Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftuħ ta’ youth cafes, hubs u stops ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ppjanat li se jinfetħu youth cafes, youth hubs u youth stops fil-ħames snin ta' din il-leġiżlatura? Jista' jindika fejn se jinfetħu dawn iċ-ċentri l-ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Youth Cafes jinfetħu fejn ikun hemm is-servizz tal-Aċċess. Għalhekk in-numru ta' Youth Cafes li ser jinfetħu jiddependi ħafna jekk il-Gvern huwiex ser jiftaħ aktar servizz ta' Aċċess f'lokalitajiet oħra. Il-pjan dwar il-Youth Cafes huwa li nestendu il-ħinijiet u n-numru ta' ħaddiema fil-Youth Cafes u kif ukoll li jibda jsir outreach work minn ġo dawn il-Youth Cafes eżistenti. Rigward il- Youth Hubs huwa mistenni li n-numru tagħhom jiżdied b'ħamsa - wieħed ġewwa l-MCAST, fil- Junior College , fil- Higher Secondary School fin-Naxxar, fl- Institute of Tourism Studies u f'Għawdex. Il-Youth Stop ser jibda s-servizz mill-Belt u huwa maħsub li jinbeda servizz ieħor ta' Youth Stop ġewwa Għawdex.

Aġenzija Żgħażagħ — rilokazzjoni ta' youth hub

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiċċaqlaq il-youth hub ta' Aġenzija Żgħażagħ f Santa Venera? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika fejn se jiġi rilokat dan il-youth hub?

Response (BARTOLO, EVARIST)

M'hemm l-ebda ħsieb li tiċċaqlaq il-youth hub ta' l-Aġenzija Żgħażagħ f'Santa Venera.

Skejjel primarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn skejjel primarji f'Malta? Kemm jilqgħu tfal fihom dawn l-iskejjel bħalissa mqassmin f'kull klassi minn Year 1 sal-Year 6?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li b'kollox f'Malta hawn 106 skola Primarja mqassmin kif se nsemmi: - 68 skola primarja tal-Istat; - 27 skola primarja tal-Knisja; - 11-il skola primarja Indipendenti. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel sekondarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn skejjel sekondarji f'Malta u f'Għawdex? Kemm jilqgħu tfal fihom bħalissa dawn l-iskejjel, mqassmin b'kull klassi mill-form 1 sal-form 5?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li b`kollox f'Malta hawn 64 skola Sekondarja mqassmin kif se nsemmi: - 29 skola sekondarja tal-Istat; - 24 skola sekondarja tal-Knisja; - 11-il skola sekondarja Indipendenti. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il skola mit-total ta' skejjel f'Malta u f'Għawdex se jsir manutenzjoni fihom fil-ħames snin li jmiss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

F'Malta u Għawdex għandna 107 Skola/Ċentru. Fil-ħames snin li ġejjin f'kull skola se jsir xi tip ta' manutenzjoni skont il-bżonn; dan jista' jkun kemm manutenzjoni u tisbiħ estensiv kif ukoll xogħol ieħor fuq skala mhux estensiva.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għall-provvista ta' fuel tal-karozzi kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn l-1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa tal-Ministeru għall-provvista ta' fuel tal-karozzi tal-Ministru u s-Segretarjat Privat tagħha għall-perjodu 01 ta' Ġunju 2012 u t-08 ta' Marzu 2013 kienet ta' €4749.69c.

Ir-Rabat (Malta) — Skola Sekondarja tal-Bniet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li nbidel il-ħsieb li l-iskola sekondarja tal-bniet tar-Rabat tingħalaq bħala skola u tinbena waħda ġdida fi Triq Farsons fil-Ħamrun minflokha? Jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-istess skola llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa l-iskola sekondarja bniet tar-Rabat qed tilqa' fiha studenti mit-tielet sal-ħames sena tal-iskola sekondarja. Fis-sena skolastika li jmiss se tibqa' tilqa' fiha studenti tar-raba' u ħames sena sekondarja. Bħalissa qed ikun studjat il-pjan ta' bini ta' skejjel ġodda.

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel saret manutenzjoni matul is-sena li għaddiet u kemm kienet l-ispiża marbuta ma' din il-manutenzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif ġej: Dok. `A` - lista ta` skejjel li fihom saret manutenzjoni mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi; Dok. `B` - lista ta` skejjel li fihom saret manutenzjoni mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t`Għada.

