Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġurijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġurijiet pendenti fl-1 ta’ Ottubru 2013, 2014 u 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Data Ġuri pendenti 1 t’Ottubru 2011 110 1 t’Ottubru 2012 84 1 t’Ottubru 2013 81 1 t’Ottubru 2014 85 1 t’Ottubru 2015 83

Tnaqqis ta’ kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jagħti rendikont kif kien hemm tnaqqis, ta’ 11% tal-kawżi pendenti quddiem il-Qrati tagħna kif semma’ riċentement?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor Interpellant li l-istatistika li tinġabar mid-Direttorat tal-Ġustizzja hija bbażata fuq statistika ppublikata onlajn fuq is-sit justiceservices.gov.mt. Il-mod kif tiġi interpretata l-istatistika mill-uffiċjali addetti għal dan il-għan fi ħdan id-Direttorat tal-Ġustizzja huwa preċiżament in linea tal-mudell ta’ interpretazzjoni statistika li jintuża mill-organu appozitu tal-Kunsill ta’ l-Ewropa magħruf bħala s-CEPEJ li imbagħad fuqu jiġi maħdum il-Justice Scoreboard mill-Kummissjoni Ewropea. Irrid infakkar li waqt li s-CEPEJ tiffoka sija fuq il-kamp ċivili u sija fuq il-kamp kriminali, il-Justice Scoreboard jiffoka biss fuq is-settur ċivili. Punt ieħor li rrid infakkar hu li s-CEPEJ u allura sussegwentement il-Justice Scoreboard jiffokaw unikament fuq l-istatistika tal-Qrati tal-Prima Istanza. Huwa ta’ pjacir li nirrijafferma li minn analizi ta’ statistika riċenti skont il-mudell tas-CEPEJ, kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ kawzi pendenti, sija fil-kamp Ċivili u sija fil-kamp Kriminali. Bejn Diċembru 2012 u Ġunju 2015 kien hemm tnaqqis ta’ 15% ta’ kawzi pendenti fil-Qrati Ċivili. Fil-Qrati Kriminali kien hemm tnaqqis ta’ 7% li jwassal għal medja ta’ madwar 11% li huwa kwazi żewġ perċentwali aħjar minn jekk nagħmlu l-istess analizi ma’ sitt xhur qabel (Ġunju 2012 u Ġunju 2015). Jekk mmorru ‘l hinn minn dak li jrid il-mudell statistiku tas-CEPEJ u nieħdu sija l-Prim Istanza u sija Sekonda Istanza allura nsibu li r-rata ta’ tnaqqis tibqa’ tajba imma tonqos xi ftit. Fil-fatt bejn Diċembru 2012 u Ġunju 2015 fiż-żewġ Istanzi t-tnaqqis fil-kawzi pendenti huwa ta’ madwar 9.5 fil-mija fil-kamp Ċivili u ta’ 5 fil-mija fil-kamp kriminali. Huwa mistenni li bir-riformi li qed indaħħlu u se nkomplu ndaħħlu, r-rata ta’ kawżi pendenti tibqa’ titjieb. Nieħu l-opportunita’ li ngħid li minkejja li l-ammont ta’ kawzi pendenti fil-Qrati tagħna qed jonqsu b’dawn il-figuri tant pozittivi, il-kejl tal-pending cases huwa biss wieħed minn tliet kejliet li wieħed juża biex ikejjel l-effiċjenza tal-Qrati skont il-mudell tas-CEPEJ. Hemm ukoll żewġ kejliet oħra: il-clearance rate (kemm jinqatgħu kawżi iktar milli jidħlu) u d-disposition time (kemm iddum kawża biex tinqata’ definittivament). Fil-kamp ċivili, pajjiżna qed jirreġistra clearance rate ta’ 104% li tagħmilna fost l-aħjar pajjiżi fil-Kunsill ta’ l-Ewropa kollu. Għalhekk sija t-test tal-pending cases u sija t-test tal-clearance rate, il-Qrati tagħna qed jaqtgħu figura tajba ħafna. L-isfida li jmiss hija li nkissru l-backlog li sfortunatament baqa’ jiġi akkumulat fis-snin li għaddew sabiex b’hekk anke r-rata tal-pending cases tmur ‘il quddiem. Bħala ammont globali jidher li bejn Ġunju 2012 u Ġunju 2015 kien hemm tnaqqis ta’ 7% fil-Qrati Ċivili u 3% fil-Qrati Kriminali. Nemmen li għad fadal ħafna x’jista’ jsir biex jitnaqqsu l-kawzi pendenti izda, kif jidher mill-istatistika ppubblikata, il-Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba biex dawn jiġu indirizzati.

