonello B.E&A. (Hons.), M.Sc. (Lond.) Ph.D. (Lond) Dic. EUR.Ing., A&C.E. - Vice Chairman Dr Vincent Moran MD - Member Mr Oscar Borg B.A. (Hons.)Econ., M.B.A. (Lanc)- Member Mr Carmel S Vassallo - Member Mr C V Schembri - Member Mr Alfred Cremona - Member Mr George Grech - Member Mr Ronald Azzopardi - Member

Awtorita' tat-Trasport — Bormla - Arloġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin l-arloġġ installat mill-Awtorita' tat-Trasport f'Gavinu Gulija, Bormla, jiġi aġġornat u jibda jindika l-ħin tajjeb tal-ġurnata billi ilu wieqaf żmien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta dan l-aħħar tqiegħed `cable` ġdid tad-dawl fl-inħawi, inqatgħet il-provvista ta` l-elettriku għall-arloġġ. Għalkemm kienu bdew jittieħdu l-passi biex il-ħsara tissewwa, il-Kunsill Lokali ta` Bormla dan l-aħħar wera x-xewqa li l-arloġġ jiċċaqlaq minn postu, iżda għadu ma indikax sit alternattiv.

Bormla — Triq Santa Tereża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6186, jiġifieri t-traffiku fi Triq Santa Tereża, f'Bormla, jidhirlu l-Ministru li hemm bżonn isir studju serju dwar it-traffiku fl-area tal-knisja ta' Santa Tereża peress li lejn naħa waħda dik tax-Xatt tista' ddur u n-naħa l-oħra le? Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa għaliex qed ikun hemm ħabta ta' karozzi kważi kull ġimgħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Peress li Triq Santa Teresa hija triq traffikuża ħafna, l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qed jieħu passi biex il-`continuous double white lines` li diġa` hemm fil-maġġorparti tat-triq, isiru t-tul kollu tagħha, dan biex it-traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet ma` jitħalliex jaqsam minn naħa għall-oħra. Ser isiru wkoll is-`signs` neċessarji biex traffiku nieżel minn naħa tal-Birgu ma` jkunx jista` jdur lejn ix-Xatt u biex ebda traffiku ma` joħroġ minn naħa tax-Xatt għal fuq Triq Santa Teresa.

Vapuri — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kemm ġew reġistrati vapuri u x'tunnellaġġ għandhom, matul dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-perjodu Diċembru 1998 Mejju 1999 ġew reġistrati 250 vapur b`tunellaġġ ta madwar 3,000,000 tunellata gross.

Yachts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' yachts li għandhom berth permanenti f'Malta fl-ewwel ta' din is-sena? Kemm daħlu pleasure yachts f'portijiet Malta, kull sena, fl-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` rmiġġi permanenti allokati għall-Yachts f`Jannar ta` din is-sena kien kif jidher hawn taħt: Malta 770 Għawdex 156 Jien infurmat ukoll li n-numru ta` `Pleasure Boats` li daħlu fil-`Yachting Centres` matul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif jidher hawn taħt: 1994 1463 1995 1458 1996 1307 1997 1368 1998 1186 1999 (sa Mejju) 195

Mellieħa — Dawret it-Tunnara

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kuntrattur li ħadem fuq (WSC) Dawret it-Tunnara, fil-Mellieħa jerġa' jġib it-triq fl-istat li kienet qabel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq spezzjona x-xogħolijiet li qed isiru biex il-bankini li nqalgħu waqt dan ix-xogħol jerġgħu jitranġaw u ġie kkonfermat illi x-xogħol quddiem il-postijiet li qed jintużaw mill-pubbliku tlesta`.

Birżebbuġa — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu dawk il-passi kollha opportuni u neċessarji sabiex tiġi rranġata u mnaddfa Triq il-Port Ħieles fl-inħawi ta' Triq il-Kartaġeniżi, Birżebbuġa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi jsir mill-Kunsill Lokali.

PTA — Multi

Question

Jaf il-Ministru li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku qed taġixxi ultra vires meta mingħajr ebda proċess kriminali timponi multi u l-ġbir tagħhom, kif jirriżulta mid-dokument li qed jintbagħat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-multi msemmija huma konformi ma` l-Att XII ta` l-1995 (Kap 291) u jikkonċernaw reati konnessi mat-trasport pubbliku. B`din is-sistema, wieħed jista` jħallas il-multa flok ma joqgħod jittella` l-Qorti. Minbarra hekk dan hu wieħed mill-modi li bihom l-Awtorita` għat-Trasport Pubbliku tipprova tikkontrolla l-aġir irresponsabli ta` dawk il-ftit li ma jridux jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom.

Qormi — Triq l-Isqof Scicluna - Road humps

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi tip ta' deterrent (bħal humps, eċċ.) fi Triq l-Isqof Scicluna, Ħal-Qormi, kontra sewqan eċċessiv?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Traffic Control Board approva it-tqegħid ta` żewġ `road humps` fil-lokalita`. Madankollu weħidhom dawn il-humps mhux ser jikkontrollaw lil min jabbuża mir-regoli tat-traffiku u jiksirhom.

Qormi — Triq il-Ħelsien

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi tip ta' deterrent fi Triq il-Ħelsien, Qormi kontra sewqan eċċessiv u bl-iskop li tkun faċli għan-nies biex jaqsmu din it-triq min-naħa għall-oħra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Traffic Control Board approva it-twaħħil ta` tlett tabelli jindikaw li vetturi ma jistgħux jinsaqu b`aktar minn 30kmph biex ma jkunx hemm sewqan eċċessiv. Naturalment, weħidhom, dawn it-tabelli mhux ser jikkontrollaw is-sewqan ta` min ikun irid jikser ir-regolamenti.