Kunsill Malti għall-Isport — sejħa għal kap eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-files kollha, kif ukoll kull rapport ieħor li sar/u u li għandhom x’jaqsmu mal-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għall-milli tal-vakanza ta’ kap eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel sekondarji — co-ed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju fejn juri li l-co-ed hijiex aktar effettiva mis-sistema edukattiva tal-iskejjel sekondarji tal-istat preżenti jew id-deċiżjoni li Kulleġġ Santa Klara ssir co-ed itteħditx fuq bażi ta’ trial and error?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Is-sistema co-ed diġa' kienet esperjenza posittiva ħafna fl-iskejjel indipendenti f'Malta u fl-iskejjel tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea. Il-Gvern waqqaf kumitat b'rappreżentanza mill-Ministeru, Direttorati, Kapijiet ta' Skejjel, Għalliema u Ġenituri biex imexxu 'l quddiem dan il-proġett ta' ko-edukazzjoni. Kulleġġi oħra diġa' talbu li jkollhom ukoll skejjel sekondarji co-ed għas-sena skolastika li ġejja iżda l-Ministeru ddeċieda li d-dħul tagħhom ikun gradwali.

Studenti li għaddew mill-O levels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru medju ta’ O Levels li kisbu l-istudenti fl-aħħar sena skolastika, skola skola, il-medja tal-iskejjel tal-istat f’daqqa, il-medja tal-iskejjel tal-Knisja u l-medja tal-iskejjel privati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-medja tan-numru ta' suġġetti fil-livell tas-SEC li kisbu l-istudenti mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f'Mejju 2012 huma kif jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, maqsumin bejn subien u bniet. It-Tabella tinkludi wkoll in-numru ta' kandidati minn kull settur, il-medja tan-numru ta' suġġetti li rreġistraw għalihom, il-medja tan-numru ta' suġġetti li għaddew minnhom bi Gradi 1 sa 5 u bi Gradi 1 sa 7 kif ukoll in-numru minimu u massimu ta' reġistrazzjoinijiet, u n-numru minimu u massimu ta' suġġetti li għaddew minnhom. Ir-riżultati għal kull skola individwali ma jingħatawx biex ma jinħolqux paraguni mhux ġustifikati u li iktar jagħmlu ħsara milli ġid lill-iskejjel.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2012? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ngħatax b’direct order jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li l-entitajiet l-oħra fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma għamlu ebda użu ta' konsulenti matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija.

Ċentru għar-Riżorsi — learning support assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' learning support assistants assenjati f'kull ċentru għar-riżorsi (ex skejjel speċjali) li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tad-Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' learning support assistants assenjati f'kull Ċentru għar-Riżorsi (eks Skejjel Speċjali) li jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Direttorat għall-Servizzi Edukattivi hu 112 u huma mqassmin kif ġej:- Kulleġġ ta' Għawdex - Sannat Special Unit - 9 Kulleġġ Maria Regina - Young Adults Education Resource Centre,Wardija - 37 Kulleġġ San Benedittu - Helen Keller Education Resource Centre, Qrendi - 23 Kulleġġ Santa Klara - San Miguel Primary Education Resource Centre, Pembroke - 20 Kulleġġ San Ġorġ Preca - Guardian Angel Education Resource Centre, Ħamrun - 23

