Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma rċevitx il-ħlas kollu skond il-kuntratt li għamlu mal-Housing Authority? Jistgħu dawn is-sinjuri jirċievu tweġiba bil-miktub? Jistgħu l-ħaddiema tad-dipartiment jekk hemm xi żball jaraw li jiġi rranġat mill-aktar fis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar approvat is-somma ta' Lm577.50. Peress li l-Iskema hija income related, l-applikanta kkwalifikat għall-60% ta' din is-somma jew tal-valur tax-xogħol skond liema minnhom hu l-anqas.
Din l-applikanta ppreżentat irċevuta fiskali għall-ammont ta' Lm334.00 li tkopri l-bdil tal-bieb ta' barra. Hi għalhekk ikkwalifikat u tħallset 60% tal-valur ċioe' Lm200.
Ix-xogħol l-ieħor approvat għadu ma sarx. Meta dan ix-xogħol isir u l-applikanta tippreżenta l-irċevuti fiskali, l-Awtorita' tad-Djar tħallas l-ammont dovut.
Jista' l-Viċi Prim Mnistru jara li fil-każ ta' l-anzjana u persuna bi bżonnijiet speċjali - dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament - jiġi mgħaġġel il-proċess ta' sussidju mill-Housing Authority għal-lift fid-dar tagħha peress li qiegħda ssibha diffiċli li tuża l-kmamar ta' fuq? Jistgħu l-ħaddiema tal-Housing Authority jagħtu prijorita' lil dan il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata ma jirriżultax li għandha applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien stmat li kien se jiswa l-bini l-ġdid tas-swali f19/20 fl-SVPR u kemm fil-fatt sewa? Min ħa t-tenders għal dan ix-xogħol u għal kull tender li nħarġet kemm swiet u lil min ingħatat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex wara li l-kopja anzjana li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija bagħtet irċevuta lill-Awtorita' tad-Djar li jammontaw għal Lm 763, irċevew biss Lm 588, meta din fadliha aktar irċevuti u l-approvazjoni, skond il-kuntratt, kienet ta' Lm 783?
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni forsi anke bil-miktub lil dawn is-sinjuri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar approvat is-somma ta' Lm783 għall-bdil tal-kamra tal-banju u tal-madum ta' l-art. Skond id-dħul tiegħu l-applikant ikkwalifika għall-60%.
Hu tħallas is-somma ta' Lm375 għall-kamra tal-banju ċioe' 60% tas-somma approvata mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar ċioe' Lm625 għall-bdil ta' din il-kamra.
Peress li għall-bdil tal-madum l-applikant ippreżenta rċevuti fiskali fl-ammont ta' Lm370 hu ngħata 60% ta' dan l-ammont ċioe' Lm222.
B'kollox l-applikant tħallas Lm597.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrikonsidra l-każ ta' anzjana li għandha 73 sena u għadha kif għamlet operazzjoni serja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li talbet għall-Home Help u ġiet irrifjutata?
Jista' l-każ tagħha jerġa' jiġi nvestigat peress li huwa każ ġenwin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-każ ta' housing ta' omm separata li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija flimkien ma' rapport ta' Social Workers mit-taqsima Vjolenza Domestika jiġi mistħareġ minħabba l-urġenza tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qiegħed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ biex persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li qiegħda tistenna li tgħaddi board u ilha ma tirċievi benefiċċji mid-19 ta' Lulju 2000, jitmexxa mil-aktar fis possibbli għax qed ikollha problemi biex tkun tista' tgħix b'mod diċenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21240, jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif il-figuri tal-gainfully occupied għas-sena 1999 (Impjegati + self-employed) ma jaqblux mal-figuri ippubblikati mill-ETC, u cioe' tal-ewwel huma aktar?
