Legislature:
Category:
Reset
Active:

Budget rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ex ħaddiema tal-MDC/IPSE/METCO

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4395 riferuta lilu u cioe' kemm l-MPO s'issa pproċessa talbiet għall-postijiet ta' impjiegi għall-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO? Fejn intbagħtu jaħdmu? Min huma dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-eżerċizzju ta’ “secondment” għall-persuni li qabel kienu jaħdmu ma’ l-MDC, IPSE jew METCO għadu għaddej. In-numru ta’ persuni sekondati sas-6 ta’ April 2004 huwa ta’ tmienja li ntbagħtu jaħdmu kif ġej: a. Ministry of Finance & Economic Affairs 3 b. Ministry of Education – Archives 1 c. MCAST (“on probation”) 2 d. Law Courts (“on probation”) 1 e. Heritage Malta 1

International Trading & Holding Companies

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'pożizzjoni esprimiet il-Kummissjoni Ewropea f'Awissu li għadda dwar l-International Trading and Holding Companies f'pajjiżna? X'wieġeb il-gvern dwar din il-pożizzjoni? Fiex waslu n-negozjati bejn iż-żewġ naħat fuq dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Malta ma taqbilx ma’ l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fuq il-miżuri tat-taxxa li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant in konnessjoni mal-“Code of Conduct for Business Taxation” billi ssostni li dawn il-kumpaniji huma taxxabbli fuq id-dħul kollu tagħhom bir-rata ta’ 35% bħal kull kampanija oħra Maltija. Ix-“shareholders” ta’ dawn il-kumpaniji u ta’ kull kumpanija oħra Maltija huma persuni distinti mill-kumpanija u huma suġġetti għall-regoli taħt il-liġi tat-taxxa bħala persuni differenti mill-kumpanija. Għandhom ikomplu jsiru diskussjonijiet bejn Malta u l-Kummissjoni fuq dan is-suġġett.

Għaqdiet sportivi u kulturali — xogħlijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ? Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar sentejn, il-Forzi Armati ta’ Malta għamlu għotja ta’ numru ta’ vetturi tal-militar lil Malta Aviation Museum Foundation wara li dawn kienu ġew iċċertifikati “unserviceable” minn “Board of Survey” f’Diċembru ta’ l-2001. Il-valur totali li kien ġie stmat fuq dawn il-vetturi kien jammonta għas-somma ta’ Lm2,409. Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dekasteru tal-Finanzi fl-aħħar sentejn ġew sponsorjati tlieta u erbgħin elf, mitejn u tlieta u għoxrin liri Maltin ((Lm43,223) lill għaqdiet sportivi, għaxar t’elef u ħames mija liri Maltin (Lm10,500) lill-għaqdiet edukattivi u ħmistax-il elf, tlett mija u tmienja u ħamsin liri Maltin (Lm15,358) fil-qasam kulturali. Aktar tagħrif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

OPM — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Tikketti tas-sigaretti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li t-tikketti ta' sigaretti importati u dik ta' sigaretti manufatturati Malta se jkunu l-istess? Jekk iva, dan se jnaqqas mill-kontroll u jimmina trażżin ta' kuntrabandu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa kkonfermat li t-tikketti tas-sigaretti importati u dawk manifatturati Malta ser ikunu l-istess. Ma huwiex maħsub li dan se jnaqqas mill-kontroll u jimmina trażżin ta’ kuntrabandu. Dan minħabba l-fatt, li kif spjegat fil-Mistoqsija Parlamentari 5192, it-tikketti kollha ser ikunu innumerati individwalment. Bil-kontroll li ser ikun hemm fit-tqassim ta’ dawn it-tikketti l-ġodda għandha tiżdied l-effiċjenza fil-ġbir tad-dazju tas-sisa. Ta’ min jgħid li bit-tikketti l-ġodda ser issir qabża fil-kwalita milli hemm illum. It-tikketti bħalissa huma tal-karta u għaldaqstant huwa faċli ħafna li jiġu kkuppjati li jwassal għall-telf fl-introjtu tal-gvern. Fuq il-manifattura ta’ dawn it-tikketti ġew imposti ċerti obbligi speċjali li jissalvagwardaw l-interessi tad-Dwana. Għandu jingħad ukoll, li Malta ser tkun l-ewwwl pajjiż fid-dinja li ser ikollha dan it-tip ta’ tikketti li huma magħmulin b’teknoloġija avvanzata ħafna.

Ħaddiema tat-tarzna li ġew trasferiti mas-Servizz Pubbliku

Question

Mill-ħaddiema li ġew trasferiti mal-gvern mit-tarzna, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm minnhom huma fil-grad klerikali u kemm minnhom huma fi grad tekniku? Fil-każ ta' l-aħħar, f'liema kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Investiment.