Kawżi pendenti quddiem Imħallfin u Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem kull wieħed mill-Imħallfin u Maġistrati?

Response (BONNICI, OWEN)

L-ammont ta’ kawżi pendenti fit-30 ta’ Settembru 2015, huwa kif indikat fl-Tabelli li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra

Kawżi pendenti għas-sentenza quddiem Imħallfin u Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti għas-sentenza quddiem kull wieħed mill-Imħallfin u Maġistrati?

Response (BONNICI, OWEN)

L-ammont ta’ kawżi pendenti għas-sentenza fit-30 ta’ Settembru 2015, huwa kif indikat fl-Tabelli li qed inqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru tal-Arbitraġġ – arbitraġġ internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il arbitraġġ internazzjonali hemm bħalissa quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2010 sat-12 ta’ Ottubru 2015 daħlu 18-il każ ta’ arbitraġġ internazzjonali quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ u 12 minnhom għadhom pendenti. Fil-fehma tal-Gvern, dan l-ammont hu ftit wisq. Malta tinsab strateġikament f’nofs il-Meditteran b’setturi stabbiliti ta’ l-avjazzjoni, negozju marittimu, u l-industriji tal-logħob li jistgħu jipprovdu opportunità ta' investiment. B’hekk fl-aħħar ta’ Settembru ġie ppublikat Request for Proposal għal strategic partner internazzjonali sabiex jassisti lil dan iċ-Ċentru biex jitrasforma ruħu f’post ta’ eċċellenza li jattira l-litigju internazzjonali.

Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri – appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri)?

Response (BONNICI, OWEN)

Sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien hemm 535-il appell pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri). Kif diġà għidt kemm-il darba skont l-istatistika u analiżi li għadna din hija l-iktar Qorti mill-Qrati kollha fejn hemm ħtieġa li naraw titjib. Il-Gvern jemmen li biż-żieda tal-Imħallef G. Grixti f'din il-Qorti li saret ftit tax-xhur ilu biex b'hekk ingħaqad ma' żewġ Imħallfin oħra assenjati ma' dina l-Qorti, dan it-titjib se jibda jinħass fix-xhur li ġejjin.

Akwedott ta' Wignacourt — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux studju li jgħid li jrid issir il-manutenzjoni neċessarja lil binja li hi parti mill-Akwedott ta' Wignacourt li tinsab fi Triq Notabile, kantuniera ma' Triq Ħal Qormi? Jista jara li ssir manutenzjoni neċessarja? Jista' jgħid x'hemm imniżżel fil-file tal-Gvern f'dak li jirrigwardja x'kien l-użu storiku ta' din il-binja? Jekk mhemm xejn imniżżel, jista' jordna li jsir dan l-istudju?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li m’huwiex ċar f’liema lokalita’ qiegħda l-imsemmija struttura, u dan minħabba il-fatt li l-Akwedotti jgħaddu mil-lokalitajiet ta’ H’Attard, Hal-Balzan, Birkirkara u Santa Venera, qed nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-istruttura li hija indikat f'ritratt li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-istruttura ma tifformax parti integrali mill-akwedott storiku mibni bejn l-1610-1615 u l-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jirreferi l-Mistoqsija lid-Dipartiment tal-Propjeta’ tal-Gvern li għandu r-responsabbilta’ tal-immaniġġjar tal-propjeta’ pubblika.

Ħ'Attard — Triq l-Imdina - binja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-binja dilapidata fi Triq l-Imdina f'Ħ'Attard biswit iċ-Ċimiterju ta' Ħ'Attard hijiex proprjetà pubblika jew privata? Qed isir użu minnha? Jista' jordna li ssir il-manutenzjoni neċessarja fuq din il-binja storika? Jista' jgħid jekk għandiex konnessjonijiet mal-akwadott ta' Wignacourt u x'użu kien isir minnha?

Response (BONNICI, OWEN)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor Interpellant jistaqsi lill-Ministeru kkonċernat. Ladarba tingħata tweġiba mill-Ministeru kkonċernat, fejn jiġi identifikat jekk il-binja hiex pubblika jew privata, nkun nista’ nagħti risposta għat-tieni parti tad-domanda.