Kif jispjega l-fatt li s-self-employed naqsu b'madwar 300 meta suppost l-ekonomija sejra tajjeb?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar u ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana x'xahar b'xahar matul din is-sena kemm kien hemm persuni li rreġistraw għall-ewwel darba ma' l-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul din is-sena n-numru ta' persuni li kienu qiegħdin jirreġistraw għall-ewwel darba ma' l-ETC xahar b'xahar kien kif ġej:
Jannar 2000 - 333
Frar 2000 - 297
Marzu 2000 - 281
April 2000 - 214
Mejju 2000 - 252
Ġunju 2000 - 211
Lulju 2000 - 547
Awissu 2000 - 350
Settembru 2000 - 324
Ottubru 2000 - 376
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Principal officer
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li kienet taħdem bħala principal officer mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, li kellha increment f'Jannar ta' l-1994, skond increment warrant No. 0098/94, kemm-il increment kellha qabel, jiġifieri mill-1991 sa l-1993?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1991 u 1993, minħabba fir-riforma fis-salarju, ħadd mill-impjegati tal-Gvern ma ġew mogħtija increments. L-increments ġew mogħtija f'Jannar 1994 wara li tlestiet ir-riforma fis-salarji.
Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji taż-żieda fil-kera, tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħata b'mod separat flimkien mad-dettalji tad-dħul finanzjarju tal-familja, li fl-1988 kellu kera ta' Lm 64 u fl-1999 telgħet għal Lm 150?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera tal-inkwilin indikat fil-mistoqsija inħadem is-sena l-oħra (1999) fuq id-dħul tiegħu matul l-1998 skond il-ftehim tal-kirja ffirmata minnu fil-11 ta' Settembru 1987 meta ingħata l-post.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jinbnew djar għall-anzjani ġodda? F'liema lokalita' se jkunu? Kemm se jilqgħu anzjani fihom? Kemm hu stmat li se jiswew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li l-Gvern ser jibqa' jerfa' r-responsabilita' f'dak li jirrigwarda l-provediment ta' servizzi residenzjali għall-anzjani, fil-futur ser jadotta politika li permezz tagħha jaħdem aktar mill-qrib mas-settur privat.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid meta din l-amministrazzjoni ser iżomm il-wegħda elettorali tagħha li tagħti żieda sħiħa lill-pensjonanti?
Meta din l-amministrazzjoni ser iżomm il-wegħda elettorali tagħha li ttejjeb il-pensjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15843.
Jista' l-Viċi Ministru jgħid kemm hemm nies fuq il-waiting lists għad dħul fi djar ta' l-anzjani tal-Furjana, Gżira, Mosta, Msida, Mtarfa, Żejtun u Bormla?
Kemm ilhom jistennew dawn in-nies (jistgħu jinqasmu f'perċentwali/brackets)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Preżentament hemm total ta' 747 persuna li isimhom jidher fuq il-waiting list għaliex xi darba jew oħra rreġistraw l-interess tagħhom biex jidħlu f'xi waħda mid-djar residenzjali tal-Gvern għall-anzjani. Filwaqt illi 52% ta' dawn in-nies applikaw matul is-snin 1996 - 1999, 37% oħra applikaw matul is-sena kurrenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-refurbishment tas-swali F7/8 u MS/6 tal-Kumpless San Vinċenz de Paule? Min kienu l-kuntrattur jew kuntratturi li wettqu dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mietu jew naqsu nies li baqgħu jirċievu l-pensjonijiet ta' l-eta' u sickness allowance sena sena mill-1995 sal-lum u bħala total? Kemm kien hemm benefiċċji ġodda għall-istess benefiċjarji fil-perijodu indikati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar ċar fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal-liema tip ta' xogħol qed jirreġistraw it-300 persuna b'diżabilita' li huma bla xogħol bħalissa?
X'inhi l-eta' tagħhom?
Kemm hemm nisa u kemm irġiel?
Mil-liema lokalitajiet ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Wara li l-Viċi Prim Ministru jiddikjara fuq aktar minn okkażjoni waħda li lest juri l-Oppożizzjoni fejn qed jaħdmu dawk il-4,000 impjieġ ġdida, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' fejn ġew impjegati dawk l-4,000 impjieg ġdid?
Jista' jispeċifika isem il-kumpannija li qed tħaddimhom jew isem l-employer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar u ser tingħata f'xi Seduta oħra.