Tikketti ta' sisa tas-sigaretti

Question

Peress li madwar sena ilu nħarġet tender għat-tikketti ta' sisa ta' sigaretti, jista' il-Prim Ministru jgħid min issottometta din it-tender? Min ħa din it-tender? Kemm kienu l-ħaddiema tal-gvern fid-dipartimenti varji li se jiġu affettwati mill-fatt li se jkun hemm out sourcing ta' xogħol li kien isir b'mod effettiv mid-dwana u l-istamperija tal-gvern? Kif se jkun hemm kontroll mill-gvern dwar dawn it-tikketti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Żewġ ditti Maltin issottomettew 5 “tenders” b’risposta għas-sejħa Nru 237/2003 maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Dawn huma a. Galaxy Ltd għan-nom ta’ Light Impressions, Giesecke & Devrient, Securikett, u Optaglio b. Kasco Ltd għan-nom tagħha nnifisha. Wara evalwazzjoni sħiħa l-kuntratt ingħata lil Galaxy Ltd għan-nom ta’ Optaglio. Tliet ħaddiema tal-gvern li jifformaw il-“Banderoles Board” ser jiġu effettwati direttament għax mhux ser jibqa’ l-bżonn li jiffunzjona dan il-Bord li x-xogħol tiegħu kien s’issa li jikkontrolla l-istampar tat-tikketti eżistenti fl-istamperija tal-gvern. Dawn il-ħaddiema issa jistgħu jmorru lura fid-dipartimenti rispettivi tagħhom.

Ministeru għal Għawdex — Iffirmar ta' charge letters

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4576 indirizzata lill-Ministru għal Għawdex, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ħarġitx letter of delegation li s-segretarju permanenti fil-Ministeru għal Għawdex ikun jista' jiffirma ċ-charge letters minflok id-direttur customer services fl-istess ministeru? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet din l-ittra u a tenur ta' liema artiklu ta' l-avviż legali dwar il-proċedura tad-dixxiplina ta' l-1999 tal-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku? Jekk fin-negattiv, a tenur ta' liema artiklu s-segretarju permanenti ta' Għawdex jiffirma ċ-charge letters imsemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi d-Delega ta’ Poter dwar kontroll dixxiplinarju li nħarġet fl-1 ta’ Novembru 1999, tipprovdi li meta l-uffiċċju ta’ Direttur li jkun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni diretta tas-Segretarju Permanenti jkun vakanti u ma tkun saret l-ebda ħatra ta’ aġent Direttur, bħal ma fil-fatt seħħ f’dan il-każ, l-uffiċjal delegat biex joħroġ iċ-charges lill-uffiċjali pubbliċi li jaħdmu f’dak id-Dipartiment, jkun is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru. Din id-delega ta’ poteri ngħatat mill-Prim Ministru fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku bis-saħħa ta’ l-Artiklu 110 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Għaqdiet sportivi — donazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Summit tal-EU — Vjaġġ tal-Prim Ministru permezz ta' private jet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-vjaġġ li sar bil-private jet għall-aħħar summit tal-EU li għalih attenda l-Prim Ministru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vjaġġ li sar bil-“private jet” għall-aħħar “Summit” ta’ l-EU ġie jiswa’ Lm13,520.

Taxxi Interni — Refunds ta' l-income tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm allokati flus għal refunds ta' l-income tax matul din is-sena finanzjarja? Kemm minn dawn se jmorru lura għas-sena 1997 u qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammont allokat għar-“refunds” ta’ l-“income tax” fl-Estimi Ġenerali għal din is-sena finanzjarja huwa ta’ tlett miljun lira. Dan l-ammont se jmur kollu għall-ħlas ta’ parti mir-“refunds” ta’ taxxa dovuti sas-sena 1997. “Refunds” għas-snin sussegwenti jitħallsu mill-istess dħul ta’ “income tax” li jinġabar matul din is-sena.

Public Service Commission

Question

Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti ħjiel meta se jiġu implimentati mill-public service commission is-sentenzi maqtugħa mit-Tribunal ta’ l-Inġustizzji għar-rigward ta’ l-impjegati tal-qrati tal-ġustizzja li ngħataw rimedji għall-inġustizzji li sofrew fuq il-post tax-xogħol ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.

Servizz Pubbliku — Skrivani

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għaddew nies għal skrivani mal-gvern? Kemm daħlu? Meta se jidħlu u kemm beħsiebu jdaħħal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kandidati li għaddew għall-post ta’ Skrivani fis-Servizz Pubbliku huwa ħames mija u ħamsa u erbgħin (545). Minn dawn sa issa bdew jaħdmu erbgħa u sebgħin (74). Ingaġġ aktar ta’ skrivani jsir meta jkun il-bżonn skond il-ħtiġijiet tas-Servizz.

Forzi Armata — Każ dwar tir ta' pistola tas-servizz

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ittieħdux passi dixxiplinarji dwar il-każ li seħħ fid-9 ta' Jannar 2004 għal ħabta ta' l-3.45 p.m. meta minn uffiċċju ta' uffiċjal fir-Revenue Security Corps instema' tir ta' pistola tas-servizz, liema ħoss instema' sew mill-uffiċċju tal-brigadier kif ukoll minn dawk li kienu fis-Second Regiment u fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li minn investigazzjonijiet li saru xniegħat li kien hemm sparatura ma ġewx ikkonfermati.