Tribunal għal Talbiet Żgħar – problema ta’ dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar biex tissolva l-problema ta’dewmien fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien qed jiġi nnutat li l-kawżi quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żghar kienu qed jieħdu ħafna seduti sa ma jiġu deċizi, u dan kontra dak li kien jipprovdi l-Att dwar it-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Il-Liġi tipprovdi biex kawża quddiem dan it-Tribunal tinqata’ kemm jista’ jkun malajr u possibilment f’seduta waħda. Għal dan il-għan iddaħħlu numru ta’ inizzjattivi u dawn taw il-frott mixtieq għaliex minn analiżi li saret jirriżulta li ġie reġistrat nuqqas sostanzjali fiż-żmien biex każ jiġi deċiż. Nieħu l-opportunita’ biex nirringrazzja lill-Aġġudikatura tal-koperazzjoni sħiħa li huma wrew.

Sistemi ġodda tal-IT – lista komprensiva

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista komprensiva ta’ sistemi ġodda tal-IT li ġew introdotti bejn l-2013 u l-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistemi godda tal-IT li ġew introdotti bejn l-2013 u l-2015 fil-Qrati tal-Ġustizzja huma s-segwenti: 1. Informazzjoni b’SMS lill-avukati dwar seduti ċivili li jkunu ser jiġu differiti; 2. Posta elettronika lill-avukati li tikkontjeni digrieti tal-Qrati Civili; 3. Posta elettronika lill-avukati bit-traskrizzjonijiet tax-xhieda; 4. Reġistrazzjoni ta’ talbiet b’mod elettroniku (e-filing) fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar; 5. Informazzjoni b’SMS liċ-Ċittadin dwar seduti ċivili li jkunu ser jiġu differiti; 6. Posta Elettronika lill-avukati/prokuraturi legali b’informazzjoni dwar l-eżitu tan-notifika tal-atti ġudizzjarji quddiem il-Qrati Civili; 7. Aċċess onlajn lill-professjoni legali (avukati, prokuraturi legali u nutara) għas-sistemi elettroniċi tal-qorti (Lecam): a. Acts (Settembru 2014) b. Warrants (Novembru 2014) c. Court Case Information (Marzu 2015) 8. Access Onlajn ghad-dokumenti kollha ta’ kull process pendenti fil-Qorti tal-Magistrati 9. Aċċess Onlajn għall-atti ġudizzjarji lic-Cittadin (MyActs). 10. Facilita’ li wiehed jipprezenta atti fir-Registru ta’ Malta ghall-Qrati ta’ Ghawdex u vice-versa 11. Reġistrazzjoni ta’ talbiet b’mod elettroniku (e-filing) quddiem it-Tribunal ta’ Reviżżjoni Amministrativa (Din ser tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru, 2015) Dan kollu qed jgħin biex il-ġustizzja tiġi amministrata aħjar u b’mod iktar espedjenti.

Qrati – sistemi tal-IT – tnaqqis fid-dewmien u burokrazija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif is-sistemi ġodda tal-IT fil-Qrati għenu biex inaqsu d-dewmien u burokrazija fil-Qrati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sistemi l-ġodda fil-qasam tal-informatika li ddaħħlu fil-qasam tal-ġustizzja Civili huma mmirati biex jagħtu aktar informazzjoni f’waqtha. B’dan il-mod kull azzjoni li tkun meħtieġa ssir, issir kemm jista’ jkun malajr u wiehed ma joqghodx jahli differimenti ghal xejn. Il-professjoni legali llum hija fornita b’aċċess għall-atti kemm mill-uffiċċju tagħhom kif ukoll fuq il-mobile erbgħa u għoxrin siegħa kuljum (24/7) u fil-kaz tal-Qorti tal-Magistrati jistghu jaraw kull dokument ta’ kull process. Ikunu wkoll notifikati mill-ewwel bid-digrieti tal-Qorti. Jistgħu jkunu jafu kważi fi żmien reali jekk in-notifika kienetx suċċess jew jekk tkunx trid issir proċedura oħra sabiex tassigura n-notifika. Dan kollu jgħin biex il-membri tal-professjoni legali ma jkollhomx għalfejn joqgħdu jmorru fl-edifiċċju tal-Qorti biex jinqdew. Dan jgħin ukoll biex tittaffa pressjoni żejda minn fuq l-impjegati tal-Qorti. Is-sistemi l-ġodda għinu biex titnaqqas il-burokrazija u qed jgħinu wkoll biex jitħaffef il-proċess ġudizzjarju.