problema tal-illiteriżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xejriet li jindikaw li l-problema tal-illiterizmu hijiex aċċentwata aktar f'ċertu lokalitijiet minn oħrajn? Jekk iva, jista’ jagħti l-informazzjoni dwar l-inċidenza ta’ din il-problema f’kull lokalità f’Malta u f'Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Jiddependi mid-definizzjoni ta` illitteriżmu. Altru nitkellmu dwar analfabetiżmu (inabilita` assoluta biex tagħraf u tifhem il-kliem), altru dwar illitteriżmu (diffikulta biex taqra u tikteb), altru dwar illitteriżmu funzjonali (taqra u tikteb b'mod limitat u b'hekk l-individwu ma jasalx biex ikun indipendenti fix-xogħol u fis-soċjeta`). M'għandniex riċerka li tinvestiga l-illitteriżmu fl-iskejjel fil-livell mitlub mill-interpellant. Studju internazzjonali reċenti, il-PIRLS, juri li t-tfal Maltin ta` xi 10 snin qegħdin taħt il-livell li hu mistenni mit-tfal fil-ħames sena f'dak li jirrigwardja l-qari u l-fehim. Fil-fatt l-istudju jiżvela li l-livelli tagħna huma taħt livelli internazzjonali - 23% tat-tfal Maltin qegħdin fil-livell tal-Intermediate Benchmark waqt li internazzjonalment hemm 15% f'dan il-livell u 23% tat-tfal qegħdin f'livell tal-Low Benchmark waqt li internazzjonalment 5% biss jinsabu f'dan il-livell l-aktar baxx. Studju ieħor li sar ukoll dan l-aħħar ma` tfal tat-tielet sena jidentifika f'livell nazzjonali l-ħiliet bażiċi li jwasslu għall-kitba u għall-qari u b'hekk ma jagħtix informazzjoni speċifika fuq l-illitteriżmu u b'mod lokali. Studju ieħor reċenti kien il-PISA għat-tfal Maltin fl-aħħar tas-sekondarja. Madwar 36% minn dawn it-tfal ma qabżux il-livell minimu ta` litteriżmu funzjonali. Dwar il-PIRLS u l-PISA l-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu kemm xandar fil-pubbliku informazzjoni dettaljata. Fl-1999 kien sar ukoll studju mat-tfal kollha ta` Malta tal-Year 2 (Mifsud et al) li jindika li l-akbar problemi fil-litteriżmu kienu jinsabu f'dawk l-iskejjel ta` madwar il-Port u Għawdex. Fl-istudju ta` wara (follow-up study) mal-istess tfal meta kienu fil-Year 5, filwaqt li l-istudenti fl-iskejjel f'Għawdex għamlu progress tajjeb, l-istudenti li joqgħodu madwar il-Port baqgħu lura.

MCAST — Bini ta' Campus

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 206, 701 u 702, jista' l-Ministru jgħid l-evalwazzjoni ta' Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta' Gvern preċedenti Nazzjonalista għall-campus tal-MCAST x'qed tfittex li tistħarreġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-evalwazzjoni hi dwar kif nużaw bl-aħjar mod il-footprint tal-MCAST.

MCAST — Bini ta' Campus

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 206, 701 u 702, jista' l-Ministru jgħid jekk l-evalwazzjoni preliminari ta' Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta' Gvern preċedenti Nazzjonalista għall-campus tal-MCAST hijiex evalwazzjoni purament politika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Jien infurmat li x-xogħol fuq il-fażi li jmiss tal-MCAST se jitkompla. L-evalwazzjoni li qed issir hija dwar jekk jinbnewx istituti ġodda bħal dak tal-performing arts fuq is-sit.

MCAST — Bini ta' Campus

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 206, 701 u 702, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tintemm l-evalwazzjoni preliminari ta' Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta' Gvern preċedenti Nazzjonalista għall-campus tal-MCAST?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-evalwazzjoni tkompli sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha dwar dak kollu li se jinbena fuq is-sit tal-MCAST.

MCAST — Bini ta' Campus

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 206, 701 u 702, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda u tispiċċa l-evalwazzjoni formali ta' Gvern Laburista dwar il-pjanijiet ta' Gvern preċedenti Nazzjonalista għall-campus tal-MCAST?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1007.

Aġenzija Żgħażagħ — programmi ta' edukazzjoni mhux formali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-programmi ta' edukazzjoni mhux formali li saru sal-lum mill-Aġenzija Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-programmi edukattivi mhux formali li saru minn Aġenzija Żgħażagħ huma dawn: - Proġett Kunsill Lokali Żgħażagħ - Empower - Social Theatre Mini Festival - Divergent Thinkers - Vol Tours - Youth Upbeat - Kuntest Letteratura Żgħażagħ - Taħżiż - Upcoming Artist Award

Aġenzija Żgħażagħ — rwol fl-edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol qed jara għall-Aġenzija Żgħażagħ fl-edukazzjoni mhux formali taż-żgħażagħ tagħna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Aġenzija Żgħażagħ ser tkompli ssaħħaħ is-servizzi ta` edukazzjoni mhux formali tagħha u tkompli tespandi dan ir-rwol f`oqsma oħra bħas-saħħa, esperjenzi interkulturali u djalogu soċjali.