Istituzzjonijiet finanzjarji Maltin

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 4259, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadu l-istituzzjonijiet finanzjarji dwar: 1) il-każ tal-Parmalat; 2) il-każ tad-Daewoo; u jekk hux sodisfatt li fiż-żewġ każi l-istituzzjonijiet finanzjarji aġixxew bis-serjeta' ir-responsabbilta' kollha meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dwar il-passi li ħadet l-MFSA (flimkien mar-Reġistratur tas-Soċjetajiet li jagħmel parti minnha) fir-rigward tal-Parmalat, diġà ngħatat l-informazzjoni relattiva permezz tar-risposti għad-domandi parlamentari numru 3624 u 3631. Ninsab infurmat ulterjorment illi mill-bidu nett l-MFSA ħadet il-passi li dehrilha xierqa sabiex tissalvagwardja l-integrità tad-dokumenti tal-kumpaniji Parmalat f’Malta sabiex tqegħdhom għad-dispożizzjoni ta’ min għandu dritt jarahom, inklużi investigaturi u persuni awtorizzati oħra. Id-dokumenti tal-kumpaniji Parmalat ġewwa Malta għal issa jinsabu taħt il-kustodja ta’ l-MFSA. L-MFSA qegħda tagħti l-assistenza tagħha kollha lid-diversi entitajiet u Awtoritajiet li qegħdin jiflu u jeżaminaw din il-kwistjoni. L-MFSA għamlet u żammet kuntatt sħiħ mal-persuni u d-ditti li kellhom x’jaqsmu mal-Parmalat u rnexxilha tiġbor l-informazzjoni li kienet meħtieġa. Għaldaqstant ninsab sodisfatt bl-għemil ta’ l-MFSA f’dan il-każ ma hemm ebda indikazzjoni għala għandi naħseb li ma mxietx b’serjetà u b’responsabbiltà. L-istess nista’ ngħid għall-imġieba tal-Bank Ċentrali fil-każ tad-Daewoo. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fuq dan il-każ diġà ngħatat l-informazzjoni relattiva permezz tar-risposti għad-domanda numru 19392 tas-seduta 375 tat-28 ta’ Settembru 2000. Nirrepeti li f’dak iż-żmien il-Bank Ċentrali, li allura kien l-awtorità kompetenti fuq is-settur bankarju, ħa l-azzjonijiet kollha li bħala l-awtorità kompetenti kien jidhirlu li hu xieraq u skond il-liġi. Ninsab infurmat ukoll li l-istess tagħmel, u hekk qegħda tagħmel, l-MFSA li llum hija l-awtorità kompetenti fuq is-settur finanzjarju kollu, f’każijiet simili. Għaldaqstant ma għandi l-ebda dubju li kemm il-Bank Ċentrali kif ukoll l-MFSA imxew b’mod responsabbli u serju kif inhu xieraq u meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Attivitajiet sportivi — VAT fuq bejgħ ta' biljetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li daħħal VAT il-gvern mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ dawk li jmorru jaraw l-attivitajiet sportivi fis-snin 2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid mil-liema għaqdiet sportivi nġabru jekk teżisti din it-tip ta’ informazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin 2001, 2002 u 2003 il-VAT globali (‘net’) imħallsa minn għaqdiet sportivi kienu dawn: 2001 – Lm4,795 2002 – Lm2, 074 2003 – Lm3, 201 Wieħed irid jikkunsidra li dawn l-għaqdiet seta’ kellhom spejjeż kapitali u spejjeż oħra li fuqhom kellhom id-dritt jitolbu lura l-VAT li weħlu fuq dawn l-ispejjeż.

ĦLAS MIR-RUSSJA TAD-DEBITI DOVUTI LIL MALTA

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm reazzjoni min-naħa Russa għall-kontro proposti tal-Gvern Malti ma’ l-awtoritajiet Russi dwar il-ħlas lura min-naħa Russa tad-debiti dovuti lil pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom għaddejjin u għaldaqstant mhux xieraq li nagħti xi tagħrif f’dan l-istadju.

OPM — Kiri ta' vetturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kirjiet ta' karozzi, vannijiet u vetturi oħra matul Jannar u Frar ta' din is-sena tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-istess nefqa s-sena l-oħra, 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.

KURUNELL TA’ L-ARMATA OLANDIŻA – ŻJARA F’MALTA

Question

Jista’ il-Prim Ministru jikkonferma illi żar Malta Kurunell ta’ l-Armata Olandiża biex jiddiskuti l-possibbilta’ illi l-Forzi Armati ta’ Malta jixtru surplus military material mill-Forzi Armati ta’ l-Olanda? Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm mistenni jiġi jiswa dan il-materjal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li f’Jannar li għadda saru taħdidiet. Deċiżjoni tittieħed fi żmien opportun.