Qrati – clearance rate

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar progress li seta’ kien hemm fil-clearance rate tal-Qrati bejn Marzu 2013 u Lulju 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-clearance rates kemm tal-Qorti Civili huma hekk: Qrati Ċivili 2011 2012 2013 2014 Qorti Kostituzzjonali 120 80 139 85 Qorti Tal-Appelli Ċivili (Superjuri) 66 50 57 80 Qorti Tal-Appelli Ċivili (Inferjuri) 51 56 74 82 Qorti Ċivili Prim' Awla 104 113 115 103 Qorti Ċivili tal-Familja 118 109 106 90 Qorti tal-Maġistrati (Sede Ċivili) 118 115 102 90 Tribunal Ta' Reviżjoni Amministrattiva 25 40 40 149 Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar 120 117 100 123 Bord Ta' Arbitraġġ Dwar Artijiet 103 167 536 137 Bord dwar il-Kontoll tal-Kiri tar-Raba' 125 145 205 157 Bord li Jirregola l-Kera 89 122 103 139 Dan ifisser li fl-aħħar sentejn kien hemm progress: - Fil-Qorti tal-Apelli Ċivili (Superjuri) - Fil- Qorti tal-Apelli Ċivili (Inferjuri) - Fit- Tribunal Ta' Reviżjoni Amministrattiva - Fit- Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar - Fil- Bord Ta' Arbitraġġ Dwar Artijiet - Fil- Bord dwar il-Kontoll tal-Kiri tar-Raba' - Fil- Bord li Jirregola l-Kera Filwaqt li l-clearance rates fil-Qorti Kriminali kienu: Qrati Kriminali 2011 2012 2013 2014 Qorti tal-Appelli Kriminali Superjuri 42 67 133 214 Qorti tal-Appelli Kriminali Inferjuri 66 65 91 78 Qorti Kriminali 196 167 78 105 Qorti tal-Maġistrati 98 99 106 99 Dan ifisser li fl-aħħar sentejn kien hemm progress: - Fil-Qorti tal-Apelli Kriminali (Superjuri) - Fil- Qorti tal-Apelli Kriminali (Inferjuri) - Fil-Qorti tal-Maġistrati Minħabba il-fatt li din is-sena għadda ma ġietx fi tmiem, il-clearance rates għall-2015 ma jistawx jingħataw f’dan l-istadju prematur.

Proġett MUŻA – post ta’ project manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser joħroġ il-post ta’ project manager relatat mal-proġett MUŻA? Jista’ wkoll jassigura illi r-rekwiżiti tal-eleġibilità jinkludu għarfien tal-mużeoloġija kif ukoll fl-arti sabiex jiġi assigurat li ma jkunx hemm nuqqas ta’ ftehim kif ġara fi proġetti oħra tal-ERDF?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemmx ħsieb li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal post ta’ project manager għall-proġett MUŻA peress li dan ix-xogħol se jsir internament minn impjegati ta’ Heritage Malta. Nassigura lill-Onor Interpellant illi kieku jiena tajt ordni biex jinħareg post ta’ project manager l-Oppozizzjoni kienet tkun l-ewwel waħda li tqum u tgħid li qed jinħolqu l-jobs mal-Aġenziji tal-Gvern għal xejn b’xejn. Biss żgur li m’aħniex se nikkreaw posts li l-mansjoni tagħhom tista’ ssir internament diġa’ mill-impjegati bravi ta’ Heritage Malta. Nitlob lill-Oppozizzjoni tkun ftit konsistenti fil-kritika tagħha.

Trasferiment tat-Tempji ta’ Kordin III

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna fiex wasal it-trasferiment tat-Tempji ta’ Kordin III mill-Fondazzjoni Wirt Artna għal Heritage Malta? Jista’ wkoll jgħid kemm ser tkun iż-żieda fil-budget ta’ Heritage Malta minħabba din iż-żieda ta’ proprjetajiet li Heritage Malta tieħu ħsieb?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-proċess sabiex it-Tempji ta’ Kordin III jgħaddu għand Heritage Malta wasal qrib it-tmiem. Iż-żieda fil-vot rikurrenti ta’ Heritage Malta għall-2016 hija biżżejjed sabiex l-aġenżija tibda tieħu ħsieb il-preservazzjoni ta’ dan is-sit u tistabbilixxi xi ħtiġijiet jista’ jkollu.

Heritage Malta – green areas – żieda ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Heritage Malta ser iżżid in-nies biex jaħdmu fil-qasam tal-manteniment u l-kura tal-green areas li hemm fis-siti tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema ta’ Heritage Malta iddedikati għall-kura ta’ green areas qed ilaħħqu max-xogħol preżenti u għalhekk ma hemmx ħsieb li jiżdiedu l-impjegati għal xogħol simili fil-futur qarib. Jien m’inix se noħloq vakanzi għalxejn b’xejn għal xogħol li m’għandniex bżonn a skapitu tat- taxpayer. Ma nistax ma nirrimarkax pero’ li kieku jiena tajt xi direzzjoni biex jiżdiedu l- maintenance persons li jidħlu jaħdmu ma’ Heritage Malta kienet tiġi l-Oppozizzjoni tilmenta li qed jinfetħu l-bibien biex nikkreaw jobs għal xejn b’xejn. Nistieden lill-Oppozizzjoni tkun ftit konsistenti fil-kritika tagħha.

Heritage Malta — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex xi ħaddiema li jaħdmu xogħol fuq barra ma’ Heritage Malta mhux qed jitħallew jirrapurtaw għax-xogħol ma’ tlugħ ix-xemx sabiex tiġi evitata s-sħana eċċessiva?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-ġebel ta’ Heritage Malta jirrapurtaw ghħax-xogħol fis-6.30am tul is-sena kollha, filwaqt li l-ġardinara jirrapurtaw għax-xoghol bejn il-5am u s-1pm fis-sajf, u bejn is-6am u t-3pm fix-xitwa.

Esebizzjoni dwar l-450 sena anniversarju mill-Assedju l-Kbir

Question

B’referenza għall-esebizzjoni eċċellenti li qed issir dwar l-450 sena Anniversarju mill-Assedju l-Kbir, jista’ l-Ministru jikkonferma illi xi artifatti ġew imċaqalqa u mqiegħda min-nies li m’għandhomx taħriġ fil-kuratorjat jew inkella fil-konservazzjoni? Jista’ wkoll jikkonferma li mhux dejjem ġew użati l-ingwanti fuq oġġetti li jinħtieġu l-użu ta' dan il-metodu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol kollu rigward il-wirja tal-Assedju l-Kbir sar minn impjegati ta’ Heritage Malta li għandhom esperjenza kbira f’dan il-qasam, inkluż kuraturi u konservaturi, kif isir dejjem f’okkazjonijiet simili. Dan ix-xogħol sar għas-sodisfazzjon ta’ kullħadd, inkluż ir-rapprezentanti tal-istituzzjonijiet barranin li sellfu oġġetti sabiex ikunu parti mill-wirja.

Proġett MUŻA — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tender se joħroġ fir-rigward tal-proġett MUŻA, x'inhi n-natura ta’ kull tender u meta dawn it-tenders ser joħorġu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għall-proġett tal-MUZA fadal jiġu ppubblikati tliet tenders kif immarkat fit-tabella hawn taħt. Ref No. Contract Title Period of Publication 1 HM06.07.14 Service Contract for an Integrated Design Team for MU¯A – Muzew Nazzjonali Tal-Arti , Auberge d'Italie, Valletta Published 2 HM.23.03.15 Request for Proposals: Branding Identity & Guidelines Published 3 HM23.07.15 Request for Quotations for the Cost Benefit Analysis (CBA) of the MUZA Project to be Considered for ERDF Funding Published 4 CT3025/2015 Muza - The Restoration of the Facade of Auberge D'Italie in Merchant Street Valletta Published 5 Works Works tender for the setup of MUZA at the Auberge D'Italie in Merchant Street Valletta Last quarter 2015* 6 Employment Quantity Surveyor/Project Administrator Third quarter 2016* 7 Services/Supply Publicity 2017/18 *

Kunsilli lokali f’Għawdex – ħaddiema assenjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema assenjati miegħu kull kunsill lokali f'Għawdex? Jista' jispeċifika kemm minn dawn il-ħaddiema huma mpjegati diretti tal-kunsill u x’inhu x-xogħol ta' kull ħaddiem impjegat? Jista' jispeċifika kemm hemm ħaddiema assenjati mill-Gvern jew xi entità tiegħu ma’ kull kunsill lokali f'Għawdex u jispeċifika kif inhu assenjat kull ħaddiem u għal kemm żmien? X’inhu x-xogħol assenjat lil kull ħaddiem minn dawn mal-kunsill lokali li qed miegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali ta’ Għawdex.

Heritage Malta – sejħa għall-voluntiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sejħa għall-voluntiera li Heritage Malta ħarġet, hijiex biss għall-individwi li jistgħu joffru xogħol ta’ minimu ta’ 4 siegħat darbtejn fil-ġimgħa? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun aħjar jekk l-availability titħalla fil-libertà u d-diskrezzjoni tal-applikant?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-sejħa għall-voluntiera msemmija hawnhekk hija marbuta mal-wirja dwar l-Assedju l-Kbir fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru – mifruxa fuq tlettax-il ġimgħa. Għaldaqstant, il-tul tal-ħin u l-frekwenza mitluba ġew imsejsa fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-operat tal-istess wirja.